Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tgħaddi b’Inqas Dħul taʼ Flus

Kif Tgħaddi b’Inqas Dħul taʼ Flus

OBED hu missier taʼ żewġ subien. Hu ħadem għal għaxar snin f’lukanda lussuża f’belt Afrikana kbira u ma kellux problema biex ilaħħaq mal-​ispejjeż tal-​familja. Minn żmien għal żmien setaʼ jaffordja jieħu ’l-​familja tiegħu fuq btala pjaċevoli f’xi riserva naturali f’pajjiżu. Dan kollu spiċċa ħesrem meta tilef l-​impjieg minħabba li naqsu l-​klijenti tal-​lukanda.

F’karriera taʼ iktar minn 22 sena, Stephen laħaq kariga għolja f’bank stabbilit. Kellu ħafna benefiċċji b’dan l-​impjieg, fosthom dar kbira bis-​sefturi, karozza, u edukazzjoni fi skejjel prestiġjużi għal uliedu. Meta l-​bank għamel programm taʼ ristrutturar, sab ruħu bla xogħol. “Jiena u familti konna mnikktin għall-​aħħar,” qal Stephen. “Kont qisni ras maqtugħa, mimli mrar u biżaʼ.”

Dawn mhumiex każijiet rari. L-​ekonomija li dejjem sejra lura bħal granċ wasslet biex miljuni li kellhom dħul stabbli tilfu l-​impjieg. Ħafna li rnexxielhom isibu impjieg ieħor kellhom jikkuntentaw b’inqas paga waqt li jħabbtu wiċċhom maʼ prezzijiet li kulma jmur dejjem jogħlew. Kemm jekk ikun żviluppat u kemm jekk le, ebda pajjiż fid-​dinja ma jistaʼ jiskansa l-​effetti negattivi li ġġib magħha reċessjoni.

Jeħtieġ l-​Għaqal

Jekk qed naqilgħu inqas flus jew tlifna l-​impjieg tagħna, nistgħu faċilment ninħakmu minn ħsibijiet negattivi. M’għandniex xi ngħidu, ħadd ma jistaʼ jevitaha għalkollox l-​ansjetà. Però, raġel għaref darba qal: “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-​hemm? Ma tantx se jkollok qawwa.” (Proverbji 24:10) Minflok ma nippanikjaw meta l-​ekonomija tmur għall-​agħar, għandna nagħmlu kif tħeġġiġna l-​Kelma t’Alla: ‘Naħżnu l-​għaqal.’—Proverbji 2:7.

Għalkemm il-​Bibbja mhijiex ktieb taʼ gwida finanzjarja, il-​pariri prattiċi tagħha fuq dan is-​suġġett urew li kienu t’għajnuna għal miljuni taʼ nies madwar id-​dinja. Ejja neżaminaw xi prinċipji bażiċi li tagħti l-​Bibbja.

Għodd in-​nefqa. Ikkunsidra l-​kliem taʼ Ġesù f’​Luqa 14:28: “Min minnkom li jrid jibni torri ma joqgħodx l-​ewwel bil-​qiegħda u jikkalkula l-​ispejjeż, biex jara jekk għandux biżżejjed biex ilestih?” Li napplikaw dan il-​prinċipju jinvolvi li nagħmlu baġit u nżommu miegħu. Bħalma jaf Obed, dan jistaʼ jkun taʼ sfida. Hu jgħid: “Qabel ma tlift l-​impjieg, konna mdorrijin nixtru ħafna affarijiet mis-​supermarkit li ħafna drabi ma kinux ikunu essenzjali. Qatt m’għamilna baġit għax kellna flus biżżejjed biex nixtru kulma konna nixtiequ.” Ippjanar bil-​quddiem jaċċerta li l-​fondi minn paga inqas jintefqu fuq il-​bżonnijiet essenzjali tal-​familja.

Biddel l-​istil taʼ ħajtek. Li taċċetta livell t’għajxien iktar baxx hu bla dubju taʼ sfida, imma huwa neċessarju. Proverbju Bibliku jgħid: “Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba.” (Proverbji 22:3) “Biex niffrankaw il-​flus, jien u l-​familja tiegħi kellna mmorru ngħixu fid-​dar tagħna stess li kienet iżgħar u li minn ġewwa ma kinitx għadha lesta minn kollox,” jgħid Stephen. “It-​tfal kellhom jibdew jattendu skejjel li jirrikjedu inqas flus u xorta jipprovdu livell għoli taʼ tagħlim.”

