Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Paċi Għal Elf Sena—U Iktar!

Paċi Għal Elf Sena—U Iktar!

“Biex Alla jkun kollox għal kulħadd.”​—1 KOR. 15:28.

TISTAʼ TISPJEGA?

It-​twettiq taʼ dawn il-​versi x’se jfisser għalik?

Mikea 4:4

Isaija 11:6-​9

Ġwanni 5:28, 29

1. ‘Il-​folla l-​kbira’ liema prospett eċċitanti se tgawdi?

 TISTAʼ timmaġina l-​ġid kollu li jistaʼ jagħmel gvern potenti b’ħakkiem ħanin u ġust għas-​sudditi tiegħu f’elf sena? Il-​membri bla għadd tal-​‘folla l-​kbira’ se jgawdu dan il-​prospett eċċitanti. Dawn huma l-​uħud li se jibqgħu ħajjin wara t-​“tribulazzjoni l-​kbira,” li se teqred għalkollox din is-​sistema preżenti mill-​agħar.—Riv. 7:9, 14.

2. Il-​bnedmin x’esperjenzaw matul is-​6,000 sena li għaddew?

2 Matul is-​6,000 sena li għaddew, il-​bnedmin ipprovaw jaħkmu lil xulxin. Dan ġab ħafna wġigħ u tbatija fuq l-​umanità. Żmien twil ilu, il-​Bibbja qalet: “Il-​bniedem iddomina lill-​bniedem bi ħsara għalih.” (Ekk. 8:9) X’naraw illum? Minbarra l-​gwerer u r-​rewwixti, jeżistu problemi devastanti bħalma huma l-​faqar, il-​mard, il-​qerda tal-​ambjent, it-​tibdil fil-​klima, u nibqgħu sejrin. Uffiċjali governattivi wissew li jekk inkomplu nħassru l-​art u ma nagħmlux bidliet drastiċi, ir-​riżultat se jkun diżastruż.

3. X’se jiġri matul ir-​Renju taʼ Elf Sena?

3 Taħt il-​ħakma taʼ Ġesù, is-​Sultan Messjaniku t’Alla, u l-​144,000 li se jaħkmu miegħu, is-​Saltna t’Alla se ġġib fix-​xejn il-​ħsara kollha li saret lill-​bnedmin u lill-​art. Matul ir-​Renju taʼ Elf Sena se titwettaq il-​wegħda taʼ faraġ li għamel Alla Ġeħova: “Qed noħloq smewwiet ġodda u art ġdida; u l-​affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-​qalb.” (Is. 65:17) Liema ġrajjiet tal-​għaġeb, li għadhom ma jidhrux, hemm jistennewna fil-​futur? Bl-​għajnuna tal-​Kelma profetika t’Alla, ejja nagħtu titwila lejn l-​affarijiet meraviljużi li għadhom “ma jidhrux.”—2 Kor. 4:18.

‘SE JIBNU DJAR U JĦAWLU GĦELIEQI BID-​DWIELI’

4. Illum ħafna nies f’liema kundizzjonijiet jgħixu?

4 Min ma jixtieqx ikollu d-​dar tiegħu stess, post fejn hu u familtu jħossuhom protetti u fis-​sigurtà? Iżda fid-​dinja tal-​lum hija problema serja li wieħed isib post adegwat fejn jgħix. Ħafna nies jgħixu ppakkjati bħas-​sardin fi bliet iffollati. Għandu mnejn ikollhom jgħixu f’gabubi mibnijin taʼ kafkaf jew inkella f’bini qadim u maħmuġ. Għalihom, li jkollhom id-​dar tagħhom stess hi biss ħolma.

5, 6. (a) Isaija 65:21 u Mikea 4:4 kif se jitwettqu? (b) Kif nistgħu nirċievu din il-​barka?

