Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġesù Kristu—Il-Mistoqsijiet Tagħna Mweġbin

Ġesù Kristu—Il-Mistoqsijiet Tagħna Mweġbin

“Il-​folol min qed jgħidu li jien?”​—LUQA 9:18.

ĠESÙ staqsa lid-​dixxipli tiegħu din il-​mistoqsija għax kien jaf li n-​nies kellhom opinjonijiet differenti dwaru. Però, ma kienx hemm raġuni valida biex ikunu konfużi. Ġesù ma kienx jinħeba min-​nies u lanqas ma kien jaġixxi bil-​moħbi. Minflok, kien jitħallat man-​nies fil-​beraħ fl-​irħula u l-​bliet tagħhom. Hu kien jipprietka u jgħallem fil-​pubbliku għax ried li n-​nies ikunu jafu l-​verità dwaru.—Luqa 8:1.

Nistgħu nitgħallmu l-​verità dwar Ġesù minn kliemu u għemilu, li huma mniżżlin bil-​miktub fl-​erbaʼ Evanġelji Bibliċi—Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni. Dawn ir-​rakkonti ispirati huma l-​bażi għat-​tweġibiet tal-​mistoqsijiet tagħna dwar Ġesù. aĠwanni 17:17.

MISTOQSIJA: Ġesù verament kien persunaġġ storiku?

TWEĠIBA: Iva. Storjografi sekulari, inkluż Ġużeppi Flavju u Taċitu tal-​ewwel seklu, isemmu lil Ġesù bħala bniedem storiku. Iktar importanti minn hekk, l-​Evanġelji b’mod konvinċenti juru li Ġesù kien persuna reali, mhux karattru fittizju. Ir-​rekord hu speċifiku u dettaljat meta jirrakkonta meta u fejn seħħew il-​ġrajjiet dokumentati fih. Pereżempju, Luqa, wieħed mill-​kittieba tal-​Evanġelji, isemmi sebaʼ ħakkiema—li isimhom ġew konfermati minn storjografi sekulari—sabiex jiddetermina s-​sena meta Ġesù beda l-​ministeru tiegħu.—Luqa 3:1, 2, 23.

Ħadd ma jistaʼ jiċħad l-​evidenza li Ġesù huwa persunaġġ storiku. “Il-​biċċa l-​kbira mill-​istudjużi jammettu li raġel magħruf bħala Ġesù taʼ Nazaret għex fl-​ewwel seklu,” jgħid ktieb dwar Ġesù.—Evidence for the Historical Jesus.

MISTOQSIJA: Ġesù verament hu Alla?

TWEĠIBA: Le. Ġesù qatt ma qies lilu nnifsu daqs Alla. Għall-​kuntrarju, Ġesù darba wara l-​oħra wera li kien inferjuri għal Ġeħova. b Pereżempju, Ġesù rrefera għal Ġeħova bħala “Alla tiegħi” u “l-​uniku Alla veru.” (Mattew 27:46; Ġwanni 17:3) Xi ħadd li hu inferjuri għal ħaddieħor biss juża espressjonijiet bħal dawn. Ħaddiem li jirreferi għal dak li jħaddmu bħala “l-​imgħallem tiegħi” jew “dak taʼ fuqi” b’mod ċar iqis lilu nnifsu bħala xi ħadd inferjuri għall-​imgħallem.

Ġesù wera wkoll li kien separat minn Alla. Darba minnhom Ġesù qal lil xi opponenti li sfidaw l-​awtorità tiegħu: “Fil-​Liġi tagħkom stess hemm miktub, ‘Ix-​xiehda taʼ tnejn hi vera.’ Hemm jien li nixhed dwari nnifsi, u hemm il-​Missier li bagħatni li jixhed dwari.” (Ġwanni 8:17, 18) Ġesù bilfors li hu separat minn Ġeħova. Inkella kif setgħu jitqiesu bħala żewġ xhieda? c

MISTOQSIJA: Kien Ġesù sempliċement raġel tajjeb?

TWEĠIBA: Le. Kien ħafna iktar minn dan. Ġesù fehem li kellu diversi rwoli importanti fit-​twettiq tar-​rieda t’Alla. Dawn huma ftit minnhom:

“L-​Iben uniġenitu t’Alla.” (Ġwanni 3:18) Ġesù kien jaf minn fejn ġie. Ħajtu fil-​fatt bdiet ħafna qabel ma twieled hawn fuq l-​art. Hu spjega: ‘Inżilt mis-​sema.’ (Ġwanni 6:38) Ġesù kien l-​ewwel ħolqien t’Alla, u hu għen fil-​ħolqien tal-​affarijiet l-​oħrajn kollha. Bħala l-​uniku wieħed li nħalaq direttament minn Alla, Ġesù bix-​xieraq setaʼ jissejjaħ “l-​Iben uniġenitu t’Alla.”—Ġwanni 1:3, 14; Kolossin 1:15, 16.

