Ħalli lil Ġeħova Jiggwidak Lejn il-Libertà Vera
“[Ħares] fiss lejn il-liġi perfetta tal-libertà.”—ĠAK. 1:25.
TISTAʼ TISPJEGA?
Liema liġi twassal għal-libertà vera, u min jibbenefika minn din il-liġi?
X’inhu s-sigriet biex niksbu l-libertà vera?
Liema libertà se jgawdu dawk li jibqgħu fit-triq tal-ħajja?
1, 2. (a) X’qed jiġri mil-libertà tan-nies, u għala? (b) Liema libertà jittamaw li jkollhom il-qaddejja taʼ Ġeħova?
AĦNA qed ngħixu fi żmien meta n-nies huma iktar u iktar rgħiba, vjolenti, u jiksru l-liġijiet. (2 Tim. 3:1-5) Minħabba f’hekk, il-gvernijiet jagħmlu iżjed liġijiet, isaħħu l-korpi tal-pulizija, u jużaw kameras biex iżommu għajnejhom fuq dak li jkunu qed jagħmlu n-nies. F’xi pajjiżi, in-nies jinstallaw sistemi taʼ alarms fi djarhom, serraturi—għal waħda tnejn—u jieħdu miżuri oħrajn taʼ sigurtà biex jipproteġu lilhom infushom. Ħafna nies tant ma jħossuhomx fis-sigurtà li ma joħorġux bil-lejl u lanqas iħallu lil uliedhom jilagħbu barra waħedhom. Jidher ċar li n-nies għandhom inqas u inqas libertà, u din is-sitwazzjoni probabbilment mhix se titjieb.
2 Lura fil-ġnien tal-Għeden, Satana qal li l-bnedmin jistgħu biss ikunu verament liberi jekk ikunu indipendenti minn Ġeħova. Dak li ġara minn dakinhar ’l hawn jagħti prova li dak li Satana qal kien gidba sfaċċata! Iktar ma l-individwi jagħmlu li jridu u mhux dak li jgħidilhom Alla, iktar se tbati s-soċjetà. Anki l-qaddejja taʼ Ġeħova jbatu minħabba din is-sitwazzjoni. Iżda aħna għandna t-tama li l-bnedmin xi darba se jkunu ħelsin mid-dnub u l-korruzzjoni, u se jkollhom dik li l-Bibbja ssejħilha “l-libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” (Rum. 8:21) Fil-fatt, Ġeħova issa qed iħejji lill-qaddejja tiegħu għal din il-libertà. Kif qed jagħmel dan?
3. Ġeħova liema liġi ta lis-segwaċi taʼ Kristu, u liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?
3 It-tweġiba tinsab f’dik li l-kittieb tal-Bibbja Ġakbu sejħilha “l-liġi perfetta tal-libertà.” (Aqra Ġakbu 1:25.) F’verżjonijiet oħrajn tal-Bibbja din il-frażi tidher bħala “l-liġi li tilliberana” (The New English Bible) u “l-liġi perfetta tal-ħelsien” (Għaqda Biblika Maltija). M’għandniex xi ngħidu, normalment in-nies jassoċjaw il-liġijiet mar-restrizzjonijiet, u mhux mal-libertà. Mela, allura, x’inhi “l-liġi perfetta tal-libertà”? U din il-liġi kif tilliberana?
IL-LIĠI LI TILLIBERANA
4. X’inhi “l-liġi perfetta tal-libertà,” u min jibbenefika minnha?
4 “Il-liġi perfetta tal-libertà” ma tistax tkun il-Liġi Mosajka għax Ġeħova ta din il-liġi lill-Iżraelin biex jurihom li kienu midinbin, u din twettqet fi Kristu. (Mt. 5:17; Gal. 3:19) Allura Ġakbu għal liema liġi kien qed jirreferi? Hu kellu f’moħħu “l-liġi tal-Kristu,” li tissejjaħ ukoll “il-liġi tal-fidi” u “l-liġi taʼ poplu ħieles.” (Gal. 6:2; Rum. 3:27; Ġak. 2:12) Għalhekk, “il-liġi perfetta” tinkludi dak kollu li Ġeħova jirrikjedi minna. Kemm il-Kristjani midlukin u kemm ‘in-nagħaġ l-oħrajn’ jibbenefikaw minnha.—Ġw. 10:16.
