Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ruħek . . . Titbaxxa Lejja”

“Ruħek . . . Titbaxxa Lejja”

Ersaq Qrib Lejn Alla

L-​UMILTÀ hi kwalità mill-​isbaħ. Spiss ninġibdu lejn dawk li huma umli. Imma b’dispjaċir l-​umiltà ġenwina hi diffiċli ħafna biex issibha fid-​dinja llum—speċjalment fin-​nies li għandhom il-​poter jew l-​awtorità fuq ħaddieħor. Xi ngħidu dwar Alla Ġeħova, l-​iktar Persuna setgħana fl-​univers? Huwa umli? Ejja neżaminaw il-​kliem tal-​profeta Ġeremija li nsibu f’​Lamentazzjonijiet 3:20, 21.​—Aqra.

Ġeremija kiteb il-​Lamentazzjonijiet fi żmien diffiċli fl-​istorja taʼ Iżrael. Kien għadu kemm ra xi ħaġa li nikktitu ferm—il-​qerda tal-​belt għażiża tiegħu Ġerusalemm mill-​Babiloniżi. Il-​profeta li kellu qalbu sewda kien jaf li dan il-​gwaj kien ġudizzju divin ġust fuq l-​Iżraelin minħabba l-​ħajja midinba tagħhom. Imma Ġeremija tħalla bla tama? Ħass li Ġeħova kien indifferenti jew ’il bogħod wisq biex jinnota lill-​uħud nedmin u jeħlishom mill-​inkwiet? Agħti widen hekk kif Ġeremija jitkellem għan-​nom tal-​poplu tiegħu.

Għalkemm il-​biċċa l-​kbira tan-​nies huma mnikktin, Ġeremija hu mimli tama. Hu jgħajjat lil Ġeħova: “Żgur li ruħek a [Ġeħova stess] tiftakar u titbaxxa lejja.” (Vers 20) Ġeremija m’għandux dubju. Hu jaf li Ġeħova mhux se jinsa lilu—jew lil uħud nedmin mill-​poplu Tiegħu. Allura, x’se jagħmel Alla li jistaʼ kollox?—Rivelazzjoni 15:3.

Ġeremija hu ċert li Ġeħova se ‘jitbaxxa lejn’ dawk li jkunu verament nedmin. Dan il-​kliem jgħinna nimmaġinaw lil Ġeħova bħala xi ħadd qalbu tajba. Ġeħova, “l-​Iktar Għoli fuq l-​art kollha,” se jitbaxxa, biex ngħidu hekk, u jerfaʼ lill-​aduraturi tiegħu mill-​kundizzjoni baxxa li jkunu fiha u jerġaʼ jagħtihom l-​approvazzjoni tiegħu. (Salm 83:18) Peress li Ġeremija għandu qabda soda maʼ din it-​tama, isib faraġ veru għall-​qalb muġugħa tiegħu. Il-​profeta leali hu determinat li jistenna bis-​sabar saż-​żmien li Ġeħova għażel biex jeħles lill-​poplu niedem Tiegħu.—Vers 21.

Il-​kliem imniżżel minn Ġeremija bażikament jgħallimna żewġ affarijiet dwar Ġeħova. L-​ewwel, hu umli. (Salm 18:35) Għalkemm hu “sublimi fil-​qawwa,” Ġeħova hu lest li jinżel għal-​livell tagħna, biex ngħidu hekk, ħalli jgħinna meta nkunu dipressi. (Ġob 37:23; Salm 113:5-​7) Mhuwiex dan ħsieb li jfarraġna? It-​tieni, Ġeħova hu ħanin; ‘lest li jaħfer’ lill-​midinbin nedmin u jilqagħhom lura billi japprovahom. (Salm 86:5) Dawn iż-​żewġ kwalitajiet—l-​umiltà u l-​ħniena—imorru id f’id.

Kemm aħna grati li Ġeħova mhuwiex bħall-​ħakkiema umani li l-​kburija tagħhom tagħmilhom stinati u insensittivi! Ma titqanqalx titgħallem iktar dwar l-​Alla umli li hu lest li ‘jitbaxxa’ sabiex jerfaʼ lill-​aduraturi tiegħu mid-​disperazzjoni biex jagħtihom tama?

[Nota ta’ taħt]

a L-​iskribi tal-​qedem bidlu dan il-​vers biex jgħid “ruħi,” bħallikieku qed jirreferi għal Ġeremija. Milli jidher, kienu jemmnu li kien nuqqas taʼ rispett li wieħed jitkellem dwar Alla bħala ruħ, kelma li l-​Bibbja tuża għall-​ħlejjaq tal-​art. Imma l-​Bibbja spiss tiddeskrivi lil Alla b’modi li l-​bnedmin jistgħu jifhmu. Ladarba t-​terminu “ruħ” ifisser “il-​ħajja li għandna,” il-​kelma “ruħek” tfisser “int.”

[Kumment f’paġna 14]

Ġeħova hu lest li jinżel għal-​livell tagħna, biex ngħidu hekk, ħalli jgħinna meta nkunu dipressi