Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-Tradiment—Sinjal tal-Aħħar Jiem!

It-Tradiment—Sinjal tal-Aħħar Jiem!

“Kemm urejna li aħna leali u ġusti u bla ħtija.”​—1 TESS. 2:10.

SIB DAWN IL-​PUNTI IMPORTANTI:

Liema lezzjonijiet taʼ twissija nistgħu nitgħallmu mit-​tradimenti li kkommettew Dalila, Absalom, u Ġuda l-​Iskarjota?

Kif nistgħu nimitaw il-​lealtà li wrew kemm Ġonatan u kemm Pietru?

Kif nistgħu nżommu l-​lealtà lejn il-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ u lejn Ġeħova?

1-3. (a) Liema sinjal għandna li qed ngħixu fl-​aħħar jiem, u x’jinkludi? (b) Liema tliet mistoqsijiet se nwieġbu?

 DALILA, Absalom, u Ġuda l-​Iskarjota x’kellhom komuni bejniethom? Ilkoll kienu żleali—Dalila lejn ir-​raġel li kien iħobbha, l-​Imħallef Sansun; Absalom lejn missieru, is-​Sultan David; Ġuda lejn Sidu, Kristu Ġesù. L-​azzjonijiet mill-​agħar taʼ dawn l-​uħud ikkaġunaw ħafna ħsara u inkwiet lil oħrajn! Imma dan għala għandu jikkonċernana?

2 Kittieb partikulari jiddeskrivi t-​tradiment bħala wieħed mill-​iktar dgħufijiet komuni tal-​bniedem fi żmienna. M’għandniex għalfejn nistagħġbu b’dan. Meta Ġesù pprofetizza dwar is-​sinjal tal-​“konklużjoni tas-​sistema,” hu qal: “Ħafna . . . jittradixxu lil xulxin.” (Mt. 24:3, 10) “Li tittradixxi” jfisser li tagħti lil xi ħadd f’idejn l-​għadu billi tkun żleali. In-​nuqqas taʼ lealtà li naraw illum juri li qed ngħixu “fl-​aħħar jiem,” eżatt bħalma pprofetizza Pawlu. Hu qal li n-​nies kellhom ikunu “żleali, . . . tradituri.” (2 Tim. 3:1, 2, 4) Xi kittieba tal-​kotba u tal-​films spiss ipinġu l-​atti taʼ żlealtà bħala eċċitanti jew romantiċi. Iżda l-​kotba u l-​films ma jgħidulniex il-​verità. Fir-​realtà, in-​nuqqas taʼ lealtà u t-​tradiment jikkaġunaw uġigħ taʼ qalb u tbatija. Dawn l-​atti huma sinjal li issa qed ngħixu fl-​aħħar jiem!

3 Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mill-​Bibbja dwar dawk li ma kinux leali fil-​passat? Liema eżempji taʼ nies li wrew lealtà lejn oħrajn nistgħu nimitaw? U lejn min għandna nkunu determinati li nibqgħu leali? Ejja naraw.

EŻEMPJI TAʼ TWISSIJA MILL-​PASSAT

4. (a) Dalila kif ittradiet lil Sansun? (b) Din l-​azzjoni għala kienet daqshekk mill-​agħar?

4 L-​ewwel, ejja nikkunsidraw il-​każ taʼ Dalila, il-​mara qarrieqa li l-​Imħallef Sansun sar iħobb. Sansun ried jieħu t-​tmexxija fil-​ġlieda kontra l-​Filistin għan-​nom tal-​poplu t’Alla. Forsi minħabba li kienu jafu li Dalila ma kinitx leali fi mħabbitha lejn Sansun, il-​ħames sidien Filistin xaħħmuha b’ammont ġmielu taʼ flus. Dan għamluh bl-​iskop li jitkixxfu x’inhu s-​sigriet tas-​saħħa taʼ barra minn hawn li kellu, u b’hekk jeħilsu minnu. Dalila, li kienet rgħiba, aċċettat l-​offerta tagħhom, iżda t-​tentattivi tagħha biex tiskopri s-​sigriet taʼ Sansun fallew tliet darbiet. Hi mbagħad baqgħet tagħmillu pressjoni “bi kliemha u baqgħet tinsistilu.” Fl-​aħħar, “ruħu tilfet il-​paċenzja għall-​mewt.” Għalhekk, qalilha li xagħru qatt ma kien ġie maqtugħ u li kieku kellu jiġi maqtugħ, hu kien jitlef is-​saħħa li kellu. a Ladarba saret taf is-​sigriet tiegħu, Dalila ġiegħlet raġel iqarweż xagħar Sansun waqt li kien rieqed f’ħoġorha, u mbagħad tatu lill-​għedewwa tiegħu biex jagħmlu bih li jridu. (Mħ. 16:4, 5, 15-​21) Kemm kienet mill-​agħar l-​azzjoni tagħha! Minħabba r-​regħba li kellha, Dalila ttradiet lil xi ħadd li kien iħobbha.

