Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nithennew bit-Tama li Għandna

Nithennew bit-Tama li Għandna

“[Hemm] it-​tama tal-​ħajja taʼ dejjem. Alla, li ma jistax jigdeb, din wegħedhielna minn żmien twil ilu.”—TITU 1:2.

BĦALA REVIŻJONI

Kif nafu li jkun hemm ferħ fis-​sema meta wieħed mill-​midlukin iżomm l-​integrità tiegħu sal-​mewt?

It-​twettiq tat-​tama tan-​nagħaġ l-​oħrajn, kif għandu x’jaqsam mat-​twettiq tat-​tama tal-​midlukin?

Sabiex naraw it-​twettiq tat-​tama li għandna, liema “atti taʼ kondotta qaddisa” u “għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla” għandna nuru?

1. It-​tama li tana Ġeħova kif tistaʼ tgħinna nkampaw?

 ĠEĦOVA hu “l-​Alla li jagħti t-​tama,” qal l-​appostlu Pawlu. Hu kompla jgħid li Ġeħova jistaʼ ‘jimliena b’kull ferħ u paċi talli nemmnu, biex noktru fit-​tama bil-​qawwa taʼ l-​ispirtu qaddis.’ (Rum. 15:13) Jekk it-​tama li għandna tkun ħajja għalina, se nkunu nistgħu nkampaw maʼ kwalunkwe sitwazzjoni li tistaʼ tinqalaʼ, u b’hekk qlubna jkunu mimlijin bil-​ferħ u l-​paċi. Meta ngħaddu minn xi burraxka fil-​ħajja, it-​tama li għandna tkun “ankra għal ruħna, żgura u soda,” sew jekk aħna mill-​midlukin u sew jekk aħna min-​nagħaġ l-​oħrajn. (Ebr. 6:18, 19) Jekk inżommu mat-​tama li għandna mhux se “ninġarru mal-​kurrent.” Din se tgħinna biex inżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha u biex ma jkollniex dubji.—Aqra Ebrej 2:1; 6:11.

2. (a) Il-​Kristjani llum liema żewġ tamiet għandhom? (b) ‘In-​nagħaġ l-​oħrajn’ għala għandhom interess fit-​tama tal-​midlukin?

2 Il-​Kristjani f’dan iż-​żmien tat-​tmiem għandhom waħda minn żewġ tamiet. Dawk tal-​“merħla żgħira” li għadhom fuq l-​art għandhom it-​tama taʼ ħajja immortali fis-​sema. Dawn se jkunu slaten u qassisin maʼ Kristu fis-​Saltna tiegħu. (Lq. 12:32; Riv. 5:9, 10) ‘In-​nagħaġ l-​oħrajn,’ li huma ħafna iktar fl-​għadd, għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna bħala sudditi tas-​Saltna Messjanika. (Ġw. 10:16; Riv. 7:9, 10) In-​nagħaġ l-​oħrajn m’għandhom qatt jinsew li sabiex jiksbu s-​salvazzjoni jeħtieġ li jappoġġaw lil ħut Kristu l-​midlukin li għadhom fuq l-​art. (Mt. 25:34-​40) Il-​midlukin se jirċievu l-​premju tagħhom, u bla dubju n-​nagħaġ l-​oħrajn se jirċievu tagħhom ukoll. (Aqra Ebrej 11:39, 40.) Mela, ejja l-​ewwel nitgħallmu iktar dwar it-​tama li Alla jagħti lill-​midlukin.

IT-​“TAMA ĦAJJA” TAL-​KRISTJANI MIDLUKIN

3, 4. (a) Lill-​midlukin, Ġeħova kif ‘jilidhom mill-​ġdid għal tama ħajja’? (b) X’inhi din it-​tama?