5. Il-liġi tal-libertà għala mhijiex taʼ piż?
5 B’differenza għal-liġijiet taʼ ħafna pajjiżi, “il-liġi perfetta” la hi komplikata u lanqas taʼ piż, imma tikkonsisti minn kmandamenti sempliċi u prinċipji bażiċi. (1 Ġw. 5:3) Ġesù qal: “Il-madmad tiegħi ħelu u t-tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mt. 11:29, 30) Iktar minn hekk, “il-liġi perfetta” m’għandhiex bżonn lista twila taʼ sanzjonijiet, jew kastigi, għax hi bbażata fuq l-imħabba u hi mnaqqxa f’moħħna u f’qalbna, u mhux fuq twavel tal-ġebel.—Aqra Ebrej 8:6, 10.
KIF “IL-LIĠI PERFETTA” TILLIBERANA
6, 7. (a) X’jistaʼ jingħad dwar il-livelli taʼ Ġeħova? (b) Il-liġi tal-libertà x’tippermettilna nagħmlu?
6 Il-limiti li Ġeħova poġġa fuq il-bnedmin huma taʼ benefiċċju u taʼ protezzjoni għalina. Pereżempju, aħseb dwar il-liġijiet tan-natura li jikkontrollaw l-enerġija u l-materja. In-nies ma jilmentawx li jħossuhom mgħakksin b’dawn il-liġijiet. Huma jħossuhom grati għax jafu li dawn il-liġijiet huma għall-ġid tagħhom stess. Bl-istess mod, il-livelli morali u spiritwali taʼ Ġeħova, li nitgħallmu mil-“liġi perfetta” tal-Kristu, huma għall-benefiċċju tagħna.
7 Minbarra li hi taʼ protezzjoni, il-liġi tal-libertà tippermettilna nissodisfaw ix-xewqat xierqa tagħna mingħajr ma nagħmlu ħsara lilna nfusna jew nuru nuqqas taʼ rispett lejn id-drittijiet u l-libertajiet taʼ ħaddieħor. Mela, is-sigriet biex inkunu verament ħelsin—li nkunu nistgħu nagħmlu dak li nixtiequ—hu li nikkultivaw ix-xewqat xierqa, xewqat li jkunu f’armonija mal-personalità u mal-livelli taʼ Ġeħova. Fi kliem ieħor, irridu nitgħallmu nħobbu dak li jħobb Ġeħova u nobogħdu dak li jobgħod hu. Il-liġi tal-libertà tgħinna nagħmlu proprju dan.—Għam. 5:15.
8, 9. Kif nibbenefikaw meta nobdu l-liġi tal-libertà? Agħti eżempju.
8 Minħabba l-imperfezzjoni, aħna nissieltu biex inrażżnu x-xewqat ħżiena. Madankollu, hekk kif nobdu b’lealtà l-liġi tal-libertà, aħna nesperjenzaw ftit libertà saħansitra issa. Sabiex nagħtu eżempju: Student ġdid tal-Bibbja jismu Jay kellu l-vizzju tat-tipjip. Meta tgħallem li l-vizzju tiegħu ma jogħġobx lil Alla, kellu jieħu deċiżjoni. Kien hu se jkompli jiġi kontrollat mix-xewqa tiegħu li jpejjep jew kien se jobdi lil Ġeħova? Hu ħa d-deċiżjoni għaqlija li jaqdi lil Alla, avolja ħassha verament bi tqila biex jieqaf ipejjep. Kif ħassu wara li qataʼ dan il-vizzju? Iktar tard, hu qal: “Ħassejt libertà liema bħalha u kont ferħan se ntir.”
