Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tassew Tapprezzaha Int l-Għotja t’Alla taż-Żwieġ?

Tassew Tapprezzaha Int l-Għotja t’Alla taż-Żwieġ?

“Jalla Ġeħova jagħtikom għotja u ssibu post taʼ mistrieħ kull waħda f’dar żewġha.”​—RUT 1:9.

FITTEX IT-​TWEĠIBIET:

Għala nistgħu ngħidu li qaddejja t’Alla tal-​passat kienu japprezzaw l-​għotja tiegħu taż-​żwieġ?

Kif nafu li l-​għażla tagħna dwar lil min se niżżewġu hi importanti għal Ġeħova?

Liema parir Bibliku dwar iż-​żwieġ beħsiebek tapplika f’ħajtek?

1. Adam kif irreaġixxa meta ngħata mara?

 “SA FL-​aħħar, din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi. Din tissejjaħ Mara, għax mir-​raġel din ittieħdet.” (Ġen. 2:23) Kemm kien ferħan l-​ewwel raġel Adam meta ngħata mara! Mhux taʼ b’xejn li ħareġ b’dawn il-​versi poetiċi! Wara li Ġeħova ġiegħel lil Adam jorqod fil-​fond, Hu ħalaq lil din il-​mara mill-​isbaħ minn waħda mill-​kustilji t’Adam. Adam imbagħad semmieha Eva. Alla għaqqadhom fi żwieġ hieni. Peress li Ġeħova uża l-​kustilja t’Adam biex joħloqha, Adam u Eva kienu iktar qrib xulxin minn kwalunkwe koppja miżżewġa llum il-​ġurnata.

2. L-​irġiel u n-​nisa għala jħossu mħabba romantika?

2 Ġeħova ħalaq lill-​bnedmin bl-​abbiltà li jħossu mħabba romantika. Din l-​imħabba tgħaqqad flimkien raġel u mara miżżewġin. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies jittamaw li meta jiżżewġu l-​imħabba tagħhom tibqaʼ għal dejjem.

KIENU GRATI GĦALL-​GĦOTJA TAŻ-​ŻWIEĠ

3. Abraham x’għamel biex isib mara għal ibnu Iżakk?

3 Ir-​raġel leali Abraham kellu rispett kbir lejn iż-​żwieġ. Għalhekk, bagħat lill-​ixjeħ qaddej tiegħu l-​Mesopotamja biex isib mara għal Iżakk. Il-​qaddej talab lil Ġeħova biex jgħinu, u dan wassal għal riżultati tajbin. Rebekka, li kellha l-​biżaʼ t’Alla, saret il-​mara għażiża taʼ Iżakk u kellha sehem fit-​twettiq tal-​wegħda taʼ Ġeħova li jkattar in-​nisel taʼ Abraham. (Ġen. 22:18; 24:12-​14, 67) Minn dan m’għandniex nikkonkludu li individwu, ikunu kemm ikunu tajbin l-​intenzjonijiet tiegħu, għandu jagħmilha taʼ ħuttab, speċjalment jekk ma jkunx ġie mitlub jagħmel hekk. Fis-​soċjetà tal-​lum, ħafna nies jagħżlu għalihom infushom lil min se jiżżewġu. Ovvjament, Alla ma jagħżilx lil min individwu għandu jiżżewweġ. Imma Alla se jiggwida lill-​Kristjani f’dan l-​aspett u f’aspetti oħrajn tal-​ħajja jekk jitolbu għall-​gwida u jekk iħallu l-​ispirtu tiegħu jiggwidahom.—Gal. 5:18, 25.

4, 5. Kif taf li s-​Sulamija u r-​ragħaj kienu jħobbu lil xulxin?

