Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Laqgħa li Spikkat fl-Unità u Pjanijiet Eċċitanti

Laqgħa li Spikkat fl-Unità u Pjanijiet Eċċitanti

Rapport tal-​Laqgħa Annwali

IL-​LAQGĦAT annwali tal-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania dejjem iqanqlu l-​eċċitament. Kemm kien minnu dan fil-​127 laqgħa annwali li nżammet nhar is-​Sibt, l-​1 t’Ottubru, 2011! Mistidnin minn mad-​dinja kollha nġabru fis-​Sala tal-​Assemblea tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Jersey City, New Jersey, l-​Istati Uniti tal-​Amerika.

Gerrit Lösch, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, beda l-​programm billi ta merħba lil kulħadd. Hu qal lill-​mistidnin li kienu minn xi 85 pajjiż differenti li huma jagħmlu parti minn familja internazzjonali li hi iktar magħquda minn kwalunkwe grupp ieħor fid-​dinja. Unità bħal din tagħti xhieda tajba u ġieħ lil Ġeħova. Fil-​fatt, il-​kelma unità ssemmiet diversi drabi matul din il-​laqgħa.

RAPPORT TAJJEB MILL-​MESSIKU

L-​ewwel parti tal-​programm tat eżempji tal-​unità li hemm fost il-​poplu taʼ Ġeħova. L-​uffiċċju tal-​fergħa fil-​Messiku issa qed jieħu ħsieb sitt pajjiżi mill-​Amerika Ċentrali. Baltasar Perla, mill-​fergħa tal-​Messiku, intervista tliet membri oħra minn tal-​istess fergħa u talabhom jitkellmu dwar xi riżultati taʼ din il-​bidla. Huma qalu li issa l-​familja Betel tal-​Messiku għandha iktar aħwa minn kulturi u pajjiżi differenti u li kulħadd huwa inkuraġġit mis-​sħubija tajba li hemm. Alla bħallikieku qabad gomma kbira u ħassar il-​fruntieri nazzjonali taʼ bejniethom.

Wara din il-​bidla, kull kongregazzjoni ngħatat konnessjoni sigura tal-​e-​mail ħalli anki dawk li jgħixu f’postijiet iżolati jkunu jistgħu jikkomunikaw direttament mal-​uffiċċju tal-​fergħa. Dan jgħin lill-​pubblikaturi f’pajjiżi fejn m’għadx hemm uffiċċju tal-​fergħa biex iħossuhom parti mill-​organizzazzjoni.

AĦBARIJIET MILL-​ĠAPPUN

James Linton, mill-​fergħa tal-​Ġappun, spjega kif ħutna ġew effettwati mit-​terremot u t-​tsunamijiet taʼ Marzu 2011. Ħafna Xhieda tilfu lill-​maħbubin tagħhom u kulma kellhom. ’Il fuq minn 3,100 dar u mijiet taʼ vetturi ġew offruti mix-​Xhieda li ma ntlaqtux mid-​diżastru. Volontieri mibgħutin mill-​Kumitati Reġjonali tal-​Bini ħadmu bla waqfien biex isewwu d-​djar tal-​aħwa. Iktar minn 1,700 individwu vvolontarjaw ruħhom biex jaqdu fejn kien hemm bżonn. Kien hemm ukoll 575 volontier li għenu biex isewwu s-​Swali tas-​Saltna, fosthom tim mill-​Istati Uniti.

Sar ħafna xogħol biex jingħata faraġ lil dawk li ntlaqtu mid-​diżastru u biex tissaħħaħ il-​fidi tagħhom. Iktar minn 400 anzjan żaru lill-​vittmi. Kien evidenti t-​tħassib tal-​Ġemgħa li Tiggverna meta żewġ indokraturi taż-​żona mill-​kwartieri ġenerali marru fl-​inħawi tad-​diżastru biex jagħtu inkuraġġiment. L-​interess li ntwera mix-​Xhieda minn madwar id-​dinja kien ukoll taʼ faraġ kbir.