“Bin il-​bniedem.” (Mattew 8:20) Ġesù bosta drabi rrefera għalih innifsu bħala “Bin il-​bniedem,” billi uża espressjoni li tidher madwar 80 darba fl-​Evanġelji. Din l-​espressjoni tindika li kien uman għalkollox u mhux Alla f’forma taʼ bniedem. L-​Iben uniġenitu t’Alla kif twieled bħala uman? Permezz tal-​ispirtu qaddis, Ġeħova poġġa l-​ħajja taʼ Ibnu fil-​ġuf taʼ Marija, verġni Lhudija, u b’hekk kien hemm il-​konċepiment. B’riżultat taʼ dan, Ġesù twieled mingħajr dnub u perfett.—Mattew 1:18; Luqa 1:35; Ġwanni 8:46.

“Għalliem.” (Ġwanni 13:13) Ġesù għamilha ċara li x-​xogħol li tah Alla kien li “jgħallem . . . u jippriedka l-​aħbar tajba” dwar is-​Saltna t’Alla. (Mattew 4:23; Luqa 4:43) B’ċarezza u sempliċità rimarkevoli, hu spjega x’inhi s-​Saltna t’Alla u x’se tagħmel biex twettaq ir-​rieda taʼ Ġeħova.—Mattew 6:9, 10.

“Il-​Kelma.” (Ġwanni 1:1) Ġesù qeda bħala l-​Kelliemi t’Alla—il-​mezz li bih Alla ta informazzjoni u istruzzjoni lil oħrajn. Ġeħova uża lil Ġesù biex iwassal il-​messaġġ Tiegħu lill-​bnedmin fuq l-​art.—Ġwanni 7:16, 17.

MISTOQSIJA: Kien Ġesù l-​Messija mwiegħed?

TWEĠIBA: Iva. Profeziji tal-​Bibbja bassru l-​miġja tal-​Messija, jew Kristu, li jfisser “Midluk.” Dan l-​Imwiegħed kellu jkollu sehem fundamentali fit-​twettiq tal-​iskop taʼ Ġeħova. Darba minnhom, mara Samaritana qalet lil Ġesù: “Naf li ġej il-​Messija, li jgħidulu Kristu.” Ġesù mbagħad qalilha ċar u tond: “Jien hu, li qed nitkellem miegħek.”—Ġwanni 4:25, 26.

Hemm xi prova li Ġesù tabilħaqq kien il-​Messija? Hemm tliet linji t’evidenza li flimkien jipprovdu evidenza qawwija, bħad-​disinn tal-​marki tas-​swabaʼ li jidentifikaw lil persuna waħda biss. Jaqbel Ġesù mad-​disinn? Ikkunsidra:

Id-​dixxendenza tiegħu. Il-​Bibbja bassret li l-​Messija kien se jkun dixxendent t’Abraham mill-​familja taʼ David. (Ġenesi 22:18; Salm 132:11, 12) Ġesù kien dixxendent tat-​tnejn li huma.—Mattew 1:1-​16; Luqa 3:23-​38.

Il-​profeziji mwettqin. L-​Iskrittura Ebrajka fiha għexieren taʼ profeziji dwar il-​ħajja tal-​Messija fuq l-​art, inkluż dettalji dwar it-​twelid u l-​mewt tiegħu. Ġesù wettaq il-​profeziji kollha. Fosthom: Twieled f’Betlehem (Mikea 5:2; Luqa 2:4-​11), issejjaħ mill-​Eġittu (Ħosea 11:1; Mattew 2:15), u nqatel mingħajr ma nkisritlu xi għadma (Salm 34:20; Ġwanni 19:33, 36). Ġesù bl-​ebda mod ma setaʼ jimmanuvra ħajtu biex tiġi taqbel maʼ dak kollu li kien meħtieġ biex jitwettqu l-​profeziji Messjaniċi kollha. d

Ix-​xhieda t’Alla stess. Fiż-​żmien tat-​twelid taʼ Ġesù, Alla bagħat lil xi anġli biex jgħidu lil xi rgħajja li l-​Messija kien twieled. (Luqa 2:10-​14) F’diversi okkażjonijiet matul il-​ministeru taʼ Ġesù, Alla nnifsu tkellem mis-​smewwiet, u esprima l-​approvazzjoni tiegħu għal Ġesù. (Mattew 3:16, 17; 17:1-​5) Ġeħova ta l-​qawwa lil Ġesù biex iwettaq mirakli setgħanin, u b’hekk ipprovda iktar evidenza li Ġesù kien il-​Messija.—Atti 10:38.