4 Tfajla Sulamija mill-​isbaħ minn Iżrael tal-​qedem ma riditx li ħbiebha jagħmlulha pressjoni biex issir waħda mill-​ħafna nisa tas-​Sultan Salamun. Hi qaltilhom: “Ġegħeltkom taħilfu, O bniet taʼ Ġerusalemm, li ma tipprovawx tqajmu jew tqanqlu fija l-​imħabba qabel ma titqanqal waħedha.” (Għan. 8:4) Is-​Sulamija kienet tħobb lil xi ħadd ieħor, ċertu ragħaj. B’umiltà qaltlu: “Jien sempliċi fjur taż-​żagħfran mill-​pjanura tax-​xatt, ġilju tal-​widien.” Ir-​ragħaj kien iħobbha wkoll. Wiġibha billi qalilha: “Bħal ġilju qalb ix-​xewk, hekk hi l-​maħbuba tiegħi fost il-​bniet”! (Għan. 2:1, 2) Tassew kienu jħobbu lil xulxin!

5 Peress li s-​Sulamija u r-​ragħaj kienu jħobbu primarjament lil Alla, iż-​żwieġ tagħhom verament kien se jkun b’saħħtu. Infatti, is-​Sulamija qalet lill-​maħbub ragħaj tagħha: “Qegħedni bħala siġill fuq qalbek, bħala siġill fuq driegħek; għax l-​imħabba hi b’saħħitha daqs il-​mewt, tinsisti għal devozzjoni esklużiva b’sodizza daqs tal-​Qabar. Tħeġġeġ bħal ħuġġieġa nar, il-​fjamma taʼ Jah. Ħafna ilmijiet m’humiex kapaċi jitfu l-​imħabba, u lanqas ix-​xmajjar ma jistgħu jġorruha magħhom. Li kieku bniedem kellu jagħti l-​affarijiet kollha taʼ valur f’daru biex ikollu l-​imħabba, in-​nies żgur li jistmerruhom.” (Għan. 8:6, 7) Meta jkun qed jikkunsidra ż-​żwieġ, qaddej taʼ Ġeħova għala għandu jaċċetta xi ħaġa inqas minn dan?

L-​GĦAŻLA TIEGĦEK HI IMPORTANTI GĦAL ALLA

6, 7. Kif nafu li l-​għażla tagħna dwar lil min se niżżewġu hi importanti għal Alla?

6 L-​għażla tiegħek dwar lil min se tiżżewweġ hi importanti għal Ġeħova. Rigward l-​abitanti taʼ Kangħan, l-​Iżraelin ngħataw il-​kmand: “Titħallatx b’rabta taż-​żwieġ magħhom. Lil bintek tagħtihiex lil ibnu, u lil bintu tiħodhiex għal ibnek. Għax hu jbiegħed lil ibnek milli jimxi warajja, u huma jaqdu lil allat oħrajn; u r-​rabja taʼ Ġeħova tixgħel kontrikom, u jġibek fix-​xejn minnufih.” (Dt. 7:3, 4) Sekli wara, il-​qassis Esdra qal: “Intom aġixxejtu b’nuqqas taʼ fedeltà billi lqajtu għandkom nisa barranin u hekk żidtu mal-​ħtija taʼ Israel.” (Esd. 10:10) U l-​appostlu Pawlu qal lill-​Kristjani sħabu: “Il-​mara hi marbuta maʼ żewġha sakemm idum ħaj. Imma jekk żewġha jorqod fil-​mewt, hi ħielsa li tiżżewweġ lil min trid, biss fil-​Mulej.”1 Kor. 7:39.

7 Jekk qaddej dedikat taʼ Ġeħova jiżżewweġ lil xi ħadd li mhux tal-​istess twemmin, ikun qed jagħmel att taʼ diżubbidjenza lejn Alla. L-​Iżraelin taʼ żmien Esdra m’obdewx lil Alla meta żżewġu lil nisa barranin. L-​Iskrittura hija ċara dwar lil min għandu jiżżewweġ Kristjan. Ikun ħażin jekk tipprova ssib skuża biex ma tagħmilx dak li jistenna Alla. (Esd. 10:10; 2 Kor. 6:14, 15) Kristjan li jiżżewweġ lil persuna li mhix mgħammda mhuwiex eżemplari u m’għandux apprezzament veru għall-​għotja t’Alla taż-​żwieġ. Jekk jagħmel dan wara li jkun tgħammed jistaʼ jitlef xi privileġġi fil-​kongregazzjoni. U ma jkunx raġunevoli jekk dan jistenna xi barkiet u fl-​istess ħin jitlob: “Ġeħova, apposta m’obdejtekx, imma jekk jogħġbok berikni xorta waħda.”

