Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kien Bniedem li Pproteġa, Ipprovda, u Ppersevera

Kien Bniedem li Pproteġa, Ipprovda, u Ppersevera

Imita l-​Fidi Tagħhom

ĠUŻEPPI xeħet tagħbija oħra fuq dahar il-​ħmara. Immaġinah iħares lejn ir-​raħal taʼ Betlehem wara li kien dalam u jtaptap fuq ġenb dak l-​annimal tat-​tagħbija żgħir u b’saħħtu. Żgur li kien qed jaħseb fuq il-​vjaġġ twil li kellu quddiemu. L-​Eġittu! Nies stranġieri, lingwa barranija, u drawwiet differenti—kif kienet se tadatta ruħha l-​familja żgħira tiegħu għal daqstant bidliet?

Ma kienx faċli għal Ġużeppi li jgħid lill-​għażiża martu, Marija, dwar l-​aħbar kerha, imma għamel kuraġġ u mar jgħidilha. Qalilha dwar il-​ħolma li fiha anġlu wassallu dan il-​messaġġ mingħand Alla: Is-​sultan, Erodi, ried joqtol liċ-​ċkejken binhom! Kellhom jitilqu minnufih. (Mattew 2:13, 14) Marija kienet imħassba ferm. Kif setaʼ xi ħadd ikun irid joqtol lil binha innoċenti li ma setaʼ jkun taʼ ħsara għal ħadd? La Marija u lanqas Ġużeppi ma setaʼ jifhem dan. Imma huma fdaw f’Ġeħova, u lestew biex jitilqu.

Bla ma kienu jafu x’qed jiġri, hekk kif in-​nies taʼ Betlehem kienu reqdin, Ġużeppi, Marija, u Ġesù ħarġu mir-​raħal fid-​dlam. Hekk kif irħewlha lejn in-​Nofsinhar, bis-​sema li beda jiddawwal mil-​Lvant, Ġużeppi x’aktarx ħaseb dwar x’kien hemm lest għalihom. Kif setaʼ mastrudaxxa umli jipproteġi lil familtu minn qawwiet daqstant b’saħħithom? Kien se jirnexxilu dejjem jipprovdi għalihom? Kien se jirnexxilu jippersevera f’li jwettaq dan l-​inkarigu tqil li Alla Ġeħova kien tah, biex jieħu ħsieb u jrabbi dan it-​tifel uniku? Ġużeppi ffaċċja sfidi taʼ qtigħ il-​qalb. Hekk kif naraw kif kien lest li jiffaċċja kull waħda minnhom, se naraw għala l-​missirijiet illum—u lkoll kemm aħna—għandhom bżonn jimitaw il-​fidi taʼ Ġużeppi.

Ġużeppi Pproteġa lill-​Familja Tiegħu

Xhur qabel, fil-​belt taʼ Nazaret fejn għex Ġużeppi, il-​ħajja tiegħu nbidlet għal dejjem wara li tgħarras lil bint Eli. Ġużeppi kien jaf lil Marija bħala mara żagħżugħa innoċenti u leali. Imma mbagħad sar jaf li kienet tqila! Hu ħaseb biex jiddivorzjaha bil-​moħbi biex jipproteġiha mill-​iskandlu. a Madankollu, anġlu kellmu f’ħolma, u spjega li Marija kienet tqila permezz tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. L-​anġlu kompla jgħid li t-​tifel li kienet qiegħda ġġorr kien se “jsalva lill-​poplu tiegħu minn dnubiethom.” Hu kompla jaċċerta lil Ġużeppi: “Tibżax tieħu għandek lil martek Marija.”—Mattew 1:18-​21.

Ġużeppi, raġel ġust u ubbidjenti, għamel proprju hekk. Hu aċċetta l-​iktar inkarigu diffiċli: li jrabbi u jieħu ħsieb iben li ma kienx tiegħu imma li kien prezzjuż ħafna għal Alla. Iktar tard, b’ubbidjenza għal ordni tas-​sultan, Ġużeppi ħa lil martu li kienet tqila f’Betlehem biex jiġu reġistrati. Kien hemmhekk li t-​tarbija twieldet. b

Ġużeppi ma ħax lill-​familja lura Nazaret. Minflok, huma ssetiljaw f’Betlehem, xi ftit kilometri biss ’il bogħod minn Ġerusalemm. Kienu fqar, imma Ġużeppi għamel kull ma setaʼ biex jipproteġi lil Marija u Ġesù milli jkunu fil-​bżonn u mit-​tbatija. Fi żmien qasir, marru joqogħdu f’dar sempliċi. Imbagħad, meta Ġesù ma baqax tarbija imma tifel żgħir—forsi kellu iktar minn sena—ħajjithom f’daqqa waħda reġgħet inbidlet.