9 Il-libertajiet li toffri d-dinja jippermettu lin-nies jissodisfaw ix-xewqat tagħhom. Iżda bħalma tgħallem Jay, dan iwassal biex in-nies isiru lsiera tad-dnub. Dawk li jobdu l-liġi t’Alla tal-libertà jagħżlu li jiġu kontrollati mill-ispirtu t’Alla, u huma jiġu meħlusin u jkun jistaʼ jkollhom “ħajja u paċi.” (Rum. 8:5, 6) Jay kif kiseb il-qawwa biex jaqtaʼ l-vizzju li kellu? Mhux bis-saħħa tiegħu stess; bis-saħħa t’Alla. Hu kien jistudja l-Bibbja regolarment, jitlob għall-ispirtu qaddis, u jaċċetta l-għajnuna kollha mħabba mill-aħwa tal-kongregazzjoni. Dawn l-istess affarijiet jistgħu jgħinu lilna lkoll biex ikollna l-libertà vera. Ejja naraw kif.
ĦARES FISS LEJN IL-KELMA T’ALLA
10. Xi jfisser li “tħares fiss” lejn il-liġi t’Alla?
10 F’Ġakbu 1:25 naqraw li “min iħares fiss lejn il-liġi perfetta tal-libertà u jibqaʼ jagħmel hekk . . . ikun hieni li qed jagħmilha.” Il-kelma Griega tradotta “ħares fiss” tfisser li titbaxxa biex tħares iktar mill-qrib lejn xi ħaġa. Dan jirrikjedi sforz. Iva, jekk irridu li l-liġi tal-libertà teffettwalna moħħna u qalbna, irridu nagħmlu l-parti tagħna billi nistudjaw il-Bibbja b’mod diliġenti u nimmeditaw bit-talb fuq dak li naqraw.—1 Tim. 4:15.
11, 12. (a) Ġesù kif enfasizza l-bżonn li nagħmlu l-verità l-mod kif ngħixu ħajjitna? (b) Bħalma diġà ssemma, b’mod partikulari ż-żgħażagħ liema periklu għandhom jevitaw?
11 Fl-istess ħin, irridu ‘nibqgħu’ napplikaw il-Kelma t’Alla. Għandna nagħmlu l-verità l-mod kif ngħixu ħajjitna. Ġesù qal xi ħaġa simili lil xi wħud li kienu jemmnu fih: “Jekk tibqgħu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tkunu tafu l-verità, u l-verità teħliskom.” (Ġw. 8:31, 32) Dizzjunarju wieħed tal-Bibbja jispjega li hawnhekk li nkunu “nafu” jinkludi li nifhmu kemm hu importanti f’ħajjitna dak li nafu. Għalhekk, nistgħu ngħidu li nafu l-verità bis-sħiħ meta npoġġuha fil-prattika f’ħajjitna. Imbagħad “il-kelma t’Alla” tkun qed “taħdem” fina. Se tgħinna nkomplu nagħmlu bidliet fil-personalità tagħna sabiex inkunu nistgħu nimitaw lil Missierna tas-sema b’mod aħjar.—1 Tess. 2:13.
12 Staqsi lilek innifsek, ‘Tassew nafha l-verità? Għamiltha l-mod kif ngħix ħajti? Jew għadni nixxennaq għal xi “libertajiet” tad-dinja?’ Meta tħares lura lejn żgħożitha, oħt li trabbiet minn ġenituri Kristjani kienet temmen f’Ġeħova iżda qatt ma saret tafu verament. Hi kitbet: “Qatt ma tgħallimt nobgħod dak li jobgħod hu. Qatt ma emmint li kien jimpurtah minn dak li kont nagħmel jien. U qatt ma tgħallimt indur lejh meta kont insib ruħi f’diffikultà. Kont nistrieħ fuq il-fehma tiegħi stess, u issa naf li dan kien ridikolu għax ma kont naf xejn.” Fortunatament, iktar tard l-oħt irrealizzat li l-mod kif taħsibha kien tassew żbaljat u għamlet xi bidliet drastiċi. Hi saħansitra bdiet taqdi bħala pijuniera regulari.