5. (a) Absalom b’liema mod kien żleali lejn David, u dan x’wera dwar Absalom? (b) David kif ħassu dwar it-​tradiment taʼ Aħitofel?

5 Issa ejja nikkunsidraw l-​eżempju taʼ Absalom, li kien traditur. Hu kien bniedem ambizzjuż ferm u kien determinat li jaħtaf taħt idejh it-​tron taʼ missieru, is-​Sultan David. L-​ewwel ħaġa li għamel Absalom kienet li baqaʼ “jisraq il-​qlub taʼ l-​irġiel taʼ Israel.” Hu għamel tabirruħu li jħobb lin-​nies u qarraq bihom b’wegħdi foloz. Uriehom affezzjoni billi għannaqhom u bieshom, u taparsi kien jimpurtah minnhom u mill-​bżonnijiet tagħhom. (2 Sam. 15:2-​6) Absalom saħansitra rnexxielu jikkonvinċi lil Aħitofel, il-​ħabib fdat taʼ David, biex jittradixxi lil David u jingħaqad fl-​irvell. (2 Sam. 15:31) F’​Salm 3 u f’​Salm 55, David kiteb dwar kemm ħassu mweġġaʼ minħabba din iż-​żlealtà. (Salm 3:1-​8; aqra Salm 55:12-​14.) Il-​komplott mill-​agħar taʼ Absalom kien kontra s-​sultan maħtur taʼ Ġeħova. Dan it-​tradiment wera li hu injora d-​dritt li Alla jagħżel min kien se jkun is-​sultan. (1 Kron. 28:5) L-​irvell taʼ Absalom falla, u David baqaʼ jaħkem bħala s-​sultan midluk taʼ Ġeħova.

6. Ġuda kif ittradixxa lil Ġesù, u l-​isem Ġuda maʼ xiex sar sinonimu?

6 Issa ejja naħsbu dwar x’għamel it-​traditur Ġuda l-​Iskarjota lill-​Kristu. Fl-​aħħar Qbiż li Ġesù ċċelebra mat-​12-​il appostlu tiegħu, hu qalilhom: “Tassew ngħidilkom, Wieħed minnkom se jittradini.” (Mt. 26:21) Iktar tard dak il-​lejl, fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, Ġesù qal lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni: “Ara! It-​traditur tiegħi qorob.” Dak il-​ħin, fil-​ġnien tfaċċa Ġuda maʼ folla nies, “u mar dritt fuq Ġesù u qallu: ‘Is-​sliem għalik, Rabbi!’ u biesu b’tenerezza kbira.” (Mt. 26:46-​50; Lq. 22:47, 52) Ġuda ‘ttradixxa demm ġust’ u ta lil Ġesù f’idejn dawk li riedu joqtluh. Ġuda, li kien rgħib, għal kemm flus għamel dan? Għas-​somma miżera taʼ 30 biċċa tal-​fidda! (Mt. 27:3-​5) Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, l-​isem Ġuda sar sinonimu mal-​kelma “traditur,” speċjalment meta wieħed jittradixxi lil sieħbu. b

7. Liema lezzjonijiet tgħallimna mill-​ħajja taʼ (a) Absalom u Ġuda u (b) Dalila?

7 X’tgħallimna minn dawn l-​eżempji taʼ twissija? Li kemm Absalom u kemm Ġuda mietu b’diżunur minħabba li ttradew lill-​midlukin taʼ Ġeħova. (2 Sam. 18:9, 14-​17; Atti 1:18-​20) L-​isem Dalila se jibqaʼ għal dejjem assoċjat mat-​tradiment u mal-​imħabba qarrieqa. (Salm 119:158) Huwa importanti li niċħdu r-​regħba jew kwalunkwe xewqa ħażina li jkollna biex niksbu xi awtorità li tistaʼ twassalna biex nitilfu l-​ħbiberija maʼ Ġeħova! Dawn huma lezzjonijiet effettivi li jgħinuna niċħdu kwalunkwe ħaġa li tistaʼ ġġegħelna nsiru żleali.