REBĦIET LEGALI

L-​udjenza kienet ferm interessata biex tismaʼ d-​diskussjoni li mexxa Stephen Hardy mill-​fergħa tal-​Britannja rigward ir-​rebħiet legali li kellna dan l-​aħħar. Pereżempju, il-​gvern Franċiż ried lill-​assoċjazzjoni legali li nużaw fi Franza tħallas €58 miljun f’taxxi. Imma l-​Qorti Ewropea tad-​Drittijiet tal-​Bniedem (QEDB) iddeċidiet li dan ma kienx legali. Id-​deċiżjoni wriet li l-​Qorti qablet li x-​Xhieda ma kinux qed jipprovaw jevitaw li jħallsu t-​taxxi. Din qalet li l-​gvern Franċiż kien aġixxa kontra Artiklu 9 tal-​Konvenzjoni Ewropea, li jipproteġi d-​dritt tal-​bniedem biex ikollu l-​libertà tar-​reliġjon. Pereżempju, il-​gvern kien irrifjuta li jirrikonoxxi lix-​Xhieda bħala reliġjon, ried jeqred l-​assoċjazzjoni legali tagħhom, ipprova jneħħi r-​reliġjon mill-​pajjiż, u tkellem b’mod offensiv kontrihom.

Il-​Qorti qatgħetha favur tagħna wkoll f’każ li jinvolvi x-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Armenja. Mill-​1965 ’il quddiem, il-​Qorti kienet tal-​fehma li l-​Konvenzjoni Ewropea ma kinitx tagħti lil xi bniedem id-​dritt li jirrifjuta ordni tal-​gvern biex jingħaqad mal-​militar. Imma l-​Awla Manja, l-​ogħla awtorità fil-​QEDB, iddeċidiet li l-​Konvenzjoni Ewropea tagħti lil bniedem id-​dritt li jirrifjuta servizz militari jekk jagħmel hekk minħabba t-​twemmin reliġjuż sod li għandu. B’riżultat tad-​deċiżjoni tal-​Qorti, il-​gvern tal-​Armenja kif ukoll il-​gvernijiet tal-​Azerbajġan u tat-​Turkija għandhom jirrispettaw dan id-​dritt.

PROĠETTI TAʼ KOSTRUZZJONI

Imbagħad tkellem Guy Pierce, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, u għaraf li dawk kollha preżenti kienu kurjużi dwar il-​proġetti taʼ kostruzzjoni tagħna fl-​istat taʼ New York. Hu introduċa vidjow li juri l-​iżviluppi f’Wallkill, f’Patterson, u fil-​proprjetajiet ġodda tagħna f’Warwick u Tuxedo, New York. F’Wallkill, hemm post taʼ residenza ġdid li huwa mistenni li jitlesta fl-​2014 u se jipprovdi ’l fuq minn 300 kamra oħra.

Hemm pjanijiet biex tiġi żviluppata proprjetà taʼ 1,000 kilometru kwadru f’Warwick. Ħuna Pierce qal: “Għalkemm għadna m’aħniex ċerti mir-​rieda taʼ Ġeħova rigward Warwick, qed inħejju ruħna biex niżviluppaw il-​post bl-​intenzjoni li mmexxu l-​kwartieri ġenerali tagħna hemmhekk.” Ukoll, matul il-​kostruzzjoni f’Warwick, hemm pjanijiet biex il-​makkinarju u l-​materjal għall-​bini jinżammu madwar 10 kilometri ’l bogħod fuq medda art taʼ 200 kilometru kwadru. “Ladarba joħroġ il-​permess tal-​kostruzzjoni, qed nittamaw li nlestu l-​proġett kollu f’erbaʼ snin,” qal Ħuna Pierce. “Imbagħad il-​proprjetà tagħna fi Brooklyn tkun tistaʼ tinbiegħ.”

“Il-​Ġemgħa li Tiggverna bidlet ħsiebha rigward kemm it-​tribulazzjoni l-​kbira hi fil-​qrib?” staqsa Ħuna Pierce. “Lanqas xejn,” wieġeb hu. “Jekk it-​tribulazzjoni l-​kbira tinterrompi l-​pjanijiet tagħna, din tkun xi ħaġa sabiħa, sabiħa immens!”

