Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kun Għaref—Fittex “Direzzjoni Għaqlija”

Kun Għaref—Fittex “Direzzjoni Għaqlija”

Il-​ħajja spiss ġiet imxebbha maʼ vjaġġ. Madankollu, ħafna drabi l-​għerf tal-​bniedem wera li kellu l-​limitu tiegħu f’li jgħin lin-​nies jidderieġu ħajjithom b’suċċess. Ħafna esperjenzaw nawfraġju fl-​ilmijiet imqallbin tal-​ħajja. (Salm 107:23, 27) Għala hija f’lokha din il-​metafora?

Fiż-​żminijiet tal-​qedem, l-​ivvjaġġar bil-​baħar kien sfida li tirrikjedi l-​esperjenza. Dan l-​ivvjaġġar kien sengħa normalment mgħallma minn dawk li qattgħu ħafna żmien bħala baħrin, forsi xi tmunier, jew kaptan. (Atti 27:9-​11) Ħafna pitturi antiki jenfasizzaw l-​importanza tal-​irwol tat-​tmunier billi jpinġuh ikbar minn oħrajn. Biex issograw joħorġu fil-​baħar miftuħ, il-​baħħara kienu jitgħallmu dwar il-​kwiekeb, l-​irjieħ, u affarijiet oħra li setgħu jagħtuhom xi ħjiel. Il-​Bibbja tiddeskrivi ċerti baħħara bħala li kienu “tas-​sengħa,” terminu li jistaʼ jfisser “għaqli.”​—Eżek. 27:8.

Li tikkumbatti mal-​problemi tal-​ħajja llum jistaʼ jidher diffiċli daqslikieku kont se tbaħħar fiż-​żmien tal-​qedem. X’jistaʼ jgħinna?

KIF NISTGĦU NIKSBU “DIREZZJONI GĦAQLIJA”?

Waqt li żżomm f’moħħok il-​metafora tal-​ħajja li titqabbel maʼ vjaġġ, ikkunsidra din il-​verità Biblika: “Bniedem għaref jismaʼ u jieħu iktar istruzzjoni, u bniedem li għandu l-​abbiltà li jifhem huwa dak li jikseb direzzjoni għaqlija.” (Prov. 1:5, 6) It-​terminu Ebrajk tradott “direzzjoni għaqlija” jistaʼ jiddeskrivi l-​azzjonijiet tal-​kaptan taʼ ġifen. Dan jimplika l-​abbiltà biex wieħed jiggwida u jidderieġi b’sengħa.

Għalkemm dan jitlob sforz, aħna nistgħu niksbu “direzzjoni għaqlija” u nitgħallmu “nbaħħru” b’suċċess fil-​baħar tal-​ħajja. Bħalma juri l-​ktieb tal-​Proverbji, għandna nħallu “l-​għerf,” il-​‘fehma,’ u “d-​dehen” jaħdmu flimkien. (Prov. 1:2-​6; 2:1-​9) U ma nistgħux nittraskuraw li nfittxu gwida divina, għax anke nies mill-​agħar jafu jagħtu “l-​pariri” bi skop inġust.​—Prov. 12:5.

Mela huwa vitali li nkunu studenti ħabrieka tal-​Kelma t’Alla. Permezz taʼ dan l-​istudju, nistgħu nifhmu informazzjoni prezzjuża dwar Ġeħova u l-​wieħed li jimitah l-​aħjar, Ġesù Kristu. (Ġw. 14:9) Aħna ningħataw ħafna pariri għaqlin fil-​laqgħat Kristjani. Flimkien maʼ dan, nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza t’oħrajn, inkluż il-​ġenituri tagħna.​—Prov. 23:22.

AĦSEB MINN QABEL U PPJANA

“Direzzjoni għaqlija” hija speċjalment importanti meta nsibu ruħna f’baħar taʼ inkwiet, biex ngħidu hekk. Id-​dubji li jiġuna rigward x’għandna nagħmlu f’sitwazzjoni komplikata jistgħu jipparalizzawna, b’riżultati katastrofiċi.​—Ġak. 1:5, 6.

Taʼ interess, it-​terminu tradott “direzzjoni għaqlija” jintuża wkoll fejn għandha x’taqsam il-​gwerra. Naqraw: “Permezz tad-​direzzjoni għaqlija [“bit-​tmexxija għaqlija,” Għaqda Biblika Maltija] twettaq il-​gwerra tiegħek, u fil-​kotra taʼ dawk li jagħtu l-​pariri hemm is-​salvazzjoni.”​—Prov. 20:18; 24:6.