IMITA LIL DAWK LI KIENU LEALI

8, 9. (a) Ġonatan għala wiegħed li jkun leali lejn David? (b) Kif nistgħu nimitaw lil Ġonatan?

8 Il-​Bibbja tiddeskrivi wkoll ħafna wħud li kienu leali. Ejja nikkunsidraw tnejn minn dawn u naraw x’nistgħu nitgħallmu minnhom. Wieħed minnhom kien raġel li wera l-​lealtà tiegħu lejn David. Ġonatan, l-​iben il-​kbir tas-​Sultan Sawl, x’aktarx kien jiret it-​tron taʼ Iżrael. Imma Ġeħova għażel lil David biex ikun is-​sultan li jmiss taʼ Iżrael. Ġonatan irrispetta d-​deċiżjoni t’Alla. Hu ma qagħadx jgħir għal David u jqisu bħala rival. Minflok, “ruħ Ġonatan intrabtet maʼ ruħ David” hekk kif wiegħdu li jibqaʼ leali lejh. Hu saħansitra ta ħwejġu, is-​sejf, il-​qaws, u ċ-​ċinturin tiegħu lil David, u b’hekk urieh unur. (1 Sam. 18:1-​4) Ġonatan għamel kulma setaʼ biex ‘isaħħaħ il-​fiduċja’ taʼ David, saħansitra sal-​punt li jissogra ħajtu ħalli jipproteġi lil David minn Sawl. Ġonatan b’lealtà qal lil David: “Int tkun sultan fuq Israel, u jien inkun it-​tieni warajk.” (1 Sam. 20:30-​34; 23:16, 17) Mhux taʼ b’xejn li wara l-​mewt taʼ Ġonatan, David esprima d-​dispjaċir tiegħu u mħabbtu għalih f’għanja taʼ niket.—2 Sam. 1:17, 26.

9 Ġonatan kien jaf lejn min kellu juri lealtà. Hu kien sottomess għalkollox lejn is-​Sovran Ġeħova, u appoġġa bis-​sħiħ lil David bħala l-​midluk t’Alla. Bl-​istess mod illum, anke jekk forsi ma ngħatajniex xi privileġġ speċjali fil-​kongregazzjoni, għandna nkunu lesti li nappoġġaw lill-​aħwa rġiel li ġew maħturin biex jieħdu t-​tmexxija fostna.—1 Tess. 5:12, 13; Ebr. 13:17, 24.

10, 11. (a) Pietru għala baqaʼ maʼ Ġesù u żamm il-​lealtà tiegħu lejh? (b) Kif nistgħu nimitaw lil Pietru, u x’għandna nkunu mqanqlin nagħmlu?

10 L-​eżempju tajjeb l-​ieħor li se nikkunsidraw huwa dak tal-​appostlu Pietru, li wiegħed li jkun leali lejn Ġesù. Kristu uża tixbiha biex jgħin lid-​dixxipli tiegħu jifhmu kemm hu importanti li jkollhom fidi f’ġismu u f’demmu li dalwaqt kienu se jiġu offruti bħala sagrifiċċju. It-​tixbiha ma kinitx letterali, iżda ħafna mid-​dixxipli qisuha bħala xokkanti, u telquh. (Ġw. 6:53-​60, 66) Għalhekk, Ġesù dar lejn it-​12-​il appostlu tiegħu u staqsiehom: “Ma tridux tmorru intom ukoll, hux?” Kien Pietru li wieġbu: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem; u aħna emminna u sirna nafu li int il-​Qaddis t’Alla.” (Ġw. 6:67-​69) Kien dan ifisser li Pietru fehem kulma Ġesù kien għadu kif qal dwar is-​sagrifiċċju li kien se joffri? X’aktarx li le. Minkejja dan, Pietru kien determinat li jkun leali lejn l-​Iben midluk t’Alla.

11 Pietru ma rraġunax li Ġesù kellu l-​ħarsa żbaljata lejn l-​affarijiet u li iktar tard kien se jirrealizza dan u jibdel fehemtu. Le, Pietru b’umiltà rrikonoxxa li Ġesù kellu “l-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.” B’mod simili llum, kif nirreaġixxu jekk niltaqgħu maʼ xi punt fil-​pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna mingħand “il-​prokuratur leali” li jkun diffiċli biex nifhmuh jew li ma jkunx fi qbil mal-​mod kif naħsbuha aħna? Jeħtieġ li nagħmlu kull sforz biex nieħdu s-​sens tiegħu minflok ma sempliċement nistennew li jkun hemm xi bidla biex dan jiġi fi qbil mal-​ħarsa tagħna.—Aqra Luqa 12:42.