3 L-​appostlu Pietru kiteb żewġ ittri lill-​Kristjani midlukin. Lil dawn l-​uħud sejħilhom “dawk li ntgħażlu.” (1 Pt. 1:1) Hu ta dettalji dwar it-​tama meraviljuża li għandhom dawk tal-​merħla żgħira. Fl-​ewwel ittra tiegħu, Pietru kiteb: “Ikun imbierek Alla u Missier il-​Mulej tagħna Ġesù Kristu, għax fil-​ħniena kbira tiegħu wilidna mill-​ġdid għal tama ħajja permezz taʼ l-​irxoxt taʼ Ġesù Kristu mill-​imwiet, għal wirt li ma jitħassarx u ma jitniġġisx u ma jispiċċax. Dan hu merfugħ fis-​smewwiet għalikom, li qed tiġu mħarsin bil-​qawwa t’Alla permezz tal-​fidi għal salvazzjoni li hi lesta biex tiġi rivelata fl-​aħħar perijodu taʼ żmien. B’dan il-​fatt qed tithennew ħafna.”—1 Pt. 1:3-​6.

4 Ġeħova ‘jiled mill-​ġdid’ lin-​numru limitat taʼ Kristjani li hu jagħżel biex jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema. Ġeħova juża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jadottahom bħala wliedu u biex jaħtarhom bħala slaten u qassisin maʼ Kristu fis-​sema. (Riv. 20:6) Dan it-​twelid mill-​ġdid jagħmilhielhom possibbli li jkollhom “tama ħajja.” X’inhi din it-​tama? Pietru qal li hija ħajja taʼ dejjem li ma tistaʼ tinqered qatt u li hi merfugħa għalihom fis-​sema. Din it-​tama meraviljuża tagħti lill-​midlukin raġuni tajba biex jithennew. Iżda t-​tama tagħhom tistaʼ titwettaq biss jekk jibqgħu leali.

5, 6. Il-​Kristjani midlukin għala għandhom jibqgħu leali?

5 Fit-​tieni ittra tiegħu, Pietru lill-​Kristjani midlukin qalilhom ‘jagħmlu l-​almu tagħhom biex jaċċertaw ruħhom mis-​sejħa u l-​għażla tagħhom.’ (2 Pt. 1:10) Huma għandhom jibqgħu jiżviluppaw kwalitajiet Kristjani bħalma huma l-​fidi, id-​devozzjoni lejn Alla, l-​affezzjoni lejn l-​aħwa, u l-​imħabba. Pietru qalilhom: “Jekk dawn l-​affarijiet jeżistu u joktru fikom, ma jħallukomx tkunu inattivi jew bla frott.”—Aqra t-2 Pietru 1:5-​8.

6 Lil kull anzjan midluk fil-​kongregazzjoni taʼ Filadelfja, fl-​Asja Minuri, Kristu qallu: “Talli żammejt il-​kelma dwar is-​sabar tiegħi, jien ukoll inżommok mis-​siegħa tal-​prova, li trid tiġi fuq l-​art abitata kollha, biex tgħaddi mill-​prova lil dawk kollha li jgħixu fuq l-​art. Jien ġej malajr. Ibqaʼ żomm sod dak li għandek, sabiex ħadd ma jiħodlok il-​kuruna tiegħek.” (Riv. 3:10, 11) Jekk Kristjan midluk ma jibqax leali ma jirċivix “il-​kuruna tal-​glorja li ma tidbielx” imwiegħda lill-​uħud magħżulin li jibqgħu leali sal-​mewt.—1 Pt. 5:4; Riv. 2:10.