Wasal grupp taʼ rġiel, astrologi mil-​Lvant, x’aktarx minn Babilonja, art imbiegħda. Kienu segwew kewkba li ħadithom id-​dar taʼ Ġużeppi u Marija u kienu qed ifittxu tifel li kellu jsir sultan tal-​Lhud. L-​irġiel urew rispett kbir.

Kemm jekk kienu jafu u kemm jekk le, l-​astrologi kienu poġġew liċ-​ċkejken Ġesù f’periklu kbir. Il-​kewkba li kienu raw ħadithom l-​ewwel Ġerusalemm u mhux Betlehem. Hemmhekk, huma qalu lis-​sultan mill-​agħar Erodi li kienu qed ifittxu tifel li kellu jsir sultan tal-​Lhud. Dan mela lil dan ir-​raġel b’rabja mimlija għira.—Ara l-​artiklu “Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . . Min Bagħat il-​‘Kewkba’?” f’paġna 29.

B’ferħ, iżda, kien hemm il-​ħidma taʼ forzi akbar minn dawk t’Erodi. X’kienu? Il-​viżitaturi taw xi rigali u ma talbu xejn lura. Min jaf kemm kienet xi ħaġa stramba għal Ġużeppi u Marija biex ħabta u sabta sabu li kellhom “deheb, inċens, u mirra”—affarijiet taʼ valur! L-​astrologi kellhom il-​ħsieb li jgħidu lis-​Sultan Erodi eżattament fejn kienu sabu lit-​tifel li kienu qed ifittxu. Madankollu, interviena Ġeħova. Permezz taʼ ħolma, hu qal lill-​astrologi biex imorru lura d-​dar minn triq oħra.—Mattew 2:1-​12.

Ftit wara li l-​astrologi telqu, Ġużeppi ngħata din it-​twissija minn anġlu taʼ Ġeħova: “Qum, ħu lit-​tifel u lil ommu u aħrab lejn l-​Eġittu, u ibqaʼ hemmhekk sakemm ngħidlek; għax Erodi se jfittex lit-​tifel biex jeqirdu.” (Mattew 2:13) B’hekk, bħalma rajna fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu, Ġużeppi obda fil-​pront. Hu ġab is-​sigurtà tat-​tifel qabel kull ħaġ’oħra u ħa lil familtu l-​Eġittu. Minħabba li dawk l-​astrologi pagani taw lill-​familja rigali għaljin, din issa kellha l-​mezzi li setgħu jgħinuha fil-​post fejn kienet se tmur.

Ħrejjef u leġġendi apokrifi iktar tard żejnu r-​rakkont dwar il-​vjaġġ għall-​Eġittu. Huma qalu li ċ-​ċkejken Ġesù b’mod mirakoluż qassar il-​vjaġġ, ġiegħel lill-​ħallelin ma jagħmlux ħsara, u anke baxxa s-​siġar tat-​tamal biex ommu tkun tistaʼ taqtaʼ l-​frott. c Fil-​verità, kien sempliċement vjaġġ twil iebes li qatt ma kienu għamluh.

Il-​ġenituri jistgħu jitgħallmu ħafna minn Ġużeppi. Minn jeddu waqaf minn xogħlu u ċaħħad lilu nnifsu mill-​kumdità sabiex jipproteġi lil familtu mill-​periklu. B’mod ċar, hu fehem li Ġeħova kien fdalu f’idejh lill-​familja tiegħu bħala wirt sagru. Illum il-​ġenituri jrabbu lil uliedhom f’dinja perikoluża, dinja mimlija b’forzi li kapaċi jagħmlu l-​ħsara, jikkorrompu, u anke jeqirdu liż-​żgħażagħ. Kemm huma taʼ min jammirahom dawk il-​missirijiet u l-​ommijiet li jaġixxu b’mod deċiżiv bħal Ġużeppi, u li jaħdmu iebes biex jipproteġu lil uliedhom minn influwenzi bħal dawn!