MISSIERNA TAS-​SEMA JAF X’INHU L-​AĦJAR GĦALINA

8. Spjega għala għandna nsegwu l-​gwida t’Alla dwar iż-​żwieġ.

8 Individwu li jivvinta magna jaf eżatt kif taħdem. Jekk hemm bżonn li l-​magna tiġi armata, hu jistaʼ jipprovdi d-​dettalji meħtiġin dwarha. Xi ngħidu jekk ninjoraw l-​istruzzjonijiet u narmaw il-​biċċiet kif ifettlilna? Dan jistaʼ jkun diżastruż! Għalhekk, jekk irridu żwieġ hieni hemm bżonn li nsegwu l-​istruzzjonijiet li tana Ġeħova, il-​Wieħed li ħalaq iż-​żwieġ.

9. Ġeħova għala pprovda l-​għotja taż-​żwieġ?

9 Ġeħova jaf dak kollu li tistaʼ tkun taf dwar l-​umanità u dwar iż-​żwieġ. Hu poġġa fil-​bnedmin bżonn sesswali biex ‘inisslu u joktru.’ (Ġen. 1:28) Qabel ma Ġeħova ħalaq lil Eva, hu qal: “Mhux tajjeb li r-​raġel jibqaʼ waħdu. Se nagħmillu għajnuna, sieħba li taqbel għal miegħu.” (Ġen. 2:18) Ġeħova jrid li n-​nies miżżewġin ikunu ferħanin.​—Aqra Proverbji 5:15-​18.

10. Koppji kif jistgħu jogħġbu lil Ġeħova anke fil-​ħajja privata tagħhom?

10 Minħabba d-​dnub u l-​imperfezzjoni li wirtet ir-​razza umana mill-​midneb Adam, l-​ebda żwieġ fi żmienna mhu perfett. Imma fost il-​qaddejja taʼ Ġeħova, iż-​żwieġ jistaʼ jwassal għall-​ferħ veru jekk isegwu l-​Kelma t’Alla. Pereżempju, qis il-​pariri ċari taʼ Pawlu dwar relazzjonijiet sesswali fiż-​żwieġ. (Aqra l-1 Korintin 7:1-​5.) L-​Iskrittura ma tgħidx li koppja jistaʼ jkollha relazzjonijiet sesswali biss biex ikollha t-​tfal. Intimità bħal din tistaʼ bix-​xieraq tissodisfa bżonnijiet emozzjonali u fiżiċi. Imma prattiki perverti żgur li ma jogħġbux lil Alla. Nisa u rġiel miżżewġin Kristjani għandhom jittrattaw lil xulxin b’tenerezza f’dan l-​aspett importanti taʼ ħajjithom u għandhom juru mħabba vera lejn xulxin. U, ovvjament, għandhom jevitaw kwalunkwe mġiba li ma togħġobx lil Ġeħova.

11. Rut kif ġiet imbierka talli għamlet l-​affarijiet bil-​mod kif irid Ġeħova?

11 Iż-​żwieġ għandu jkun mimli ferħ u hena. Dar Kristjana għandha tkun post taʼ mistrieħ u paċi. Ikkunsidra x’ġara xi 3,000 sena ilu. Nagħomi, li kienet imdaħħla fiż-​żmien, Għorfa, u Rut, in-​nisa taʼ wliedha, kienu kollha romol. Huma u sejrin minn Mowab għal Ġuda, Nagħomi qalet lin-​nisa iżgħar biex jirritornaw lejn nieshom. Imma Rut ma telqitx lil Nagħomi biex tmur lura Mowab. Minflok, baqgħet magħha, kienet leali lejn l-​Alla l-​veru, u ġiet imwiegħda ‘ħlas perfett mingħand Ġeħova, li taħt ġwinħajh fittxet il-​kenn.’ (Rut 1:9; 2:12) B’apprezzament kbir lejn l-​għotja t’Alla taż-​żwieġ, Rut iżżewġet lil Bogħaż, li kien imdaħħal fiż-​żmien u li kien aduratur veru taʼ Ġeħova. Meta tiġi rxoxtata fuq l-​art fid-​dinja l-​ġdida t’Alla, se titgħaxxaq meta ssir taf li saret antenata taʼ Ġesù Kristu. (Mt. 1:1, 5, 6; Lq. 3:23, 32) Kemm irċiviet barkiet talli għamlet l-​affarijiet bil-​mod kif irid Ġeħova!

