Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Se Tiġu Premjati għall-Għemejjel Tagħkom”

“Se Tiġu Premjati għall-Għemejjel Tagħkom”

IS-​SULTAN ASA jmexxi lill-​armata tiegħu minn ġo wied fond. Huma neżlin mill-​muntanji tal-​Lhudija sal-​pjanuri baxxi ħdejn il-​kosta. Meta jiġu fil-​biċċa tal-​wied l-​iktar wiesgħa, Asa jieqaf u jinħasad b’dak li jara. Taħthom hemm ikkampjata l-​armata Etjopjana enormi! Hemm xi miljun suldat tal-​għadu, imma l-​armata t’Asa fiha biss kważi nofs dan in-​numru.

Asa se jkollu jiġġieled battalja. F’dan il-​waqt, x’inhi l-​ewwel ħaġa li jagħmel? Jagħti xi ordnijiet lill-​ġenerali tiegħu? Jinkuraġġixxi lit-​truppi tiegħu? Jibgħat xi ittri lil familtu? Dażgur li le! F’din is-​sitwazzjoni perikoluża, Asa jitlob.

Qabel ma nirrivedu din it-​talba u neżaminaw x’ġara f’din l-​okkażjoni, ejja nikkunsidraw x’tip taʼ raġel kien Asa. X’qanqlu jitlob lil Alla għall-​għajnuna? Setaʼ jistenna l-​għajnuna mingħand Alla? Ir-​rakkont dwar Asa x’jgħidilna dwar kif Ġeħova jbierek l-​attivitajiet tal-​qaddejja Tiegħu?

IT-​TIP TAʼ RAĠEL LI KIEN ASA

Asa sar sultan fis-​sena 977 Q.E.K. Iżrael u Ġuda kienu ilhom 20 sena maqsumin f’żewġ saltniet. Matul dak iż-​żmien, Ġuda kienet saret korrotta għalkollox mill-​qima falza. Saħansitra uffiċjali għoljin fil-​gvern kienu jqimu allat Kangħanin tal-​fertilità. Imma l-​Bibbja tgħid li Asa għamel “dak li hu tajjeb u sewwa f’għajnejn Ġeħova Alla tiegħu.” Asa “neħħa l-​artali barranin u l-​postijiet għall-​qima u kisser il-​pilastri sagri u qaċċat l-​arbli sagri.” (2 Kron. 14:2, 3) Asa neħħa minn Ġuda “l-​irġiel prostituti tat-​tempju,” li kellhom relazzjonijiet sesswali maʼ rġiel oħrajn bħala parti mill-​qima falza tagħhom. Imma Asa ma neħħiex biss il-​qima falza. Ħeġġeġ ukoll lin-​nies biex “ifittxu lil Ġeħova, l-​Alla taʼ missirijiethom” u biex josservaw “il-​liġi u l-​kmandamenti” t’Alla.—1 Slat. 15:12, 13; 2 Kron. 14:4.

Ġeħova kien ferħan biż-​żelu li Asa kellu għall-​qima vera u ppremjah billi ta lil Ġuda bosta snin taʼ paċi. Is-​sultan b’hekk setaʼ jgħid: “Aħna fittixna lil Ġeħova Alla tagħna. Aħna fittixnieh, u hu tana l-​mistrieħ minn kullimkien.” In-​nies ħadu vantaġġ minn din is-​sitwazzjoni billi saħħew il-​bliet tas-​saltna taʼ Ġuda. Ir-​rakkont Bibliku jgħid: “Bnew u rnexxew.”—2 Kron. 14:1, 6, 7.

ASA JIĠĠIELED IL-​BATTALJA

Asa kien jaf li Ġeħova jippremja lil dawk li juru fidi bl-​azzjonijiet tagħhom. Kien għalhekk li Asa talab lil Ġeħova meta kellu jiġġieled kontra l-​akbar armata umana msemmija fil-​Bibbja. Fit-​talba tiegħu, hu talab lil Ġeħova bil-​ħrara biex jgħinu. Asa kien jaf li jekk kellu fiduċja f’Alla u kellu l-​appoġġ tiegħu, ma kienx jimporta kemm kienet kbira jew setgħana l-​armata tal-​għadu. Asa kien jaf ukoll li r-​riżultat taʼ din il-​gwerra kien se jeffettwa r-​reputazzjoni taʼ Ġeħova. Allura Asa talab: “Għinna, O Ġeħova Alla tagħna, għax fuqek nistrieħu aħna, u f’ismek ġejna kontra din il-​kotra. O Ġeħova, int Alla tagħna. Tħallix li l-​bniedem mortali jkun iktar b’saħħtu minnek.” (2 Kron. 14:11) Dan kien bħallikieku kien qed jgħid: ‘L-​Etjopjani qed jattakkaw lilek, Ġeħova. Tħallix lil dawn il-​bnedmin dgħajfin jegħlbu lill-​poplu tiegħek u jiddiżonoraw lil ismek.’ Alla wieġeb it-​talba t’Asa. Il-​Bibbja tgħid li “Ġeħova għeleb lill-​Etjopjani quddiem Asa u quddiem Ġuda” u li l-​Etjopjani telqu jiġru.—2 Kron. 14:12.