5 Taħt il-​ħakma tas-​Saltna, ix-​xewqa taʼ kull resident li jkollu d-​dar tiegħu stess se tiġi sodisfata, għax permezz taʼ Isaija ġie pprofetizzat: “Se jibnu djar u jgħammru fihom; u jħawlu għelieqi bid-​dwieli u jieklu frotthom.” (Is. 65:21) Madankollu, li jkollhom id-​dar tagħhom stess mhuwiex l-​uniku prospett. Wara kollox, xi wħud illum jgħixu fid-​dar tagħhom stess, u hemm xi ftit li saħansitra jgħixu ġo vilel kbar u lussużi. Imma dejjem ikollhom il-​biżaʼ li jistgħu jitilfu djarhom minħabba xi taqlib finanzjarju, jew li jidħlulhom il-​ħallelin jew xi kriminali. Kollox se jkun differenti taħt il-​ħakma tas-​Saltna! Il-​profeta Mikea kiteb: “Joqogħdu bil-​qiegħda, kull wieħed taħt id-​dielja tiegħu u taħt is-​siġra tat-​tin tiegħu, u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.”—Mik. 4:4.

6 B’dan il-​prospett meraviljuż f’moħħna, x’għandna nagħmlu? Naturalment, ilkoll kemm aħna għandna bżonn post adegwat fejn ngħixu. Minkejja dan, minflok ma nistinkaw biex niksbu d-​dar tal-​ħolm issa—forsi billi nidħlu f’dejn kbir biex nagħmlu dan—ma jkunx għaqli li niffokaw fuq il-​wegħda taʼ Ġeħova? Ftakar x’qal Ġesù dwaru nnifsu: “Il-​volpijiet għandhom l-​għerien u l-​għasafar tas-​sema għandhom il-​bejtiet, imma Bin il-​bniedem m’għandu mkien fejn imidd rasu.” (Lq. 9:58) Ġesù kellu l-​abbiltà u s-​setgħa li jibni jew jixtri l-​aqwa dar li xi ħadd qatt jistaʼ jkollu. Iżda għala m’għamilx hekk? Għax Ġesù ma riedx ikun involut f’xi ħaġa li setgħet iżżommu lura milli jpoġġi s-​Saltna l-​ewwel f’ħajtu. Nistgħu aħna nsegwu l-​eżempju tiegħu u ma nħallux l-​affarijiet materjali jsiru l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna u jikkaġunawlna l-​ansjetà?—Mt. 6:33, 34.

“IL-​LUPU U L-​ĦARUF JIEKLU FLIMKIEN”

7. Ġeħova liema kmand ta dwar ir-​relazzjoni bejn il-​bnedmin u l-​annimali?

7 Meta Ġeħova ħalaq l-​affarijiet fuq l-​art, l-​aħħar ħolqien tiegħu kien il-​bniedem. Lil Ġesù, il-​Ħaddiem tas-​Sengħa tiegħu, Ġeħova qallu l-​iskop speċifiku li kellu: “Ħa nagħmlu l-​bniedem fix-​xbieha tagħna, skond suritna, u ħa jkunu sottomessi lejhom il-​ħut tal-​baħar u l-​ħlejjaq li jtiru fis-​smewwiet u l-​annimali domestiċi u l-​art kollha u kull annimal li jitkaxkar u li qed jitħarrek fuq l-​art.” (Ġen. 1:26) B’hekk, Adam u Eva, u eventwalment l-​umanità kollha, ingħataw il-​kmand li jieħdu ħsieb l-​annimali u jkollhom l-​awtorità fuqhom.

8. L-​annimali kif iġibu ruħhom illum?

8 Huwa verament possibbli li l-​bnedmin ikollhom awtorità fuq l-​annimali kollha u jkunu fil-​paċi magħhom? Ħafna nies iħobbu l-​annimali domestiċi tagħhom, bħal pereżempju l-​klieb u l-​qtates. Imma, xi ngħidu għall-​annimali salvaġġi? Xi xjenzati li għexu qrib l-​annimali salvaġġi u studjawhom sabu li l-​mammali kollha għandhom l-​emozzjonijiet. M’għandniex xi ngħidu, aħna nafu li l-​annimali jitgerrxu jew isiru feroċi meta jiġu mhedda, imma huma kapaċi juru affezzjoni? Ix-​xjenzati qalu li l-​mammali juru tenerezza liema bħalha meta jkunu qed irabbu liż-​żgħar tagħhom.