Ġużeppi Pprovda għall-​Familja Tiegħu

Jidher li l-​familja ma għexitx wisq l-​Eġittu, għax anġlu ma damx ma informa lil Ġużeppi li Erodi kien mejjet. Ġużeppi ħa lil familtu lura lejn art twelidhom. Profezija tal-​qedem kienet bassret li Ġeħova kellu jsejjaħ lil ibnu “mill-​Eġittu.” (Mattew 2:15) Ġużeppi għen biex iwettaqha, imma fejn kien se jieħu lil familtu issa?

Ġużeppi qies l-​affarijiet sew. Hu b’għaqal beżaʼ mis-​suċċessur t’Erodi, Arkelaw, li bħal Erodi kien kattiv u qattiel. Gwida divina dderiġiet lil Ġużeppi biex jieħu lil familtu lejn it-​Tramuntana, lura lejn il-​belt taʼ Nazaret fil-​Galilija fejn trabba, ’il bogħod minn Ġerusalemm u l-​konfoffi kollha tagħha. Hemmhekk, hu u Marija rabbew lill-​familja tagħhom.—Mattew 2:19-​23.

Huma għexu ħajja sempliċi—imma mhux xi waħda faċli. Il-​Bibbja tirreferi għal Ġużeppi bħala l-​mastrudaxxa, kelma li tinkludi fiha ħafna modi kif wieħed jaħdem bl-​injam, bħal li jaqtaʼ s-​siġar għall-​injam, iġorru, u jnixxfu biex jintuża għall-​bini taʼ djar, dgħajjes, pontijiet żgħar, karettuni, roti, imdamad, u kull xorta t’għodda tar-​rabaʼ. (Mattew 13:55) Kien xogħol fiżiku iebes. Il-​mastrudaxxa fi żminijiet Bibliċi spiss kien jaħdem ħdejn il-​bieb tad-​dar sempliċi tiegħu jew f’ħanut viċin tagħha.

Ġużeppi uża varjetà kbira t’għodod, li xi ftit minnhom x’aktarx kienu taʼ missieru. Għandu mnejn uża skwerra, riegla ċomb, chalk line, mannara, serrieq, lexxuna, martell, mazza, furmaturi, rebekkin li kien iħaddem billi jiġbed il-​qaws lura u ’l quddiem, kolol differenti, u forsi xi ftit imsiemer, għalkemm dawn kienu għaljin.

Immaġina lil Ġesù meta kien żgħir, attent iħares lejn missieru adottiv waqt xogħlu. B’għajnejh miftuħin beraħ u attent għal kull ċaqliqa li jagħmel Ġużeppi, hu bla dubju ammira s-​saħħa f’dawk l-​ispallejn miftuħin u dirgħajn b’saħħithom, il-​kapaċità tal-​idejn, l-​intelliġenza fl-​għajnejn. Forsi Ġużeppi beda juri lil ibnu żgħir kif jagħmel xi xogħol ħafif bħal li jixkatla l-​injam bil-​ġilda mnixxfa tal-​ħut. X’aktarx li għallem lil Ġesù bid-​differenzi li hemm fil-​varjetà taʼ injam li kien juża—bħal pereżempju s-​siġar tal-​ġummajż, tal-​ballut, jew taż-​żebbuġ.

Ġesù tgħallem ukoll li dawk l-​idejn b’saħħithom li qatgħu s-​siġar, ippreparaw it-​travi, u waħħlu l-​injam flimkien kienu wkoll idejn teneri li żegħlu bih u farrġu lilu, lil ommu, u lil ħutu. Iva, Ġużeppi u Marija kellhom familja li kienet qed tikber u li mbagħad inkludiet minn tal-​inqas sitt itfal minbarra Ġesù. (Mattew 13:55, 56) Ġużeppi kellu jistinka dejjem iktar biex jieħu ħsieb u jitmaʼ lilhom kollha.