DAĦLA GLORJUŻA FIS-​SALTNA

7. Liema tama meraviljuża semma Ġuda fl-​ittra tiegħu?

7 Madwar is-​sena 65 E.K., Ġuda, ħu Ġesù mill-​omm, kiteb ittra lill-​Kristjani midlukin li fiha indirizzahom bħala “l-​imsejħin.” (Ġuda 1; qabbel Ebrej 3:1.) Hu kien biħsiebu jiktbilhom dwar it-​tama glorjuża tas-​salvazzjoni li ‘għandhom komuni bejniethom’ il-​Kristjani li jiġu msejħin għas-​Saltna tas-​sema t’Alla. (Ġuda 3) Għalkemm kellu kwistjonijiet urġenti oħrajn dwar xiex jikteb, fil-​konklużjoni tal-​ittra qasira tiegħu, hu rrefera għat-​tama meraviljuża li għandhom il-​Kristjani midlukin. Hu kitbilhom: “Issa lil dak li jistaʼ jħariskom milli titfixklu u jagħmilkom bla difett fid-​dehra tal-​glorja tiegħu b’ferħ kbir, lill-​uniku Alla Salvatur tagħna permezz taʼ Ġesù Kristu, il-​Mulej tagħna, ikunu l-​glorja, il-​maestà, is-​setgħa, u l-​awtorità għall-​eternità kollha li għaddiet u issa u għall-​eternità kollha.”—Ġuda 24, 25.

8. Kif nafu li jkun hemm ferħ fis-​sema meta wieħed mill-​midlukin iżomm l-​integrità tiegħu sal-​mewt?

8 Bla dubju, kull Kristjan midluk leali jrid li Alla jipproteġih mit-​tfixkil, jiġifieri, kwalunkwe ħaġa li tistaʼ ġġiegħlu ma jibqax leali u twasslu għall-​qerda. It-​tama tal-​midlukin hi li Ġesù Kristu jirxoxtahom mill-​mewt bħala ħlejjaq spirti perfetti. Dan se jippermettilhom jidhru quddiem il-​preżenza t’Alla. Meta xi ħadd mill-​midlukin imut leali, bla dubju se jiġi “mqajjem ġisem spiritwali,” u rxoxtat “bla taħsir” u “fil-​glorja.” (1 Kor. 15:42-​44) Jekk ikun hemm ħafna “ferħ fis-​sema minħabba midneb wieħed li jindem,” immaġina l-​ferħ li jkun hemm fis-​sema meta wieħed minn ħut Kristu jżomm l-​integrità tiegħu sal-​mewt. (Lq. 15:7) Ġeħova u l-​ħlejjaq spirti leali se jifirħu flimkien mal-​wieħed midluk li se jirċievi l-​premju tiegħu “b’ferħ kbir.”—Aqra l-1 Ġwanni 3:2.

9. (a) Id-​daħla fis-​Saltna kif inhi “glorjuża” għall-​midlukin leali? (b) Din it-​tama kif teffettwa lill-​midlukin li għadhom fuq l-​art?

9 Bħal Ġuda, Pietru kiteb lill-​Kristjani midlukin dwar il-​premju li kienu se jirċievu jekk jibqgħu leali. Hu qalilhom: “Tingħataw daħla glorjuża fis-​saltna taʼ dejjem tal-​Mulej u s-​Salvatur tagħna Ġesù Kristu.” (2 Pt. 1:10, 11) Meta Pietru qal li d-​daħla tagħhom fis-​Saltna kellha tkun “glorjuża,” hu setaʼ kien qed jirreferi għall-​fatt li kienu se jidħlu fis-​sema bi glorja kbira. Setaʼ kien qed jirreferi wkoll għall-​bosta barkiet li se jirċievu fis-​sema. Il-​Kristjani midlukin se jħossuhom tassew ferħanin u grati meta jaħsbu dwar il-​lealtà li jkunu wrew. Din it-​tama ssaħħaħhom biex jibqgħu leali waqt li jkunu għadhom fuq l-​art.—1 Pt. 1:13.

IT-​TAMA GĦAN-​NAGĦAĠ L-​OĦRAJN

10, 11. (a) Liema tama għandhom in-​nagħaġ l-​oħrajn? (b) It-​twettiq tat-​tama għall-​art, kif għandu x’jaqsam maʼ Kristu u mar-​‘rivelazzjoni taʼ wlied Alla’?