PARIRI GĦAQLIN BIEX IKOLLOK ŻWIEĠ TAʼ SUĊĊESS

12. Fejn nistgħu nsibu pariri għaqlin dwar iż-​żwieġ?

12 Alla jgħidilna dak li għandna bżonn inkunu nafu biex ikollna żwieġ taʼ suċċess. L-​ebda bniedem ma jaf daqsu. Il-​Bibbja dejjem ikollha raġun, u għalhekk kull min joffri pariri dwar iż-​żwieġ għandu jibbażahom fuq il-​livelli tal-​Bibbja. Pereżempju, l-​appostlu Pawlu ġie mnebbaħ jikteb: “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu; mill-​banda l-​oħra, il-​mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” (Efes. 5:33) M’hemm xejn f’dan il-​parir Bibliku li hu diffiċli biex jifhmuh Kristjani maturi. Il-​mistoqsija hi, Se japplikaw il-​Kelma taʼ Ġeħova? Hekk se jagħmlu jekk verament japprezzaw l-​għotja tiegħu taż-​żwieġ. a

13. Jekk raġel miżżewweġ ma jsegwix il-​parir li hemm fl-​1 Pietru 3:7, x’jistaʼ jirriżulta?

13 Raġel Kristjan miżżewweġ għandu jittratta lil martu bi mħabba. L-​appostlu Pietru kiteb: “Bl-​istess mod, intom l-​irġiel miżżewġin komplu għammru man-​nisa tagħkom skond l-​għarfien, billi tonoraw lill-​mara bħala reċipjent iktar dgħajjef, ladarba intom ukoll werrieta magħhom taʼ l-​għotja mhix mistħoqqa tal-​ħajja, sabiex ma jkunx hemm tfixkil għat-​talb tagħkom.” (1 Pt. 3:7) It-​talb taʼ raġel miżżewweġ jistaʼ jiġi mfixkel jekk ma japplikax il-​pariri taʼ Ġeħova. Ir-​relazzjoni li kull wieħed mill-​imseħbin għandu maʼ Ġeħova tistaʼ tbati. Ukoll, dan jistaʼ jġiegħel lill-​koppja biex iħossuhom stressati ħafna. Għandhom mnejn jiġġieldu spiss, u jittrattaw lil xulxin b’mod aħrax.

14. Mara miżżewġa li tħobb, x’influwenza jistaʼ jkollha fuq il-​ħajja tal-​familja?

14 Mara miżżewġa li hi mmexxija mill-​Kelma taʼ Ġeħova u mill-​ispirtu qaddis tiegħu tistaʼ tagħmel ħafna biex id-​dar tagħha tkun post taʼ paċi u ferħ. Huwa naturali li raġel li jibżaʼ minn Alla jħobb lil martu u jipproteġiha fiżikament u spiritwalment. Hi tixxennaq għal imħabbtu, u għalhekk turi kwalitajiet li jgħinu lil żewġha jħobbha saħansitra iktar. Proverbji 14:1 jgħid: “Il-​mara tassew għarfa bniet darha, imma l-​belha ġġarrafha b’idejha stess.” Mara miżżewġa għarfa u li tħobb, tagħmel ħafna biex iżżid mas-​suċċess u l-​ferħ tal-​familja tagħha. Ukoll, turi li tassew tgħożż l-​għotja t’Alla taż-​żwieġ.

