Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“L-Affarijiet taʼ Qabel Ma Jitfakkrux”

“L-Affarijiet taʼ Qabel Ma Jitfakkrux”

Ersaq Qrib Lejn Alla

IL-​MEMORJI jistgħu jkunu barka. Meta tħares lura u toqgħod tirrifletti fuq iż-​żminijiet sbieħ li qattajt mal-​għeżież tiegħek, tistaʼ tħoss qalbek timtela bil-​ferħ. Imma f’każi oħrajn, il-​memorji jistgħu jkunu iktar bħal saħta. Qiegħed int tiġi tturmentat minn memorji koroh minħabba xi esperjenzi taʼ wġigħ li għaddejt minnhom fil-​passat? Jekk iva, għandek mnejn taħseb bejnek u bejn ruħek, ‘Imma, dawn il-​memorji koroh u taʼ dwejjaq, qatt se ninsiehom?’ Fil-​kliem tal-​profeta Isaija nistgħu nsibu tweġiba li tassew hija taʼ serħan il-​moħħ.—Aqra Isaija 65:17.

L-​iskop taʼ Ġeħova hu li jelimina kull ħaġa li tikkaġuna memorji taʼ wġigħ. Kif se jagħmel dan? Billi jneħħi din id-​dinja mill-​agħar bis-​sofferenzi kollha tagħha u minflokha jġib xi ħaġa bil-​wisq aħjar. Permezz taʼ Isaija, Ġeħova jwiegħed: “Ara, qed noħloq smewwiet ġodda u art ġdida.” Fehma ċara taʼ din il-​wegħda tistaʼ timlielna qalbna bit-​tama.

X’inhuma s-​smewwiet ġodda? Il-​Bibbja tagħtina xi ħjiel li jistaʼ jgħinna. L-​ewwel, l-​idea taʼ smewwiet ġodda tissemma minn żewġ kittieba oħra tal-​Bibbja, u fiż-​żewġ każijiet il-​kliem hu assoċjat maʼ bidliet sinifikanti li se jseħħu fuq din l-​art. (2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:1-​4) It-​tieni, il-​kelma “smewwiet” fil-​Bibbja tistaʼ tirrappreżenta ħakma, jew gvern. (Isaija 14:4, 12; Danjel 4:25, 26) Għalhekk, is-​smewwiet ġodda huma gvern ġdid—gvern li kapaċi jġib kundizzjonijiet ġusti fuq l-​art. Hemm ħakma waħda biss li kapaċi twettaq dan kollu—is-​Saltna t’Alla, il-​gvern fis-​sema li Ġesù għallimna kif nitolbu għalih. Din is-​Saltna se tagħmel possibbli li r-​rieda ġusta t’Alla ssir fuq l-​art kollha.—Mattew 6:9, 10.

X’inhi l-​art ġdida? Ejja nikkunsidraw żewġ fatti Skritturali li se jgħinuna naslu għall-​konklużjoni t-​tajba. L-​ewwel, il-​kelma “art” fil-​Bibbja xi kultant tirreferi għan-​nies u mhux għad-​dinja nfisha. (Salm 96:1) It-​tieni, il-​Bibbja bassret li taħt il-​ħakma t’Alla, in-​nies leali se jitgħallmu s-​sewwa, u dan se jinfirex mad-​dinja kollha. (Isaija 26:9) Għalhekk, l-​art ġdida tirreferi għal soċjetà taʼ nies li se jissottomettu ruħhom għall-​ħakma t’Alla u jgħixu mal-​livelli ġusti tiegħu.

Tistaʼ tara kif Ġeħova se jelimina kull ħaġa li tikkaġuna memorji taʼ wġigħ? Ġeħova dalwaqt se jwettaq bis-​sħiħ il-​wegħda tiegħu taʼ smewwiet ġodda u art ġdida, billi jistabbilixxi dinja ġdida li se tkun ġusta. a F’din id-​dinja l-​ġdida, dak kollu li jikkaġuna memorji koroh—uġigħ fiżiku, mentali, u emozzjonali—se jkun xi ħaġa tal-​passat. In-​nies leali se jgawdu l-​ħajja bis-​sħiħ u se jgħożżu l-​memorji sbieħ taʼ kull ġurnata li tgħaddi.

Iżda, xi ngħidu għall-​uġigħ li bħalissa għandu mnejn qed itaqqlilna qalbna? Il-​wegħda taʼ Ġeħova permezz taʼ Isaija tkompli tgħid: “L-​affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-​qalb.” Kull uġigħ li qatt esperjenzajna f’din id-​dinja li se tispiċċa, maż-​żmien se jintesa. Iħajrek dan il-​prospett? Jekk iva, mela għala ma ssirx taf kif tistaʼ tersaq eqreb lejn l-​Alla li jwiegħed futur mill-​isbaħ bħal dan?

[Nota ta’ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar is-​Saltna t’Alla u dak li dalwaqt se twettaq, ara kapitli 3, 8, u 9 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kumment f’paġna 27]

L-​iskop taʼ Ġeħova hu li jelimina kull ħaġa li tikkaġuna memorji taʼ wġigħ