Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Min Bagħat il-“Kewkba”?

Min Bagħat il-“Kewkba”?

Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .

▪ Ġieli rajt presepji jew reċti tat-​twelid taʼ Ġesù li fihom tliet slaten, jew irġiel għorrief, iżuru lit-​tarbija Ġesù li għadu jitwieled u li jinsab mimdud f’maxtura? Skont l-​istorja, Alla uża kewkba biex iwassalhom fl-​istalla f’Betlehem. Għadd kbir taʼ tfal saħansitra tgħallmu bl-​amment l-​ismijiet taʼ dawk it-​tliet slaten—Melkjor, Gaspar, u Baltasar. Madankollu, jaqbel dan ir-​rakkont popolari maʼ dak li tgħid il-​Bibbja fir-​realtà? Le. B’diversi modi, ir-​rakkont mhuwiex eżatt.

L-​ewwel, min kienu dawn l-​irġiel? Bil-​Grieg oriġinali, il-​Bibbja la ssejħilhom slaten u lanqas irġiel għorrief. Kienu maġi, jew astrologi. Milli jidher kienu jipprattikaw l-​arti pagana tat-​tbassir ibbażata fuq il-​kwiekeb. Ir-​rakkont Bibliku la jgħid x’kien jisimhom u lanqas kemm kienu dawn il-​viżitaturi.

It-​tieni, dawn l-​irġiel meta żaru lil Ġesù? Ma kienx meta kien tarbija f’maxtura. Kif nafuh dan? Mattew, wieħed mill-​kittieba tal-​Evanġelji, jgħid: “X’ħin daħlu fid-​dar raw lit-​tifel m’ommu Marija.” (Mattew 2:11) Innota li Ġesù ma kienx għadu tarbija tat-​twelid, imma “tifel.” Marija u Ġużeppi ma kinux għadhom qed jorqdu fi stalla; minflok, sa dan iż-​żmien kienu qed jgħixu f’dar.

It-​tielet, min bagħat din il-​“kewkba” biex tiggwida lill-​astrologi? Mexxejja reliġjużi ġeneralment jgħallmu li Alla bagħat il-​“kewkba.” Huwa minnu dan? Ftakar, il-​“kewkba” ma ħaditx lil dawn l-​astrologi direttament Betlehem. Minflok, ħadithom għand is-​Sultan Erodi f’Ġerusalemm. Huma qalu lil dan il-​qattiel għajjur u setgħan dwar Ġesù u saħansitra tawh raġuni soda biex jobgħod lit-​tifel li kellu jsir “is-​sultan tal-​Lhud.” (Mattew 2:2) Bi ħżunija, Erodi qalilhom biex imorru lura għandu u jgħidulu eżattament fejn kien dan it-​tifel, billi sostna li anke hu ried jurih rispett. Il-​“kewkba” mbagħad ħadet lill-​astrologi għand Ġużeppi u Marija. Allura dak li l-​astrologi kienu qed jagħmlu setaʼ rriżulta fil-​mewt tat-​tifel żgħir kieku Alla ma kienx ħa azzjoni. Imma b’ferħ, Alla ħa azzjoni. Erodi tant inkorla meta l-​astrologi ma marrux lura għandu li ordna li jinqatlu t-​tfal subien kollha li kellhom sentejn jew inqas f’Betlehem u fid-​distretti tagħha.—Mattew 2:16.

Ġeħova iktar tard irrefera għal Ġesù bħala “Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:17) Ikkunsidra: Kien dan il-​Missier kollu mħabba u ġustizzja sejjer jagħżel astrologi pagani—prattikanti taʼ arti tal-​okkult projbita fil-​Liġi tiegħu—bħala messaġġiera tiegħu? (Dewteronomju 18:10) Kien se juża kewkba biex imexxihom għand l-​iktar qattiel perikoluż u setgħan fl-​art, b’messaġġ li żgur kien se jqanqal il-​mibegħda għajjura t’Erodi? Kien Alla mbagħad se juża l-​istess kewkba u astrologi biex jikxfu l-​post fejn kien iċ-​ċkejken ibnu li ma setax jiddefendi lilu nnifsu?

Biex nagħtu tixbiha: Kmandant militari tajjeb jibgħat l-​aqwa suldat tiegħu fuq missjoni perikoluża fit-​territorju tal-​għadu. Kien sejjer jgħid lill-​għadu fejn jistaʼ jsib lil dan is-​suldat? Dażgur li le! Bl-​istess mod, Ġeħova bagħat lil Ibnu f’din id-​dinja perikoluża. Kien se jikxef lis-​sultan mill-​agħar Erodi fejn kien Ibnu, li kien tifel bla difiża? Lanqas qatt!

Mela, min bagħat il-​“kewkba,” jew l-​oġġett qisu kewkba? Min kellu l-​akbar interess f’li jara lit-​tifel Ġesù jinqatel, u b’hekk iwaqqfu milli jikber u jwettaq l-​inkarigu tiegħu fuq l-​art? Min ifittex li jqarraq bin-​nies u jippromwovi l-​gideb, il-​vjolenza, u l-​qtil? Ġesù nnifsu identifika l-​“giddieb u missier il-​gidba,” il-​wieħed li “kien qattiel meta beda”—Satana x-​Xitan.—Ġwanni 8:44.