10 L-​appostlu Pawlu kiteb dwar it-​tama glorjuża li għandhom “ulied Alla” l-​midlukin bħala “werrieta bi sħab” maʼ Kristu. Imbagħad Pawlu semma t-​tama meraviljuża li Ġeħova jagħti lin-​numru bla limitu tan-​nagħaġ l-​oħrajn: “Il-​ħolqien qed jistenna bil-​ħerqa li jiġu rivelati wlied Alla. Għax il-​ħolqien kien suġġettat għall-​frugħa, mhux għax ried hu imma minħabba dak li ssuġġettah, bit-​tama li l-​istess ħolqien ukoll jinħeles mill-​jasar tat-​taħsir u jkollu l-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.”—Rum. 8:14-​21.

11 Ġeħova pprovda tama lill-​bnedmin meta wiegħed ħelsien mis-​“serp oriġinali,” Satana x-​Xitan, permezz tan-​‘nisel’ imwiegħed. (Riv. 12:9; Ġen. 3:15) Primarjament, dan in-​‘nisel’ kien Ġesù Kristu. (Gal. 3:16) Permezz tal-​mewt u l-​irxoxt tiegħu, Ġesù pprovda bażi soda għat-​tama tal-​bnedmin li se jinħelsu mill-​jasar tad-​dnub u l-​mewt. It-​twettiq taʼ din it-​tama għandu x’jaqsam mar-​‘rivelazzjoni taʼ wlied Alla.’ Il-​midlukin glorifikati huma l-​parti sekondarja tan-​‘nisel.’ Se jiġu “rivelati” meta flimkien maʼ Kristu jeqirdu d-​dinja mill-​agħar taʼ Satana. (Riv. 2:26, 27) Dan se jwassal għas-​salvazzjoni tan-​nagħaġ l-​oħrajn li se joħorġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira.—Riv. 7:9, 10, 14.

12. Ir-​rivelazzjoni tal-​midlukin se jkollha liema benefiċċji glorjużi għall-​umanità?

12 X’serħan se tesperjenza l-​umanità matul ir-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu! Matul dak iż-​żmien, “ulied Alla” glorifikati se jiġu “rivelati” iktar meta jaqdu bħala qassisin maʼ Kristu u jgħinu lill-​bnedmin jirċievu l-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa tiegħu. Bħala sudditi tas-​Saltna tas-​sema, l-​umanità ubbidjenti se tibda tesperjenza ħelsien mill-​effetti tad-​dnub u l-​mewt. Bil-​mod il-​mod, il-​bnedmin ubbidjenti se ‘jinħelsu mill-​jasar tat-​taħsir.’ Jekk jibqgħu leali lejn Ġeħova matul il-​Millenju u matul il-​prova finali li se sseħħ fi tmiemu, isimhom se jinkiteb għal dejjem fir-​“romblu tal-​ħajja.” Dawn se jkollhom “il-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” (Riv. 20:7, 8, 11, 12) Tama tassew glorjuża!

INŻOMMU ĦAJJA T-​TAMA LI GĦANDNA

13. (a) X’jagħmel possibbli t-​tama li għandna? (b) Kristu meta se jiġi rivelat?

13 Dak li Pietru kiteb fiż-​żewġ ittri ispirati tiegħu jgħin kemm lill-​midlukin u kemm lin-​nagħaġ l-​oħrajn biex iżommu ħajja t-​tama li għandhom. Hu spjega li t-​tama tagħhom hi possibbli grazzi għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova, u mhux għall-​għemejjel tagħhom. Hu kiteb: “Ibqgħu f’sensikom għalkollox; qiegħdu t-​tama tagħkom fil-​qalb tajba mhix mistħoqqa li se tintwera magħkom fir-​rivelazzjoni taʼ Ġesù Kristu.” (1 Pt. 1:13) Kristu se jiġi rivelat meta jiġi biex jippremja lis-​segwaċi leali tiegħu u jwettaq il-​ġudizzji taʼ Ġeħova fuq in-​nies mill-​agħar.—Aqra t-2 Tessalonikin 1:6-​10.