Bħal mexxej, jew strateġista li jorganizza battalja, nagħmlu sew li naħsbu minn qabel dwar xi perikli li jistaʼ jkun hemm għall-​ispiritwalità tagħna. (Prov. 22:3) Pereżempju, għandu mnejn ikollok tiddeċiedi jekk għandekx taċċetta impjieg ġdid jew xi promozzjoni fuq il-​post tax-​xogħol. B’mod loġiku, int se tikkunsidra l-​paga, il-​ħin biex tmur għax-​xogħol u lura, u dettalji oħra. Madankollu, hemm affarijiet oħra xi tqis: Se tkun il-​kwalità tax-​xogħol taqbel mal-​prinċipji Bibliċi? Is-​sigħat, bħal meta naħdem bix-​xift, kif għandhom mnejn jeffettwaw l-​attivitajiet Kristjani tiegħi?​—Lq. 14:28-​30.

Loretta, waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, kellha impjieg tajjeb maʼ kumpanija li kienet tipprepara l-​ikel. Meta l-​kumpanija kienet se tmur post ieħor, Loretta ġiet offruta pożizzjoni importanti fil-​post il-​ġdid. “Għandek opportunità tad-​deheb,” id-​diretturi qalulha. “Diġà skoprejna li hemm Sala tas-​Saltna.” Iżda, Loretta riedet tissimplifika ħajjitha biex taqdi lill-​Ħallieq iktar bis-​sħiħ. Hi fehmet li l-​impjieg il-​ġdid kien se jħallilha inqas ħin għall-​attivitajiet Kristjani. B’hekk, tat ir-​riżenja tagħha, għalkemm id-​direttur stqarr magħha li hi kienet l-​unika impjegata li verament riedu jżommu. Loretta, li issa ilha taqdi bħala pijuniera regulari għal xi 20 sena, hija konvinta li r-​riżultati tajbin li kisbet kienu dovuti direttament għal li kienet ippjanat b’“direzzjoni għaqlija,” iva, fi qbil mal-​parir misjub fil-​Kelma t’Alla. Hi saħħet ir-​relazzjoni tagħha maʼ Ġeħova u kellha l-​privileġġ li tgħin lil diversi wħud jaċċettaw il-​verità tal-​Bibbja.

“Direzzjoni għaqlija” żgur li hi meħtieġa fil-​familja. It-​trobbija tat-​tfal hi biċċa xogħol fit-​tul, u l-​għażliet li jintgħamlu f’affarijiet spiritwali jew materjali jeffettwaw il-​futur tal-​familja kollha. (Prov. 22:6) Pereżempju, ġenituri Kristjani jistgħu jistaqsu lilhom infushom: ‘Qegħdin aħna bil-​konversazzjonijiet u l-​eżempju tagħna ngħallmu lil uliedna valuri spiritwali li se jgħinuhom ikampaw b’għaqal mal-​ħajja adulta? Qiegħed l-​istil taʼ ħajjitna jgħinhom jifhmu kif ikunu kuntenti b’ħajja sempliċi u jiffokaw fuq il-​ministeru Kristjan tagħhom?’​—1 Tim. 6:6-​10, 18, 19.

Is-​suċċess veru ma jiddependix mill-​miri materjali jew soċjali li dawk fid-​dinja spiss isusu warajhom. Is-​Sultan Salamun fehmu dan. Hu ġie mnebbaħ jikteb: “Dawk li jibżgħu mill-​Alla l-​veru se jaħbtilhom tajjeb, talli kellhom il-​biżaʼ tiegħu.” (Ekk. 8:12) Dan żgur juri l-​għerf li hemm f’li wieħed ifittex “direzzjoni għaqlija” bbażata fuq il-​Kelma t’Alla u fi qbil magħha.​—2 Tim. 3:16, 17.

[Stampa f’paġna 30]

Biex jiġi enfasizzat l-​irwol tagħhom, it-​tmuniera spiss tpinġew ikbar minn baħrin oħrajn

[Sors]

Su concessione del Ministero per i Beni e le Attività Culturali. It is forbidden to reproduce or duplicate this image in any way or by any means.