Illum, in-​nies taʼ Ġeħova jiffaċċjaw ħafna opponenti setgħanin. M’aħniex se niġġildulhom b’armi taʼ veru f’battalja letterali. Madankollu, nistgħu nkunu ċerti li lill-​uħud leali kollha li jiġġieldu gwerra spiritwali f’ismu, Ġeħova se jippremjahom b’rebħa. Ilkoll kemm aħna għandna mnejn ikollna niġġieldu battalji twal u diffiċli kontra affarijiet bħall-​morali laxki li għandha d-​dinja llum, in-​nuqqasijiet tagħna stess, u kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tipperikola r-​relazzjoni tal-​familja tagħna m’Alla. Madankollu, ikun xi jkun l-​għawġ li nħabbtu wiċċna miegħu, nistgħu nsibu inkuraġġiment fit-​talba t’Asa. Kien Ġeħova li ta r-​rebħa lil Asa. Jekk nafdaw f’Ġeħova se jgħinna nirbħu kwalunkwe battalja li jistaʼ jkollna. M’hemm ħadd u xejn iktar setgħan minnu.

INKURAĠĠIMENT U TWISSIJA

Meta Asa kien sejjer lura d-​dar wara l-​battalja, il-​profeta Għażarija ħareġ jiltaqaʼ miegħu. Għażarija ta lil Asa kemm inkuraġġiment kif ukoll twissija: “Isimgħuni O Asa u intom ilkoll nies taʼ Ġuda u Benjamin! Ġeħova jkun magħkom sakemm intom tkunu miegħu; u jekk tfittxuh, iħallikom issibuh, imma jekk titilquh, jitlaqkom. . . . Kunu kuraġġużi, u tħallux idejkom jintelqu, għax se tiġu premjati għall-​għemejjel tagħkom.”—2 Kron. 15:1, 2, 7.

Dan il-​kliem jistaʼ jsaħħilna l-​fidi tagħna. Juri li Ġeħova se jkun magħna dment li naqduh lealment. Meta ngħajtulu għall-​għajnuna, nistgħu nkunu fiduċjużi li hu jismagħna. Għażarija qal: “Kunu kuraġġużi.” Spiss nirrikjedu kuraġġ kbir biex nagħmlu s-​sewwa, imma nafu li nistgħu nagħmlu dan bl-​għajnuna taʼ Ġeħova.

Peress li Magħka, in-​nanna t’Asa, kienet għamlet “idolu moqżież għall-​qima taʼ l-​arblu sagru,” Asa kellu l-​biċċa xogħol diffiċli biex ineħħiha mill-​pożizzjoni rjali tagħha bħala “sultana omm.” Hu rnexxielu jegħleb din l-​isfida u wkoll ħaraq l-​idolu tagħha. (1 Slat. 15:13) Ġeħova bierek lil Asa talli b’kuraġġ għamel is-​sewwa. Aħna wkoll għandna lealment nobdu lil Ġeħova u nżommu l-​ħtiġijiet ġusti tiegħu, kemm jekk qrabatna jkunu leali lejn Alla u kemm jekk le. Jekk nagħmlu hekk, Ġeħova se jippremjana.

Parti mill-​premju t’Asa kienet li jara ħafna Iżraelin mis-​saltna apostata tat-​Tramuntana jmorru Ġuda meta raw li Ġeħova kien miegħu. Huma tant apprezzaw il-​qima pura li għażlu li jitilqu djarhom sabiex jgħixu fost il-​qaddejja taʼ Ġeħova. Asa u Ġuda kollha mbagħad b’ferħ daħlu ‘f’patt biex ifittxu lil Ġeħova b’qalbhom u b’ruħhom kollha.’ X’kien ir-​riżultat? Alla “ħalliehom isibuh; u Ġeħova kompla jagħtihom il-​mistrieħ minn kullimkien.” (2 Kron. 15:9-​15) Kemm nifirħu meta dawk li jħobbu s-​sewwa jagħżlu li jqimu lil Ġeħova!

Fil-​kliem tal-​profeta Għażarija lil Asa kien hemm ukoll twissija serja: “Jekk titilquh [lil Ġeħova], jitlaqkom.” Jalla dan qatt ma jiġri lilna, għax il-​konsegwenzi jistgħu jkunu traġiċi! (2 Pt. 2:20-​22) L-​Iskrittura ma tgħidx għala Ġeħova bagħat din it-​twissija lil Asa, imma s-​sultan ma tax kasha.

