Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Librerija f’Armonija

Librerija f’Armonija

“Il-​profezija qatt ma ġiet bir-​rieda tal-​bniedem, imma xi bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-​ispirtu qaddis.”​—2 PIETRU 1:21.

IL-​BIBBJA KIF INHI DIFFERENTI? Dokumenti minn żminijiet il-​qedem spiss jikkontradixxu lil xulxin, anki jekk ikunu nkitbu fl-​istess żmien. Kotba li nkitbu minn irġiel differenti, f’postijiet differenti, u fi żminijiet differenti rari jaqblu għalkollox maʼ xulxin. Madankollu, il-​Bibbja tistqarr li s-​66 ktieb kollha tagħha għandhom Awtur wieħed biss, u għalhekk tippreżenta messaġġ wieħed u armonjuż.—2 Timotju 3:16.

EŻEMPJU: Mosè, ragħaj li għex fis-​seklu 16 Q.K., fl-​ewwel ktieb tal-​Bibbja kiteb li kellu jiġi ‘nisel’ biex isalva lill-​umanità. Dan il-​ktieb iktar tard bassar li n-​nisel kien se jkun dixxendent t’Abraham, taʼ Iżakk, u taʼ Ġakobb. (Ġenesi 3:15; 22:17, 18; 26:24; 28:14) Madwar 500 sena wara, il-​profeta Natan irrivela li n-​nisel kellu jkun mil-​linja rjali taʼ David. (2 Samwel 7:12) Elf sena wara dan, l-​appostlu Pawlu spjega li n-​nisel kellu jkun kompost minn Ġesù u minn grupp fost is-​segwaċi magħżulin tiegħu. (Rumani 1:1-​4; Galatin 3:16, 29) Finalment, sa tmiem l-​ewwel seklu W.K., l-​aħħar ktieb tal-​Bibbja pprofetizza li l-​membri tan-​nisel kellhom jixhdu dwar Ġesù fuq l-​art, jiġu rxoxtati fis-​sema, u jaħkmu miegħu għal 1,000 sena. Dan in-​nisel kompost se jeqred lix-​Xitan u jsalva lill-​umanità.—Rivelazzjoni 12:17; 20:6-​10.

X’JGĦIDU L-​KUMMENTATURI TAL-​BIBBJA: Wara investigazzjoni bir-​reqqa tas-​66 ktieb tal-​Bibbja, Louis Gaussen kiteb li baqaʼ mistagħġeb ‘bl-​unità impressjonanti taʼ dan il-​ktieb li nkiteb fuq firxa taʼ 1,500 sena minn daqstant kittieba. Għalkemm ma fehmux bis-​sħiħ l-​istorja tal-​fidwa tal-​umanità mill-​Iben t’Alla, huma pprovaw jilħqu l-​istess mira u ħadmu kontinwament biex jilħquha.’—Theopneusty—The Plenary Inspiration of the Holy Scriptures.

INT X’TAĦSEB? Tistenna li ktieb li ġie miktub fuq firxa taʼ iktar minn 1,500 sena minn xi 40 raġel differenti jkun kompletament f’armonija? Jew il-​Bibbja hi ktieb uniku?

[Kumment f’paġna 7]

‘Meta dawn il-​kitbiet jitqiegħdu flimkien, bażikament jifformaw ktieb wieħed. Mil-​letteratura kollha tad-​dinja, m’hemm xejn li jistaʼ jitqabbel magħha.’​—THE PROBLEM OF THE OLD TESTAMENT, TAʼ JAMES ORR