Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Kristjani tal-Ewwel Seklu Kienu Jieħdu Sehem fil-Politika?

Il-Kristjani tal-Ewwel Seklu Kienu Jieħdu Sehem fil-Politika?

Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .

▪ Qabel ma telaʼ s-​sema, Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu istruzzjonijiet ċari dwar kif iwettqu l-​ministeru tagħhom, iżda hu ma inkluda l-​ebda parir politiku. (Mattew 28:18-​20) Għalhekk, id-​dixxipli tiegħu baqgħu jgħixu bil-​prinċipju li Ġesù kien tahom iktar kmieni: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.”—Marku 12:17.

Dan il-​prinċipju kif għen lis-​segwaċi taʼ Ġesù biex jgħixu fid-​dinja bla ma jkunu ebda parti minnha? Kif iddeċidew liema affarijiet kienu tal-​Istat, jew taʼ Ċesari, u liema affarijiet kienu t’Alla?

L-​appostlu Pawlu kien iqis il-​parteċipazzjoni fil-​politika bħala li mhijiex fi qbil mal-​prinċipju li kien ipprovda Ġesù. Il-​ktieb Beyond Good Intentions—A Biblical View of Politics jgħid li Pawlu kien lest li jieħu vantaġġ miċ-​ċittadinanza Rumana tiegħu biex jikseb il-​protezzjoni mill-​Istat, iżda hu qatt ma appoġġa ideat politiċi.

Pawlu liema linji gwida ta lil sħabu l-​Kristjani? L-​istess ktieb iżid jgħid: “L-​ittri tiegħu lill-​kredenti li kienu joqogħdu fi bliet importanti bħal Korintu, Efesu, u anki Ruma ma semmew l-​ebda battibekk dwar il-​politika sekulari.” Il-​ktieb jgħid ukoll li Pawlu “ordna li jkun hemm sottomissjoni lejn il-​gvern, iżda fl-​ebda ittra mill-​ħafna li kiteb ma semma mqar idea politika waħda sabiex il-​knisja lokali tħeġġeġ lill-​istituzzjonijiet pubbliċi.”—Rumani 12:18; 13:1, 5-​7.

Il-​Kristjani li għexu għaxriet taʼ snin wara l-​mewt taʼ Pawlu, bl-​istess mod żammew l-​obbligi tagħhom lejn Alla u l-​obbligi tagħhom lejn l-​Istat separati għalkollox. Huma baqgħu jirrispettaw il-​qawwiet politiċi iżda żammew lura milli jieħdu sehem f’attivitajiet politiċi. Dwar dawn il-​kredenti, il-​ktieb Beyond Good Intentions jgħid: “Għalkemm kienu jaċċettaw li kellhom l-​obbligu li jirrispettaw lill-​awtoritajiet governattivi, il-​Kristjani tal-​bidu ma kinux jaċċettaw li jieħdu sehem fi kwistjonijiet politiċi.”

Madankollu, madwar 300 sena wara l-​mewt taʼ Kristu, l-​affarijiet inbidlu. It-​teologu Charles Villa-​Vicencio jgħid: “Meta s-​sistemi politiċi nbidlu taħt Kostantinu, bosta Kristjani mid-​dehra bdew jieħdu sehem fis-​servizzi taċ-​ċivil u fl-​armata u bdew jaċċettaw karigi politiċi.” (Between Christ and Caesar) X’kien ir-​riżultat? Fi tmiem ir-​rabaʼ seklu W.K. din it-​taħlita taʼ reliġjon u politika kienet saret ir-​reliġjon tal-​Istat tal-​Imperu Ruman.

Illum, ħafna reliġjonijiet li jistqarru li jsegwu lil Kristu jkomplu jħeġġu lill-​membri tagħhom biex jieħdu sehem fil-​politika. Madankollu, dawn ir-​reliġjonijiet la qed jimitaw lil Kristu u lanqas qed isegwu l-​eżempju tal-​Kristjani tal-​ewwel seklu.