14, 15. (a) X’għandna nagħmlu biex inżommu ħajja t-​tama li għandna? (b) Pietru x’qalilna nagħmlu?

14 Sabiex inżommu ħajja t-​tama li għandna, jeħtieġ dejjem niftakru li “l-​jum taʼ Ġeħova” ġej dalwaqt. Din l-​attitudni għandha teffettwa l-​ħajja tagħna kollha kemm hi. Ġeħova se jeqred is-​“smewwiet,” jiġifieri l-​gvernijiet umani kollha li jeżistu, “l-​art,” jiġifieri n-​nies mill-​agħar, u “l-​elementi” tagħha. Pietru kiteb: “Oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu . . . , waqt li tistennew u żżommu dejjem f’moħħkom il-​preżenza tal-​jum taʼ Ġeħova, jum li permezz tiegħu s-​smewwiet jinħallu għax ikunu jaqbdu bin-​nar, u l-​elementi tant ikunu jikwu li jdubu!”—2 Pt. 3:10-​12.

15 Imbagħad se jkun hemm “smewwiet ġodda u art ġdida.” Il-​gvern taʼ Kristu u s-​sudditi retti tiegħu se jieħdu post il-​gvernijiet umani u n-​nies mill-​agħar kollha. (2 Pt. 3:13) Pietru qalilna ċar u tond x’għandna nagħmlu biex nibqgħu “nistennew” it-​tama li għandna taʼ smewwiet ġodda u art ġdida li huma mwegħdin, jew fi kliem ieħor biex inżommu ħajja din it-​tama. Hu qal: “B’hekk, maħbubin, ladarba qed tistennew dawn l-​affarijiet, agħmlu l-​almu tagħkom biex fl-​aħħar isibkom bla tebgħa u bla difett u fil-​paċi.”—2 Pt. 3:14.

NGĦIXU FI QBIL MAT-​TAMA LI GĦANDNA

16, 17. (a) Liema “atti taʼ kondotta qaddisa” u “għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla” għandna nuru? (b) It-​tama li għandna kif se titwettaq?

16 Mhux biss għandna nżommu ħajja t-​tama li għandna, imma wkoll ngħixu fi qbil maʼ din it-​tama. Jeħtieġ noqogħdu attenti x’tip taʼ persuni aħna spiritwalment. L-​“atti taʼ kondotta qaddisa” jinvolvu li ‘nżommu kondotta tajba fost il-​ġnus’ billi nagħmlu dak li Alla jgħid li hu sewwa. (2 Pt. 3:11; 1 Pt. 2:12) Irid ikollna l-​‘imħabba bejnietna.’ Dan ifisser li nagħmlu kulma nistgħu biex inżommu l-​unità fost ħutna madwar id-​dinja u fil-​kongregazzjoni tagħna. (Ġw. 13:35) Pietru semma wkoll l-​“għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla,” jiġifieri, l-​affarijiet li nagħmlu biex inżommu r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova b’saħħitha. Dawn jinkludu l-​kwalità tat-​talb tagħna, kif ukoll il-​qari tal-​Bibbja kuljum, l-​istudju personali fil-​fond, il-​qima tal-​familja, u s-​sehem attiv fl-​ippritkar tal-​“l-​aħbar tajba tas-​saltna.”—Mt. 24:14.

17 Kull wieħed u waħda minna jixtieq ikun it-​tip taʼ persuna li Ġeħova japprova u jsalva meta jiġi biex jeqred din is-​sistema mill-​agħar. B’hekk, se nesperjenzaw it-​twettiq tat-​tama li għandna, “it-​tama tal-​ħajja taʼ dejjem,” li ‘Alla, li ma jistax jigdeb, wegħedhielna minn żmien twil ilu.’—Titu 1:2.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 22]

Il-​Kristjani midlukin jiġu ‘mweldin mill-​ġdid għal tama ħajja’

[Stampa f’paġna 24]

Żomm ħajja t-​tama fil-​familja tiegħek