OQGĦOD ATTENT MILL-​ILJUN JGĦAJJAT

Imbagħad, Stephen Lett, membru ieħor tal-​Ġemgħa li Tiggverna, iddiskuta l-​1 Pietru 5:8: “Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa. L-​avversarju tagħkom, ix-​Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” Ħuna Lett qal li diversi karatteristiki tal-​iljun jagħmlu t-​tixbiha taʼ Pietru adattata biex tiddeskrivi lix-​Xitan.

L-​iljuni huma aktar b’saħħithom u jiġru iżjed mill-​bnedmin. Satana tant hu b’saħħtu li ma nistgħux niġġildulu jew naħarbu minnu waħedna. Għandna bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova. (Is. 40:31) Iljun jikkaċċja fid-​dlam, mela rridu nevitaw id-​dlam spiritwali li fih Satana jfittex il-​priża tiegħu. Bħalma ljun joqtol ċerva li ma tagħmillekx ħsara jew felu taʼ żebra li jkun rieqed, hekk ukoll Satana ma juri ebda ħniena u jixtieq joqtolna. U wara li ljun ikun xebaʼ mill-​ikel, il-​vittmi spiss ma jintgħarfux, eżatt bħalma “l-​qagħda finali” tal-​vittmi spiritwali taʼ Satana “ssir agħar minn tal-​bidu.” (2 Pt. 2:20) Allura jeħtieġ nieħdu l-​waqfa tagħna kontra Satana u nżommu sod mal-​prinċipji Bibliċi li tgħallimna.—1 Pt. 5:9.

APPREZZA L-​POST TIEGĦEK FID-​DAR TAʼ ĠEĦOVA

“Ilkoll għandna post fid-​dar taʼ Ġeħova,” qal il-​kelliemi li kien imiss, Samuel Herd, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Il-​Kristjani kollha għandhom post “fid-​dar” t’Alla—it-​tempju spiritwali tiegħu—l-​arranġament biex inqimuh fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Huwa post li għandna ngħożżuh bħala privileġġ prezzjuż. Bħal David, nixtiequ ‘ngħammru fid-​dar taʼ Ġeħova l-​jiem kollha taʼ ħajjitna.’—Salm 27:4.

Meta Ħuna Herd irrefera għal Salm 92:12-​14, hu staqsa, “Ġeħova kif jgħin lin-​nies tiegħu jkollhom suċċess f’ħajjithom?” Hu wieġeb: “Fil-​ġenna spiritwali, Alla jfarraġna, jipproteġina, u jagħtina l-​ilmijiet tal-​verità li jirrifreskawna. Jalla nirringrazzjawh għal dan.” Imbagħad Ħuna Herd ħeġġeġ ’l-​udjenza, “Jalla nkunu kuntenti li nibqgħu fid-​dar taʼ Ġeħova—mhux biss għal ftit żmien imma għal dejjem.”

IL-​KRISTJANI JIRRISPETTAW IL-​KELMA T’ALLA

David Splane, membru ieħor tal-​Ġemgħa li Tiggverna, fit-​taħdita taʼ wara spjega li l-​Kristjani veri minn dejjem irrispettaw il-​Kelma t’Alla. Fl-​ewwel seklu, huma użawha biex jissetiljaw il-​kwistjoni taċ-​ċirkonċiżjoni. (Atti 15:16, 17) Imma fit-​tieni seklu, xi wħud li sejħu lilhom infushom Kristjani bdew jirrispettaw iktar il-​filosofija Griega milli l-​Iskrittura. Iktar tard, oħrajn bidlu t-​tagħlim Bibliku mal-​opinjonijiet taʼ dawk li jissejħu Missirijiet il-​Knisja u tal-​imperaturi Rumani. Dan huwa kif beda ħafna mit-​tagħlim falz.