L-ISPIRTU QADDIS JISTAʼ JILLIBERAK
13. L-ispirtu qaddis t’Alla kif jilliberana?
13 Fit-2 Korintin 3:17 naqraw: “Fejn hemm l-ispirtu taʼ Ġeħova, hemm il-libertà.” L-ispirtu qaddis kif jilliberana? Fost affarijiet oħrajn, dan jipproduċi fina kwalitajiet essenzjali għal-libertà—“l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna.” (Gal. 5:22, 23) Mingħajr dawn il-kwalitajiet, speċjalment l-imħabba, l-ebda soċjetà ma tistaʼ tkun tassew libera—fatt li hu ovvju fid-dinja tal-lum. Huwa taʼ interess li wara li l-appostlu Pawlu semma l-frott tal-ispirtu, hu żied jgħid: “Kontra dawn m’hemmx liġi.” X’ried ifisser? Il-frott tal-ispirtu t’Alla mhu limitat minn ebda liġi. Qatt mhu se jkun hemm liġi li twaqqaf dawn il-kwalitajiet milli joktru. (Gal. 5:18) Ġeħova jridna nibqgħu dejjem nuru dawn il-kwalitajiet u nkomplu nuruhom għall-eternità.
14. L-ispirtu tad-dinja b’liema modi jassar lin-nies?
14 Dawk li huma mjassrin mill-ispirtu tad-dinja u li jissodisfaw ix-xewqat tagħhom tal-laħam jistgħu jaħsbu li huma liberi. (Aqra t-2 Pietru 2:18, 19.) Madankollu, ir-realtà hija pjuttost il-kuntrarju. Jeħtieġ lista twila taʼ regoli u regolamenti biex jitrażżnu x-xewqat u l-kondotta tan-nies. Pawlu qal: “Il-liġi ma ssirx għal min hu sewwa, imma għal nies bla liġi u ribellużi.” (1 Tim. 1:9, 10) Huma wkoll ilsiera tad-dnub għax ‘jagħmlu dak li jrid il-laħam,’ li hu sid aħrax. (Efes. 2:1-3) Individwi bħal dawn huma bħal insetti li jibqgħu deħlin ġo vażett bl-għasel. Sabiex jissodisfaw l-aptit tagħhom, malajr isibu ruħhom maqbudin.—Ġak. 1:14, 15.
ILLIBERATI ĠEWWA L-KONGREGAZZJONI KRISTJANA
15, 16. (a) Kemm hi importanti s-sħubija tagħna mal-kongregazzjoni? (b) Liema libertà ngawdu fil-kongregazzjoni?
15 Meta bdejt tissieħeb mal-kongregazzjoni Kristjana, ma sirtx membru taʼ xi klabb soċjali. Minflok, int ġejt fil-kongregazzjoni għax Ġeħova ġibdek lejh. (Ġw. 6:44) X’qanqlu jagħmel hekk? Ra fik persuna retta li għandha l-biżaʼ t’Alla? “Lanqas xejn!” għandek mnejn tgħid. Mela, x’ra Alla? Hu ra li int kont se tkun lest li tobdi l-liġi tiegħu u taċċetta d-direzzjoni li jagħtina b’qalb tajba. Mindu sirt parti mill-kongregazzjoni, Ġeħova ħa ħsiebek billi għallmek mill-Kelma tiegħu u ħelsek mit-tagħlim reliġjuż falz u mis-superstizzjonijiet. Għallmek ukoll kif tiżviluppa l-personalità bħal taʼ Kristu. (Aqra Efesin 4:22-24.) B’hekk, int għandek il-privileġġ li tkun fost l-uniċi nies fid-dinja li bix-xieraq jistgħu jissejħu “poplu ħieles.”—Ġak. 2:12.