9. L-​annimali kif se jkunu differenti fil-​futur?

9 Għalhekk, m’għandniex għalfejn nibqgħu sorpriżi meta fil-​Bibbja naqraw li se tirrenja l-​paċi bejn il-​bnedmin u l-​annimali. (Aqra Isaija 11:6-​9; 65:25.) Għala le? Ftakar li meta Noè u familtu ħarġu mill-​arka wara d-​Dilluvju, Ġeħova qalilhom: “Se jibżgħu u jitwerwru minnkom il-​ħlejjaq ħajjin kollha taʼ l-​art.” Issa ħafna annimali jaħarbu mill-​bnedmin biex jipproteġu lilhom infushom. (Ġen. 9:2, 3) Imma Ġeħova jistaʼ jneħħi ftit minn dan il-​biżaʼ sabiex ir-​relazzjoni bejn il-​bnedmin u l-​annimali tkun eżattament kif ikkmanda hu fil-​bidu. (Ħos. 2:18) Xi żmien pjaċevoli se jkun għal dawk kollha li se jgħixu fuq l-​art!

“JIXXOTTALHOM KULL DEMGĦA”

10. Il-​bnedmin għala jibku?

10 Meta Salamun ra “l-​atti kollha taʼ moħqrija li qed isiru taħt ix-​xemx,” b’diqa kbira qal: “Rajt id-​dmugħ tal-​maħqurin, imma ma kellhomx min ifarraġhom.” (Ekk. 4:1) Illum l-​affarijiet huma simili, jekk mhux agħar. Min fostna ma bekiex għal xi raġuni jew oħra? Huwa minnu li kultant nibku bil-​ferħ, imma ġeneralment nibku għax ikollna swied taʼ qalb.

11. Liema rakkont Bibliku jmisslek qalbek b’mod partikulari?

11 Aħseb dwar il-​ħafna rakkonti li naqraw fil-​Bibbja taʼ nies li bkew. Meta Sara mietet fl-​età taʼ 127 sena, “Abraham daħal inewwaħ għal Sara u jibkiha.” (Ġen. 23:1, 2) Meta Nagħomi sellmet liż-​żewġ nisa taʼ wliedha, “bdew jibku u jolfqu,” u mbagħad “reġgħu bdew jibku u jolfqu.” (Rut 1:9, 14) Meta s-​Sultan Ħeżekija kien marid ħafna u kien jidher li se jmut, hu talab lil Alla u “beka fuq li beka.” Ġeħova ra d-​dmugħ tiegħu u fejqu. (2 Slat. 20:1-​5) U min ma jħossux kommoss bir-​rakkont taʼ meta l-​appostlu Pietru ċaħad lil Ġesù? Meta semaʼ s-​serduq jidden, Pietru “ħareġ barra u beka biki taʼ mrar.”—Mt. 26:75.

12. Ir-​Renju taʼ Elf Sena kif se jġib serħan lill-​umanità?

12 Minħabba li ġrajjiet traġiċi—żgħar u kbar—jolqtu lil kulħadd, il-​bnedmin għandhom bżonn kbir taʼ faraġ u serħan. Matul ir-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu, Alla se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.” (Riv. 21:4) X’meravilja meta taħseb li mhux se jkun hemm iktar uġigħ u tbatija! Imma huwa saħansitra iktar meraviljuż li Alla jwiegħed li se jneħħi l-​mewt. Dan kif se jseħħ?