Ħuna Splane tkellem ukoll dwar waħda mit-​tixbihat taʼ Ġesù. Din it-​tixbiha turina li mill-​ewwel seklu ’l hawn, minn dejjem kien hemm Kristjani midlukin fuq l-​art biex jiddefendu l-​verità. (Mt. 13:24-​30) Ma nistgħux ngħidu fiċ-​ċert min kienu dawn. Iżda matul is-​sekli, ħafna tkellmu kontra twemmin u prattiki reliġjużi foloz. Xi wħud minn dawn kienu l-​Arċisqof Agobard taʼ Lyons li għex fid-​9 seklu, Peter taʼ Bruys, Henry taʼ Lausanne, u Valdès (jew, Waldo) li għexu fit-​12-​il seklu, John Wycliffe li għex fl-​14-​il seklu, William Tyndale li għex fis-​16-​il seklu, u Henry Grew u George Storrs li għexu fid-​19-​il seklu. Illum, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jkomplu jżommu mal-​livelli Skritturali u t-​twemmin tagħhom hu bbażat biss fuq il-​verità tal-​Bibbja. Għal din ir-​raġuni l-​Ġemgħa li Tiggverna għażlet Ġwanni 17:17 bħala l-​iskrittura għas-​sena 2012: “Kelmtek hi l-​verità.”

BIDLIET EĊĊITANTI FL-​ISKEJJEL TAL-​BIBBJA

Avviż li sar minn Anthony Morris, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, tkellem fuq fuq dwar l-​aġġustamenti għall-​missjunarji u l-​pijunieri speċjali. B’seħħ minn Settembru 2012, klassijiet tal-​Iskola tal-​Bibbja Għal Koppji Kristjani se jsiru f’xi pajjiżi magħżula. F’Ottubru li għadda, inbidel l-​iskop tal-​Iskola taʼ Gilegħad. Issa, dawk kollha li jiġu mħarrġin f’Gilegħad diġà jkunu qed jaqdu fis-​servizz full-​time speċjali—bħala missjunarji li għadhom ma marrux Gilegħad, pijunieri speċjali, indokraturi li jivvjaġġaw, jew Beteliti. Wara Gilegħad se jintbagħtu biex jaqdu f’uffiċċji tal-​fergħa, fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar jew jintbagħtu jippritkaw fi bliet kbar mal-​kongregazzjonijiet lokali. Hemmhekk jistgħu jsaħħu, jappoġġaw, u jħarrġu ’l-​aħwa li jaħdmu magħhom.

Ġie mħabbar li mill-​1 taʼ Jannar, 2012 ’il quddiem, xi wħud li attendew l-​Iskola tal-​Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mhux Miżżewġin u l-​Iskola tal-​Bibbja Għal Koppji Kristjani se jaqdu temporanjament bħala pijunieri speċjali. Dawn se jippritkaw f’territorji fejn hemm ftit pubblikaturi jew xejn. Huma se jaqdu bħala pijunieri speċjali għal sena, sentejn jew tliet snin. Wara tliet snin, dawk li jmorru tajjeb jistgħu jiġu mistiedna biex ikomplu jaqdu bħala pijunieri speċjali.

Il-​laqgħa annwali tal-​2011 kienet ferm pjaċevoli. L-​organizzazzjoni t’Alla qed taħdem biex tipprietka f’aktar postijiet mad-​dinja kollha u biex tgħin f’li tgħaqqad lil ħutna madwar id-​dinja. Aħna nitolbu li Ġeħova jbierek lil xogħolna u li dan iġiblu ħafna glorja u tifħir.

[Kaxxa/Stampi f’paġni 18, 19]

SIRNA NAFUHOM AĦJAR

Il-​programm inkluda wkoll intervista maʼ ħamsa mid-​disaʼ nisa romol taʼ membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Ħutna Marina Sydlik, Edith Suiter, Melita Jaracz, Melba Barry, u Sydney Barber qalu kif tgħallmu bil-​verità u daħlu fis-​servizz full-​time. Kull waħda minnhom irrakkontat lill-​udjenza memorji għeżież, ħsibijiet dwar żewġha, u l-​barkiet li gawdew flimkien. Imbagħad l-​udjenza kantat għanja numru 86, bl-​isem “Aħwa Kristjani, Nisa Leali.”

[Stampi]

(Fuq) Daniel u Marina Sydlik; Grant u Edith Suiter; Theodore u Melita Jaracz

(Isfel) Lloyd u Melba Barry; Carey u Sydney Barber

[Mappa f’paġna 16]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Sitt fergħat ngħaqdu taħt id-​direzzjoni tal-​fergħa tal-​Messiku

MESSIKU

GWATEMALA

ĦONDURAS

EL SALVADOR

NIKARAGWA

KOSTA RIKA

PANAMA

[Stampa f’paġna 17]

Disinn tal-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Warwick, New York