16 Ikkunsidra dan: Meta tkun fil-kumpanija taʼ dawk li jħobbu lil Ġeħova b’qalbhom kollha, tħossok beżgħan? Meta tkun qed titħaddet maʼ ħutek fis-Sala tas-Saltna, toqgħod tinkwieta li xi ħadd jistaʼ jisraqlek l-affarijiet? ’Il bogħod minn hekk! Tħossok komdu u liberu. Tħossok bl-istess mod meta tkun fil-kumpanija taʼ nies oħrajn u f’postijiet oħrajn? X’aktarx li le! Iktar minn hekk, il-libertà li tgawdi issa fost il-poplu t’Alla hi biss lemħa tal-libertà li se tgawdi fil-futur.
“IL-LIBERTÀ GLORJUŻA TAʼ WLIED ALLA”
17. Il-fatt “li jiġu rivelati wlied Alla,” kif se jgħin biex jiġu liberati l-bnedmin?
17 Meta kien qed jiddiskuti l-libertà li Ġeħova se jagħti lill-qaddejja tiegħu fuq l-art, Pawlu kiteb: “Il-ħolqien qed jistenna bil-ħerqa li jiġu rivelati wlied Alla.” Imbagħad kompla jgħid: “L-istess ħolqien ukoll jinħeles mill-jasar tat-taħsir u jkollu l-libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” (Rum. 8:19-21) “Il-ħolqien” jirreferi għall-umanità bit-tama għall-art, jiġifieri, dawk li se jibbenefikaw mill-fatt li jiġu “rivelati” wlied Alla midlukin bl-ispirtu. Dan l-irrivelar se jibda meta l-midlukin fis-sema jgħinu lil Kristu jeqred lin-nies mill-agħar kollha u jdaħħal “folla kbira” fis-sistema l-ġdida.
18. Il-libertà kif se tiżdied għall-bnedmin ubbidjenti, u fl-aħħar liema libertà se jgawdu?
18 Il-bnedmin mifdijin imbagħad se jesperjenzaw libertà ġdida għalkollox—libertà mill-influwenza taʼ Satana u d-demonji. (Riv. 20:1-3) X’serħan se jkun dan! Minn dak iż-żmien ’il quddiem, is-slaten u qassisin imseħbin taʼ Kristu, il-144,000, se jużaw is-sagrifiċċju tal-fidwa għall-benefiċċju tal-bnedmin sakemm dawn jinħelsu għalkollox mid-dnub u mill-imperfezzjoni. (Riv. 5:9, 10) Wara li l-fidi tagħhom tkun għaddiet minn prova, il-bnedmin ubbidjenti fl-aħħar se jkunu kisbu l-libertà perfetta li Ġeħova oriġinarjament ried li jkollhom, jiġifieri “l-libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” Aħseb ftit! Qatt iktar m’int se tissielet biex tagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejn Alla. Ġismek, qalbek, u moħħok se jkunu perfetti, u se tkun tistaʼ timita l-kwalitajiet t’Alla b’mod perfett.
19. X’għandna nkomplu nagħmlu llum sabiex nibqgħu fit-triq tal-libertà vera?
19 Tixxennaq int għal-“libertà glorjuża taʼ wlied Alla”? Jekk inhu hekk, ħalli lil moħħok u lil qalbek ikomplu jiġu influwenzati mil-“liġi perfetta tal-libertà.” Studja l-Iskrittura b’mod diliġenti. Għix il-verità, u agħmilha tiegħek. Itlob għall-ispirtu qaddis. Ħu vantaġġ sħiħ mill-kongregazzjoni Kristjana u mill-ikel spiritwali li jipprovdi Ġeħova. Tħallix lil Satana jqarraq bik bħalma qarraq b’Eva billi jġiegħlek taħseb li l-mogħdijiet t’Alla huma restrittivi żżejjed. Ibqaʼ ċert li x-Xitan jistaʼ jkun makakk ħafna. Imma kif se naraw fl-artiklu li jmiss, m’għandniex għalfejn inkunu ‘megħlubin għax il-pjanijiet tiegħu nafuhom.’—2 Kor. 2:11.
[Mistoqsijiet ta’ Studju]
[Stampi f’paġna 9]
Għadni jien nixxennaq għal xi “libertajiet” tad-dinja?
[Stampi f’paġna 9]
Għamiltha jien il-verità l-mod kif ngħix ħajti?