IBQAʼ LEALI LEJN IL-​PERSUNA L-​OĦRA FIŻ-​ŻWIEĠ

12, 13. (a) Persuna għala għandha mnejn tittradixxi lill-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ? (b) L-​età taʼ persuna għala mhijiex skuża biex jiġri dan?

12 Kwalunkwe forma taʼ tradiment huwa att vili li m’għandux jitħalla jeffettwa l-​paċi u l-​unità tal-​familja Kristjana u tal-​kongregazzjoni. B’dan f’moħħna, ejja nikkunsidraw kif nistgħu nsaħħu l-​lealtà lejn il-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ u lejn l-​Alla li naqdu.

13 L-​adulterju huwa wieħed mill-​iktar forom taʼ tradiment li jikkaġunaw uġigħ taʼ qalb. Dak li jikkommetti l-​adulterju jkun qed jikser il-​lealtà tiegħu lejn il-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ u jdawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn terza persuna. F’daqqa waħda, il-​persuna li tkun ġiet traduta ssib ruħha waħedha—b’ħajjitha maqluba taʼ taħt fuq. Dan kif jistaʼ jiġri bejn tnejn min-​nies li xi darba kienu jinħabbu? Spiss, l-​ewwel pass li jwassal għal dan iseħħ meta l-​imseħbin fiż-​żwieġ jitilfu l-​interess fis-​sentimenti taʼ xulxin. Il-​Professoressa tas-​Soċjoloġija Gabriella Turnaturi tispjega li jistaʼ jkun hemm tradiment minħabba li koppja ma jkomplux jagħmlu dak kollu li jistgħu biex isaħħu r-​relazzjoni tagħhom. Dan jistaʼ jiġri anki fost koppji akbar fl-​età li jkunu ilhom snin twal miżżewġin. Pereżempju, raġel taʼ 50 sena ddivorzja lil martu wara 25 sena żwieġ biex jissieħeb maʼ mara oħra li sar miġbud lejha. Xi wħud jgħidu li dan huwa aġir normali fost nies taʼ din l-​età. Iżda l-​età mhijiex skuża għal din it-​tip taʼ kondotta. In-​nuqqas taʼ lealtà fiż-​żwieġ mhuwiex normali. Huwa tradiment. c

14. (a) Ġeħova kif iħossu dwar it-​tradiment fiż-​żwieġ? (b) Ġesù x’qal dwar il-​fedeltà fiż-​żwieġ?

14 Ġeħova kif iħossu dwar dawk li jitilqu lill-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ mingħajr ebda raġuni Skritturali? L-​Alla tagħna ‘jobgħod id-​divorzju’ u lissen kliem qawwi kontra dawk li jittrattaw lil żwieġhom jew lil marthom ħażin u jabbandunawhom. (Aqra Malakija 2:13-​16.) Fi qbil mal-​ħarsa taʼ Missieru, Ġesù għallem li wieħed ma jistax ikeċċi jew jabbanduna lis-​sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ li tkun innoċenti u jaġixxi bħallikieku ma jkun ġara xejn.—Aqra Mattew 19:3-​6, 9.

15. Dawk li huma miżżewġin kif jistgħu jsaħħu l-​lealtà tagħhom lejn il-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ?

15 Dawk li huma miżżewġin kif jistgħu jsaħħu l-​lealtà tagħhom lejn il-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ? Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Ifraħ b’mart [jew bir-​raġel taʼ] żgħożitek” u, “Gawdi l-​ħajja mal-​maħbuba martek [jew mal-​maħbub żewġek].” (Prov. 5:18; Ekk. 9:9) Hekk kif il-​miżżewġin jikbru fl-​età, iridu jagħmlu kulma jistgħu biex iżommu r-​relazzjoni tagħhom b’saħħitha, kemm fiżikament u kemm emozzjonalment. Dan ifisser li jagħtu kas xulxin, iqattgħu ħin fil-​kumpanija taʼ xulxin, u jersqu eqreb lejn xulxin. Iridu jiffokaw fuq li jipproteġu ż-​żwieġ u r-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova. Biex jagħmlu dan, jeħtieġ li l-​koppji jistudjaw il-​Bibbja flimkien, jaħdmu b’mod regulari fil-​ministeru flimkien, u jitolbu flimkien għall-​barka taʼ Ġeħova.