15. Liema pariri nsibu f’​Efesin 5:22-​25?

15 Irġiel u nisa miżżewġin juru rispett lejn l-​għotja t’Alla taż-​żwieġ meta jsegwu l-​eżempju taʼ kif Ġesù jittratta lill-​kongregazzjoni tiegħu. Huma juru mħabba u rispett lejn xulxin. (Aqra Efesin 5:22-​25.) Koppji miżżewġin li verament iħobbu lil xulxin huma umli u ma jirrifjutawx li jkellmu lil xulxin jew iħallu kwalitajiet ħżiena oħra jagħmlu ħsara liż-​żwieġ tagħhom. Ġeħova jbierek lil koppji bħal dawn!

ĦA MA JIFRIDHOM EBDA BNIEDEM

16. Xi Kristjani għala jibqgħu ma jiżżewġux?

16 Għalkemm il-​maġġuranza tan-​nies jippjanaw li jiżżewġu xi darba jew oħra f’ħajjithom, ċerti qaddejja taʼ Ġeħova jibqgħu ma jiżżewġux għax ma jsibux sieħeb li jogħġobhom jew li jogħġob lil Ġeħova. Hemm oħrajn li ma jħossux il-​bżonn li jiżżewġu. Huma jistgħu jqattgħu iktar ħin fis-​servizz taʼ Ġeħova u jistgħu jsibu kuntentizza f’ħajjithom waqt li jkunu għadhom mhux miżżewġin.—Mt. 19:10-​12; 1 Kor. 7:1, 6, 7, 17.

17. (a) Liema kliem taʼ Ġesù dwar iż-​żwieġ għandna nżommu f’moħħna? (b) Jekk Kristjan jibda jkollu xewqa għall-​mara taʼ ħaddieħor, x’għandu jagħmel mill-​ewwel?

17 Kemm jekk aħna miżżewġin u kemm jekk le, ilkoll kemm aħna għandna nżommu f’moħħna kliem Ġesù: “Ma qrajtux li sa mill-​bidu dak [Alla] li ħalaqhom għamilhom raġel u mara u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-​tnejn ikunu ġisem wieħed’? Mela m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mt. 19:4-​6) Hu dnub li tixxennaq b’għira għar-​raġel jew għall-​mara taʼ ħaddieħor. (Dt. 5:21) Jekk Kristjan jibda jkollu din ix-​xewqa, mill-​ewwel għandu jagħmel kulma jistaʼ biex ineħħi din ix-​xewqa mhix nadifa minn moħħu. Għandu jagħmel dan anke jekk jikkaġunalu ħafna wġigħ emozzjonali għax ikun ħalla din ix-​xewqa egoistika tikber. (Mt. 5:27-​30) Hu vitali li ħsib bħal dan jiġi eliminat u li x-​xewqa midinba tal-​qalb qarrieqa tiġi mwaqqfa.—Ġer. 17:9.

18. Kif għandna nħossuna dwar l-​għotja t’Alla taż-​żwieġ?

18 Ħafna minn dawk li jafu ftit jew li ma jafu xejn dwar Alla Ġeħova u l-​għotja mill-​isbaħ tiegħu taż-​żwieġ xorta għandhom xi ftit jew wisq rispett għaliha. Xi ngħidu għalina? Bħala qaddejja dedikati tal-​“Alla l-​hieni,” Ġeħova, aħna ferħanin nuru mill-​mod kif ngħixu li tassew napprezzaw u nirrispettaw l-​għotja t’Alla taż-​żwieġ!—1 Tim. 1:11.

[Nota ta’ taħt]

a Għal diskussjonijiet dettaljati dwar iż-​żwieġ, ara kapitli 10 u 11 tal-​ktieb “Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla.”

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Kumment f’paġna 6]

Żwieġ tajjeb jonora lil Ġeħova u jistaʼ jġib hena kbir lil kulħadd fil-​familja

[Stampa f’paġna 5]

Rut uriet apprezzament għall-​għotja t’Alla taż-​żwieġ

[Stampa f’paġna 7]

Turi li tassew tapprezzaha int l-​għotja taʼ Ġeħova taż-​żwieġ?