MISTOQSIJA: Ġesù għala kellu jbati u jmut?

TWEĠIBA: Bħala raġel bla dnub, Ġesù ma kienx ħaqqu jbati. Lanqas ma kien ħaqqu jiġi msammar maʼ zokk bħala kriminal komuni u jitħalla hemmhekk biex imut mewta umiljanti. Xorta waħda, Ġesù stenna trattament ħażin bħal dan u kien lest li jissottometti ruħu għalih.—Mattew 20:17-​19; 1 Pietru 2:21-​23.

Profeziji Messjaniċi bassru li l-​Messija kien se jkollu jbati u jmut biex ipatti għad-​dnubiet t’oħrajn. (Isaija 53:5; Danjel 9:24, 26) Ġesù nnifsu qal li ġie biex “jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mattew 20:28) Dawk li jpoġġu l-​fidi fil-​valur tal-​fidwa tal-​mewt taʼ sagrifiċċju tiegħu għandhom il-​prospett li jinħelsu mid-​dnub u l-​mewt u li jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art. eĠwanni 3:16; 1 Ġwanni 4:9, 10.

MISTOQSIJA: Nistgħu verament nemmnu li Ġesù ġie mqajjem mill-​mewt?

TWEĠIBA: Iva. Ġesù stenna bis-​sħiħ li jiġi mqajjem mill-​mewt. (Mattew 16:21) Madankollu, huwa importanti li tinnota li la Ġesù u lanqas il-​kittieba tal-​Bibbja ma stqarrew li kien se jiġi mqajjem mill-​mewt b’mezzi naturali. Idea bħal din lanqas titwemmen. Minflok, il-​Bibbja tgħid: “Alla rxoxtah billi ħall l-​irbit tal-​mewt.” (Atti 2:24) Jekk naċċettaw li hemm Alla u li huwa l-​Ħallieq taʼ kollox, allura għandna kull raġun biex nemmnu li setaʼ jqajjem lil Ibnu mill-​mewt.—Ebrej 3:4.

Hemm evidenza li tistaʼ tafdaha li Ġesù ġie rxoxtat? Ikkunsidra dan li ġej.

Xhieda li raw b’għajnejhom stess. Xi 22 sena wara li miet Ġesù, l-​appostlu Pawlu kiteb li kien hemm iktar minn 500 xhud li raw lil Ġesù rxoxtat u li l-​maġġuranza minnhom kienu għadhom ħajjin meta Pawlu kien qed jikteb. (1 Korintin 15:6) Forsi jkun faċli li tinjora xhud jew tnejn, imma min se jiċħad ix-​xhieda taʼ 500 ruħ?

Xhieda taʼ min joqgħod fuqhom. Id-​dixxipli tal-​bidu taʼ Ġesù—li kienu f’pożizzjoni unika biex ikunu jafu x’ġara verament—bi qlubija xandru li Ġesù kien ġie mqajjem mill-​mewt. (Atti 2:29-​32; 3:13-​15) Fil-​fatt, it-​twemmin fl-​irxoxt tiegħu qisuh bħala essenzjali għall-​fidi Kristjana. (1 Korintin 15:12-​19) Dawn id-​dixxipli kienu lesti li jmutu minflok ma jċedu l-​fidi tagħhom f’Ġesù. (Atti 7:51-​60; 12:1, 2) Taf lil xi ħadd li jkun jaf b’gidba u xorta jkun lest li jmut għaliha?

Ikkunsidrajna t-​tweġibiet tal-​Bibbja għal sitt mistoqsijiet importanti dwar Ġesù. Dawn it-​tweġibiet jgħidulna b’mod ċar min hu Ġesù. Imma huma verament importanti t-​tweġibiet? Fi kliem ieħor, tagħmel xi differenza dak li tagħżel li temmen dwar Ġesù?

[Noti ta’ taħt]

a Għal diskussjoni dwar kif l-​Evanġelji Bibliċi huma differenti minn kitbiet foloz dwar Ġesù, ara l-​artiklu “Evanġelji Apokrifi—Fihom Veritajiet Moħbijin Dwar Ġesù?” f’paġni 18-​19.

b Fil-​Bibbja, Ġeħova hu l-​isem persunali t’Alla.

c Għal diskussjoni iktar dettaljata, ara l-​artiklu “Konversazzjoni maʼ Ġara—Ġesù Huwa Alla?” f’paġni 20-​22.

d Għal lista taʼ wħud mill-​profeziji li twettqu f’Ġesù, ara paġna 200 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?

e Għal iktar informazzjoni dwar il-​valur tal-​fidwa tal-​mewt taʼ Ġesù, ara kapitlu 5 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?