“INT TBELLAHT”

Fis-​36 sena tar-​renju t’Asa, is-​Sultan Bagħsa taʼ Iżrael telaʼ biex jiggwerra kontra Ġuda. Forsi biex iwaqqaf lis-​sudditi tiegħu milli juru lealtà lejn Asa u l-​qima pura, Bagħsa beda jsaħħaħ is-​swar tal-​belt taʼ Rama, tmien kilometri lejn it-​Tramuntana taʼ Ġerusalemm. Minflok ma fittex l-​għajnuna t’Alla bħalma kien għamel meta ffaċċja l-​invażjoni mill-​Etjopjani, Asa fittex l-​għajnuna tal-​bnedmin. Bagħat għotja lis-​sultan tas-​Sirja u talbu biex jattakka lis-​saltna taʼ Iżrael fit-​Tramuntana. Wara li s-​Sirjani bdew jattakkaw lil Iżrael, Bagħsa rtira minn Rama.—2 Kron. 16:1-​5.

Ġeħova ma ħax pjaċir b’Asa u bagħat lill-​profeta Ħanani biex jgħidlu b’dan. Peress li Asa kien jaf kif Alla kien ittratta mal-​Etjopjani, imissu kien tgħallem li “għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-​art kollha biex juri s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.” Forsi Asa ngħata parir ħażin jew ma qiesx lil Bagħsa u l-​forzi tiegħu bħala theddida daqstant kbira u ħaseb li setaʼ jittratta s-​sitwazzjoni waħdu. Kienet x’kienet ir-​raġuni, Asa fada fil-​bnedmin minflok ma fada f’Ġeħova. Ħanani qallu: “Int tbellaht f’dan, għax minn issa ’l quddiem ikun hemm il-​gwerer kontrik.”—2 Kron. 16:7-​9.

Meta Asa semaʼ dan il-​kliem, intilef f’dagħdigħa u tefaʼ lil Ħanani l-​ħabs. (2 Kron. 16:10) Jistaʼ jkun li Asa ħaseb bejnu u bejn ruħu, ‘Jistħoqqli li niġi mwiddeb wara li ili ħafna snin leali?’ Jew jistaʼ jkun li ma kienx qed jaħseb ċar minħabba l-​età avanzata? Il-​Bibbja ma tgħidx.

Fid-​39 sena tar-​renju tiegħu, Asa marad ħafna b’saqajh. Ir-​rakkont jgħid: “Saħansitra meta kien marid ma fittixx lil Ġeħova imma lil dawk li kienu jfejqu.” F’dak iż-​żmien, Asa donnu kien qed jittraskura s-​saħħa spiritwali tiegħu. Milli jidher, meta miet fil-​41 sena tal-​ħakma tiegħu, hu kien għadu f’din il-​kundizzjoni u kien għad għandu l-​istess attitudni.—2 Kron. 16:12-​14.

Jidher li Ġeħova ftakar fil-​kwalitajiet tajbin t’Asa u ż-​żelu tiegħu għall-​qima pura minflok fl-​iżbalji tiegħu. Asa qatt ma waqaf jaqdi lil Ġeħova. (1 Slat. 15:14) Allura, x’nistgħu nitgħallmu mir-​rakkont tal-​ħajja t’Asa? Jistaʼ jgħinna nirrealizzaw li għandna nirriflettu fuq kif Ġeħova għenna fil-​passat, għax memorji prezzjużi bħal dawn jistgħu jqanqluna nitolbu għall-​għajnuna tiegħu meta nħabbtu wiċċna maʼ provi ġodda. Però, m’għandniex nassumu li m’għandniex bżonn pariri Skritturali sempliċement għax ilna snin sħaħ naqdu lil Alla lealment. Ġeħova se jagħtina d-​dixxiplina li neħtieġu, ilna kemm ilna qaddejja tiegħu. Għandna naċċettaw bl-​umiltà d-​dixxiplina tiegħu sabiex inkunu nistgħu nibbenefikaw minnha. L-​iktar ħaġa importanti li nitgħallmu hi li Missierna tas-​sema se jkun magħna sakemm naqduh lealment. Għajnejn Ġeħova jfittxu madwar l-​art kollha biex isib lil dawk li huma leali lejh. Hu jrid juża l-​qawwa tiegħu biex jgħinhom. Ġeħova għamel dan għal Asa, u jistaʼ jagħmel l-​istess għalina.

[Kumment f’paġna 9]

Ġeħova jippremja lil dawk leali li jiġġieldu gwerra spiritwali

[Kumment f’paġna 10]

Nirrikjedu l-​kuraġġ biex nagħmlu s-​sewwa f’għajnejn Ġeħova