IBQAʼ LEALI LEJN ĠEĦOVA

16, 17. (a) Il-​lealtà tagħna lejn Alla kif tistaʼ tiġi taħt prova fil-​familja u fil-​kongregazzjoni? (b) Liema eżempju juri li l-​ubbidjenza għall-​kmand t’Alla biex ma nibqgħux nassoċjaw mal-​qraba li jkunu ġew maqtugħin mis-​sħubija tistaʼ twassal għal riżultati tajbin?

16 Xi membri tal-​kongregazzjoni kkommettew dnubiet serji u ġew imwiddbin “bl-​aħrax, biex ikunu jistgħu jissaħħu fil-​fidi.” (Titu 1:13) Għal xi wħud, il-​kondotta tagħhom wasslithom biex jiġu maqtugħin mis-​sħubija. Għal “dawk li jkunu tħarrġu biha,” id-​dixxiplina għenithom jirranġaw ir-​relazzjoni tagħhom m’Alla. (Ebr. 12:11) Xi ngħidu jekk aħna jkollna xi qarib jew ħabib tal-​qalb li jkun ġie maqtugħ mis-​sħubija? Dak li nagħmlu f’sitwazzjoni bħal din ikun taʼ prova dwar jekk aħniex leali lejn din il-​persuna jew lejn Alla. Il-​lealtà tagħna għandha tkun lejn Ġeħova. Hu qed josservana biex jara jekk aħniex se nobdu l-​kmand tiegħu li ma jkollniex kuntatt maʼ kwalunkwe individwu li jkun ġie maqtugħ mis-​sħubija.—Aqra l-1 Korintin 5:11-​13.

17 Ikkunsidra eżempju wieħed tal-​ġid li jistaʼ joħroġ meta familja tobdi b’lealtà l-​kmand taʼ Ġeħova biex ma nassoċjawx mal-​qraba li jkunu ġew maqtugħin mis-​sħubija. Żagħżugħ kien ilu iktar minn għaxar snin maqtugħ mis-​sħubija. Matul dak iż-​żmien, missieru, ommu, u l-​erbaʼ ħutu subien ‘ma baqgħux jagħmluha’ miegħu. Xi drabi kien jipprova jqattaʼ ftit ħin magħhom, iżda kull membru tal-​familja baqaʼ leali għax ħadd ma għamel kuntatt miegħu. Wara li ġie aċċettat lura fil-​kongregazzjoni, hu qal li minn dejjem kien jimmissja s-​sħubija mal-​familja tiegħu, speċjalment matul il-​lejl meta kien ikun waħdu. Iżda hu ammetta li kien jikkuntenta ruħu anki bi ftit sħubija maʼ familtu. Madankollu, minħabba li ma kien hemm assolutament l-​ebda komunikazzjoni bejnu u bejn il-​membri tal-​familja tiegħu, ix-​xewqa qawwija li jkun magħhom saret raġuni waħda li mmotivatu biex jerġaʼ jibni r-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova. Jekk qatt tiġik it-​tentazzjoni li tikser il-​kmand t’Alla biex ma nassoċjawx mal-​qraba tagħna li jkunu ġew maqtugħin mis-​sħubija, żomm dan l-​eżempju f’moħħok.

18. Issa li rrivedejna l-​eżempji taʼ lealtà u taʼ żlealtà, x’se tagħmel int?

18 Aħna ngħixu f’dinja li fiha n-​nies huma żleali u jittradixxu lil xulxin. Iżda fil-​kongregazzjoni għandna bosta eżempji taʼ nies leali li nistgħu nimitawhom. Il-​mod kif jgħixu juri kemm huma “leali u ġusti u bla ħtija.” (1 Tess. 2:10) Ejja nagħmlu kulma nistgħu biex nibqgħu leali lejn Alla u lejn xulxin.

[Noti ta’ taħt]

a Is-​saħħa taʼ Sansun kienet ġejja mir-​relazzjoni speċjali li kellu maʼ Ġeħova bħala Nażirit, u mhux minn xagħru. Xagħru kien simbolu taʼ din ir-​relazzjoni.

b Huwa għalhekk li t-​terminu “bewsa taʼ Ġuda” jfisser “att taʼ tradiment.”

c Għal iktar informazzjoni dwar meta wieħed mill-​imseħbin fiż-​żwieġ ma jibqax leali, ara l-​artiklu “Kif Tkampa mat-​Tradiment fiż-​Żwieġ,” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Ġunju, 2010, paġni 29-​32.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 10]

Avolja kien hemm min ċaħad lil Ġesù, Pietru kien leali lejh bħala l-​Iben midluk t’Alla