Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Xjentifikament Eżatta

Xjentifikament Eżatta

“Mhux diġà ktibtlek jien sabiex nagħtik pariri u għarfien, biex nurik kemm hu minnu dan il-​kliem veru, ħalli tkun tistaʼ tieħu lura kliem taʼ verità lil dak li qed jibagħtek?”​—PROVERBJI 22:20, 21.

IL-​BIBBJA KIF INHI DIFFERENTI? Kotba antiki spiss jinkludu ideat perikolużi u li mhumiex taʼ min joqgħod fuqhom u li ġie provat mix-​xjenza moderna li huma totalment foloz. Anki llum, l-​awturi jkollhom jaġġornaw il-​kotba biex jiġu fi qbil maʼ skoperti ġodda. Imma l-​Bibbja tistqarr li l-​awtur tagħha kien il-​Ħallieq u li Kelmtu “tibqaʼ għal dejjem.”—1 Pietru 1:25.

EŻEMPJU: Il-​Liġi Mosajka kienet tikkmanda lill-​Iżraelin biex jipporgaw f’ħofra u jgħattu ħmieġhom “barra mill-​kamp.” (Dewteronomju 23:12, 13) Jekk kienu jmissu annimal jew bniedem mejjet, l-​Iżraelin kien ikollhom jinħaslu bl-​ilma. (Levitiku 11:27, 28; Numri 19:14-​16) Dak iż-​żmien, dawk li kienu morda bil-​ġdiem kienu jitqiegħdu fi kwarantina sakemm isir eżami fiżiku li jikkonferma li l-​mard tagħhom ma kienx ikun għadu jittieħed.—Levitiku 13:1-​8.

X’TURI L-​MEDIĊINA MODERNA: Ir-​rimi tal-​ipporgar u l-​ħasil tal-​idejn kif suppost u l-​kwarantina jibqgħu modi effettivi kif wieħed jiġġieled kontra l-​mard. Jekk fil-​viċin ma jkunx hemm latrini jew sistemi oħrajn taʼ sanità, iċ-​Ċentri għall-​Kontroll u l-​Prevenzjoni tal-​Mard fl-​Istati Uniti (CDC) jirrikkmandaw: “Ipporga minn tal-​inqas 30 metru ’l bogħod minn kwalunkwe sors taʼ ilma u mbagħad ordom ħmieġek.” Skont l-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa, meta l-​komunitajiet jarmu l-​ipporgar tagħhom b’mod xieraq, inaqqsu l-​mard tad-​dijarea b’36 fil-​mija. Inqas minn 200 sena ilu, it-​tobba skoprew li kienu qed jinfettaw ħafna pazjenti meta ma kinux jaħslu jdejhom wara li jkunu messew xi iġsma mejta. Is-​CDC għadhom isejħu l-​ħasil tal-​idejn bħala “l-​iktar mod effettiv biex jiġi evitat li jinxtered il-​mard.” Xi ngħidu għall-​kwarantina tal-​lebbrużi jew tan-​nies b’mard ieħor? Reċentement, rivista qalet: “Fil-​bidu taʼ epidemija, l-​iżolament u l-​kwarantina għandhom mnejn ikunu l-​uniċi miżuri li jistgħu jittieħdu biex jikkontrollaw b’mod effettiv il-​mard li jittieħed.”—Saudi Medical Journal.

INT X’TAĦSEB? Tistenna li kwalunkwe ktieb ieħor qaddis tal-​qedem jaqbel max-​xjenza moderna? Jew il-​Bibbja hi ktieb uniku?

[Kumment f’paġna 6]

“Huwa impressjonanti ħafna li taqra dwar il-​prekawzjonijiet taʼ iġjene li kienu jittieħdu b’attenzjoni fi żmien il-​Liġi Mosajka.”​—MANUAL OF TROPICAL MEDICINE, TAT-​TABIB ALDO CASTELLANI U T-​TABIB ALBERT J. CHALMERS