Madankollu, Ġużeppi fehem li l-​indokrar spiritwali taʼ familtu kien l-​iktar biċċa xogħol importanti li kellu jagħmel. Għalhekk, hu ħa l-​ħin biex jgħallem lil uliedu dwar Alla Ġeħova u l-​liġijiet Tiegħu. Hu u Marija ħaduhom regolarment is-​sinagoga lokali, fejn il-​Liġi kienet tinqara b’vuċi li tinstemaʼ u tiġi spjegata. Forsi Ġesù kien ikollu ħafna mistoqsijiet wara u Ġużeppi kien jagħmel l-​almu tiegħu biex jissodisfa l-​ġuħ spiritwali tat-​tifel. Ġużeppi kien jieħu lill-​familja tiegħu wkoll għal festi reliġjużi f’Ġerusalemm. Għall-​Qbiż li kien isir kull sena, Ġużeppi x’aktarx li kellu bżonn ġimagħtejn biex jivvjaġġa madwar 113-​il kilometru, ikun preżenti għall-​okkażjoni, u mbagħad imur lura.

Kapijiet Kristjani tal-​familja llum jimxu bl-​istess mod. Huma jagħtu minnhom infushom għal uliedhom billi jpoġġu t-​taħriġ spiritwali qabel kull interess ieħor, inkluż il-​kumditajiet materjali. Huma jagħmlu minn kollox biex jieħdu lil uliedhom għal-​laqgħat Kristjani u l-​assembleat. Bħal Ġużeppi, huma jafu li m’hemmx investiment aħjar li jistgħu jagħmlu għall-​ġid taʼ wliedhom.

“Qisna Rjus Maqtugħa”

Meta Ġesù kellu 12-​il sena, Ġużeppi ħa lill-​familja Ġerusalemm bħas-​soltu. Kien matul il-​Qbiż, żmien taʼ festa, u familji kbar ivvjaġġaw flimkien fi gruppi kbar qalb il-​kampanja tħaddar tar-​rebbiegħa. Hekk kif waslu ħdejn il-​pajsaġġ differenti qrib Ġerusalemm, li kienet fl-​għoli, ħafna kienu jkantaw is-​salmi famużi tat-​tlajjaʼ. (Salmi 120–134) Il-​belt għandha mnejn kienet miżgħuda b’mijiet t’eluf taʼ nies. Wara, il-​familji u l-​gruppi li kienu magħhom kienu jerħulha lejn id-​dar. Ġużeppi u Marija, forsi għax kellhom ħafna x’jagħmlu, ħasbu li Ġesù kien qed jivvjaġġa m’oħrajn, forsi maʼ familjari oħrajn. Kien biss wara li għamlu ġurnata mixi ’l barra minn Ġerusalemm li indunaw b’din il-​verità tal-​biżaʼ—Ġesù ma kienx hemm!—Luqa 2:41-​44.

Inkwetati, huma reġgħu ħadu t-​triq kollha lura lejn Ġerusalemm. Immaġina kemm il-​belt setgħet dehret vojta u stramba għalihom issa hekk kif bdew mexjin fit-​toroq, isejħu isem binhom. Fejn setaʼ kien it-​tifel? Wara li damu jfittxuh tlett ijiem, beda Ġużeppi jaħseb jekk naqasx bil-​kbir f’li jieħu ħsieb dan il-​wirt fdat lilu minn Ġeħova? Fl-​aħħar, marru fit-​tempju. Hemm fittxewh sakemm waslu ħdejn kamra fejn ħafna rġiel għorrief, li kienu jafu l-​Liġi tajjeb, kienu miġburin—bit-​tfajjel Ġesù bilqiegħda f’nofshom! Immaġina s-​serħan li ħassew Ġużeppi u Marija!—Luqa 2:45, 46.

Ġesù kien qed jismaʼ lill-​irġiel għorrief u kollu ħerqan kien qed jagħmlilhom mistoqsijiet. L-​irġiel kienu mmeraviljati bil-​fehma li kellu t-​tifel u bit-​tweġibiet tiegħu. Iżda, Marija u Ġużeppi baqgħu skantati. Fir-​rakkont, Ġużeppi jibqaʼ sieket. Imma dak li qalet Marija b’emozzjoni kien jgħodd għalihom it-​tnejn: “Ibni, għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jien konna qed infittxuk qisna rjus maqtugħa.”—Luqa 2:47, 48.

B’hekk, fi ftit kliem, il-​Kelma t’Alla tagħtina stampa realistika tal-​irwol tal-​ġenituri. Dan jistaʼ jkun mimli stress—anke jekk l-​ulied ikunu perfetti! Li tkun ġenitur fid-​dinja perikoluża tal-​lum jistaʼ jġib stress mentali kbir, imma l-​missirijiet u l-​ommijiet jistgħu jitfarrġu f’li jkunu jafu li l-​Bibbja tirrikonoxxi l-​isfida li jiffaċċjaw.