Komunikazzjoni bil-​miftuħ bejn il-​membri tal-​familja hija essenzjali sabiex jirnexxilhom jadattaw ruħhom għal stil taʼ ħajja ġdida. Austin, li ħadem f’ċentru finanzjarju għal disaʼ snin qabel ma tilef l-​impjieg tiegħu, jgħid: “Jien u marti poġġejna bilqiegħda u għamilna lista tal-​affarijiet li verament kellna bżonn. Kellna naqtgħu x-​xiri taʼ prodotti tal-​ikel li jqumu ħafna flus, il-​btajjel li jiswew il-​belli liri, u x-​xiri taʼ ħwejjeġ ġodda li mhumiex bżonjużi. Jiena kuntent li l-​familja tiegħi kkooperat matul dawn l-​aġġustamenti.” Bla dubju, it-​tfal żgħar għandhom mnejn ma jifhmux għalkollox għala tibdil bħal dan ikun neċessarju, imma bħala ġenituri tistgħu tgħinuhom jifhmu.

Kun lest li taċċetta tip taʼ xogħol ieħor. Jekk inti drajt taħdem f’uffiċċju, xogħol fiżiku jistaʼ jaqtagħlek qalbek. “Kien diffiċli għalija psikoloġikament li naċċetta xogħol li ma jirrikjedix kwalifiki peress li kont imdorri fil-​kariga taʼ maniġer f’kumpanija kbira,” jgħid Austin. Dan ma jissorprendiniex meta nqisu dak li tgħid il-​Bibbja fi Proverbji 29:25: “It-​tregħid mill-​bniedem huwa nassa.” Jekk toqgħod thewden fuq x’se jaħseb ħaddieħor mhux se taqlaʼ x’tiekol. X’jistaʼ jgħinek tegħleb ħsibijiet negattivi bħal dawn?

Is-​sigriet hu l-​umiltà. Wara li Obed tilef l-​impjieg tiegħu fl-​industrija tal-​lukandi, eks kollega tiegħu offrielu li jaħdem miegħu f’garaxx tat-​tiswija tal-​karozzi. Dan ix-​xogħol kien jinvolvi mixi taʼ distanzi twal f’toroq kollha trab biex jixtri ż-​żebgħa u aċċessorji tal-​karozzi. Obed qal li dan ix-​xogħol ma kienx jogħġbu imma ma kellux għażla oħra. Hu jgħid: “L-​umiltà għenitni nidra impjieg b’paga inqas minn kwart taʼ dak li kont naqlaʼ qabel, imma adegwata għall-​bżonnijiet tal-​familja tiegħi.” Tistaʼ int tibbenefika minn ħarsa simili?

Ikkuntenta. Id-​definizzjoni li jagħti dizzjunarju għal bniedem kuntent hi li wieħed ikun “pjuttost ferħan u sodisfatt bil-​mod kif ikunu sejrin l-​affarijiet.” Għal xi ħadd li għandu problemi ekonomiċi serji, deskrizzjoni bħal din tistaʼ tidher li mhijiex realistika. Madankollu, ikkunsidra l-​kliem tal-​appostlu Pawlu, missjunarju li kien jaf x’jiġifieri li tkun fil-​bżonn: “Tgħallimt inkun kuntent b’dak li jkolli f’kull ċirkustanza li nsib ruħi fiha. Naf tassew kif ikolli ftit, u naf ukoll kif ikolli ħafna.”—Filippin 4:11, 12.

Is-​sitwazzjoni tagħna għandha mnejn tkun aħjar, imma f’dawn iż-​żminijiet li dejjem jinbidlu, tistaʼ tkun ħafna agħar. Nistgħu nibbenefikaw verament jekk nieħdu bis-​serjetà l-​parir ispirat taʼ Pawlu: “Tabilħaqq, hi mezz taʼ qligħ kbir din id-​devozzjoni lejn Alla flimkien maʼ li wieħed ikun kuntent b’dak li għandu. Għalhekk, la għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-​affarijiet.” Mingħajr ma inkuraġġixxa l-​għażż, Pawlu kien qed juri kif tistaʼ żżomm il-​bżonnijiet fiżiċi fil-​post xieraq tagħhom.—1 Timotju 6:6, 8.

Is-​Sors taʼ Hena Veru

Il-​ferħ veru ma jiġix milli nakkumulaw kulma nkunu nixtiequ jew milli ngħixu ħajja komda. Ġesù stess qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” Iva, l-​hena u s-​sodisfazzjon jiġu meta tuża dak li jkollok biex tgħin lil oħrajn u tkun sors taʼ inkuraġġiment għalihom.—Atti 20:35.

Il-​Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova, huwa konxju ħafna tal-​bżonnijiet kollha tagħna. Permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, hu pprovda pariri prattiċi li għenu lil ħafna nies itejbu ħajjithom u jinħelsu minn ansjetà żejda. M’għandniex xi ngħidu, mhux se jkun hemm bidla drammatika għall-​aħjar mil-​lejl għan-​nhar fis-​sitwazzjoni finanzjarja taʼ dak li jkun. Imma lil dawk li jkomplu ‘jfittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa’ t’Alla, Ġesù assigurahom li n-​neċessitajiet taʼ kuljum tagħhom jingħatawlhom.—Mattew 6:33.