B’ferħ, Ġesù baqaʼ fl-​uniku post fid-​dinja fejn ħassu l-​iktar qrib taʼ Missieru tas-​sema, Ġeħova, ħerqan li jdaħħal f’moħħu kull ma setaʼ jitgħallem. B’hekk, hu wieġeb lill-​ġenituri tiegħu b’sinċerità sempliċi: “Għalfejn fittixtuni? Ma kontux tafu li għandi nkun f’dar Missieri?”—Luqa 2:49.

Żgur li Ġużeppi ħaseb darba wara l-​oħra fuq dan il-​kliem. Forsi ġiegħlu jħossu kuntent u kburi. Wara kollox kien ħabrek biex jgħallem lil ibnu adottiv iħossu b’dan il-​mod dwar Alla Ġeħova. Sa dak iż-​żmien fi tfulitu, Ġesù diġà kellu sentimenti teneri dwar il-​kelma “missier”—sentimenti li ġew magħġunin l-​iżjed għaliex kien ikun maʼ Ġużeppi.

Jekk int missier, tirrealizza xi privileġġ għandek f’li tgħin lil uliedek jifformaw l-​idea tagħhom taʼ xi jfisser li jkollhom missier li jipproteġihom u li jħobbhom? Bl-​istess mod, jekk għandek tfal tar-​rispett jew adottivi, ftakar fl-​eżempju taʼ Ġużeppi u ttratta lil kull wieħed bħala uniku u prezzjuż. Għinhom jersqu eqreb lejn Missierhom tas-​sema, Alla Ġeħova.

Ġużeppi Ppersevera Lealment

Fil-​Bibbja hemm biss ftit iktar dettalji mill-​ħajja taʼ Ġużeppi, imma taʼ min jagħti kashom sew. Aħna naqraw li Ġesù “baqaʼ sottomess lejhom”—il-​ġenituri tiegħu. Insibu wkoll li “Ġesù baqaʼ javanza fl-​għerf u fl-​iżvilupp fiżiku u approvat minn Alla u mill-​bnedmin.” (Luqa 2:51, 52) Dan il-​kliem x’jgħidilna dwar Ġużeppi? Diversi affarijiet. Nitgħallmu li Ġużeppi kompla jieħu t-​tmexxija f’daru, għaliex ibnu, li kien perfett, irrispetta l-​awtorità taʼ missieru u baqaʼ jkun sottomess lejha.

Nitgħallmu wkoll li Ġesù kompla jikber fl-​għerf. Ġużeppi żgur li kellu sehem kbir biex ibnu jagħmel progress f’din il-​ħaġa. Dak iż-​żmien, kien hemm proverbju li kien ilu jintuża fost il-​Lhud. Kien jgħid li kienu biss in-​nies li ma kellhomx għalfejn jaħdmu li verament setgħu jsiru għorrief, filwaqt li nies tas-​sengħa bħall-​mastrudaxxi, il-​bdiewa, u l-​ħaddieda “ma jistgħux jiddikjaraw ġustizzja u ġudizzju; u ma kinux se jinstabu kull fejn jissemmew il-​parabboli.” Iktar tard, Ġesù wera kemm ma kienx jagħmel sens dan il-​proverbju. Bħala tifel, hu kemm-​il darba kien semaʼ lil missieru adottiv, għalkemm kien mastrudaxxa umli, jgħallmu b’mod effettiv dwar ‘il-​ġustizzja u l-​ġudizzju’ taʼ Ġeħova! Bla dubju, ħafna drabi.

Nistgħu wkoll naraw evidenza tal-​effett li ħalla Ġużeppi fuq l-​iżvilupp fiżiku taʼ Ġesù. Il-​ġenituri tiegħu ħadu ħsiebu sew u hu kiber f’raġel b’saħħtu. Iktar minn hekk, Ġużeppi ħarreġ lil ibnu biex isir tas-​sengħa fix-​xogħol fiżiku tiegħu. Ġesù ma kienx magħruf biss bħala iben il-​mastrudaxxa imma wkoll bħala “l-​mastrudaxxa.” (Marku 6:3) B’hekk, it-​taħriġ li ta Ġużeppi kien taʼ suċċess. Il-​kapijiet tal-​familja b’għaqal jimitaw lil Ġużeppi. Huma b’mod prattiku jieħdu ħsieb il-​benesseri taʼ wliedhom u jagħmlu ċert li dawn ikunu kapaċi jmantnu lilhom infushom.

Hekk kif naslu fir-​rakkont Bibliku meta Ġesù tgħammed fl-​età taʼ 30 sena, insibu li Ġużeppi ma jibqax jissemma iktar. L-​evidenza tagħti x’tifhem li Marija kienet armla sa meta Ġesù beda l-​ministeru tiegħu. (Ara l-​kaxxa “Meta Miet Ġużeppi?” f’paġna 27.) Madankollu, Ġużeppi ħalla eżempju eċċellenti taʼ missier li pproteġa lill-​familja tiegħu, ipprovda għaliha, u ppersevera b’lealtà sal-​aħħar. Kull missier, kull kap taʼ familja, jew kwalunkwe Kristjan ieħor jagħmel tajjeb li jimita l-​fidi taʼ Ġużeppi.

[Noti ta’ taħt]

a F’dawk iż-​żminijiet, l-​għerusija kienet titqies kważi l-​istess bħaż-​żwieġ.

b Ara l-​artiklu Imitate Their FaithShe Drew ‘Conclusions in Her Heart’” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 t’Ottubru, 2008.

c Il-​Bibbja turi ċar li l-​ewwel miraklu li għamel Ġesù seħħ wara l-​magħmudija tiegħu. (Ġwanni 2:1-​11) Sabiex titgħallem iktar dwar ir-​rakkonti tal-​evanġelji apokrifi, ara l-​artiklu “Evanġelji Apokrifi—Fihom Veritajiet Moħbijin Dwar Ġesù?” f’paġna 18.

[Kaxxa f’paġna 27]

Meta Miet Ġużeppi?

Aħna nafu li Ġużeppi kien ħaj meta Ġesù kellu 12-​il sena. Taʼ din l-​età, ħafna żgħażagħ Lhud kienu jibdew jitgħallmu s-​sengħa taʼ missierhom u kienu jsiru apprendisti taʼ 15-​il sena. Milli jidher Ġużeppi għex biżżejjed biex jgħallem lil Ġesù s-​sengħa taʼ mastrudaxxa. Kien għadu ħaj Ġużeppi meta Ġesù beda l-​ministeru tiegħu meta kellu madwar 30 sena? Ma tantx jidher li hu hekk. Omm Ġesù u ħutu s-​subien u l-​bniet ilkoll jissemmew bħala li kienu ħajjin f’dak iż-​żmien, imma Ġużeppi le. Saħansitra Ġesù darba ssejjaħ “bin Marija,” mhux bin Ġużeppi. (Marku 6:3) Marija tissemma bħala li aġixxiet u ħadet l-​inizjattiva waħedha, mingħajr ma ddiskutiet maʼ żewġha. (Ġwanni 2:1-​5) Dan kien ikun xi ħaġa mhux tas-​soltu fiż-​żminijiet Bibliċi, sakemm ma kinitx armla. Fl-​aħħar, hekk kif kien qed imut, Ġesù fada l-​ħarsien t’ommu f’idejn l-​appostlu Ġwanni. (Ġwanni 19:26, 27) Ma kienx ikun hemm bżonn jagħmel dan kieku Ġużeppi kien għadu ħaj. Milli jidher, mela, Ġużeppi miet meta Ġesù kien għadu pjuttost żagħżugħ. Bħala t-​tifel il-​kbir, Ġesù bla dubju ħa f’idejh in-​negozju taʼ mastrudaxxa u ħa ħsieb il-​familja sal-​magħmudija tiegħu.

[Stampa f’paġna 24]

Ġużeppi aġixxa b’mod deċiżiv u mingħajr egoiżmu biex jipproteġi lil ibnu

[Stampa f’paġna 25]

Ġużeppi ħadem iebes biex jipprovdi għal familtu

[Stampa f’paġna 26]

B’mod regulari, Ġużeppi ħa lil familtu biex iqimu fit-​tempju f’Ġerusalemm

[Stampa f’paġna 28]

Ġużeppi ħarreġ lil ibnu biex isir mastrudaxxa