“DAWK KOLLHA LI QEGĦDIN FL-​OQBRA TAT-​TIFKIRA . . . JOĦORĠU”

13. Il-​mewt kif effettwat lill-​bnedmin mindu dineb Adam?

13 Mindu dineb Adam, il-​mewt saltnet fuq l-​umanità. Hija għadu li ħadd ma jistaʼ jirbaħlu. L-​ebda bniedem midneb ma jistaʼ jiskansaha, u kkaġunat ħafna niket u diqa. (Rum. 5:12, 14) Infatti, “minħabba l-​biżaʼ mill-​mewt,” miljuni taʼ nies huma “suġġettati għall-​jasar ħajjithom kollha.”—Ebr. 2:15.

14. X’se jiġri meta l-​mewt tinġieb fix-​xejn?

14 Il-​Bibbja titkellem dwar iż-​żmien meta “l-​aħħar għadu, il-​mewt se tinġieb fix-​xejn.” (1 Kor. 15:26) Din il-​wegħda se tkun taʼ benefiċċju għal żewġ gruppi taʼ nies. Għal dawk tal-​‘folla l-​kbira,’ li huma ħajjin bħalissa, se jkun possibbli li jgħaddu ħajjin għad-​dinja l-​ġdida b’ħajja eterna quddiemhom. Għall-​biljuni taʼ nies li diġà nħatfu mill-​mewt se jkun possibbli li jerġgħu jingħataw il-​ħajja. Tistaʼ timmaġina l-​ferħ u l-​eċċitament meta l-​folla l-​kbira tilqaʼ lill-​uħud irxoxtati? Ħarsa mill-​qrib lejn xi rakkonti li nsibu fil-​Bibbja dwar l-​irxoxt tistaʼ tagħtina ħjiel taʼ kif se jkun l-​irxoxt fil-​futur.—Aqra Marku 5:38-​42; Luqa 7:11-​17.

15. Kif x’aktarx se tirreaġixxi int meta tara lil xi ħadd maħbub jerġaʼ lura għall-​ħajja?

15 Aħseb dwar l-​espressjonijiet “intilfu f’estasi kbira taʼ ferħ” u “bdew jigglorifikaw lil Alla.” Kieku int kont preżenti f’dawn l-​okkażjonijiet x’aktarx li kont tħossok l-​istess. Tabilħaqq, se nimtlew bil-​ferħ u se jkollna eċċitament kbir meta naraw lill-​maħbubin mejtin tagħna jerġgħu lura għall-​ħajja permezz tal-​irxoxt. Ġesù qal: “Ġejja s-​siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġw. 5:28, 29) Ħadd minna ma ra xi ħaġa bħal din isseħħ; żgur li se tkun waħda mill-​akbar affarijiet “li ma jidhrux.”

ALLA SE JKUN “KOLLOX GĦAL KULĦADD”

16. (a) Għala għandna nitkellmu b’entużjażmu dwar il-​barkiet li għadhom ma jidhrux? (b) Pawlu x’qal biex jinkuraġġixxi lill-​Kristjani f’Korintu?

16 Hemm futur glorjuż jistenna lil dawk li juru li huma leali lejn Ġeħova f’dawn iż-​żminijiet kritiċi! Għalkemm il-​barkiet kbar għadhom ma jidhrux, ikun tajjeb li nżommuhom stampati f’moħħna. B’hekk, niġu megħjunin niffokaw fuq dak li hu verament importanti u nevitaw li niġu aljenati mill-​affarijiet temporanji taʼ din id-​dinja. (Lq. 21:34; 1 Tim. 6:17-​19) Ejja nitkellmu b’entużjażmu dwar it-​tama u l-​prospetti meraviljużi tagħna matul l-​istudju u l-​qima tal-​familja, aħna u nitkellmu maʼ sħabna fit-​twemmin, u fid-​diskussjonijiet mal-​istudenti tal-​Bibbja u maʼ wħud interessati. Dan se jgħinna nżommuhom ċari f’moħħna u f’qalbna. L-​appostlu Pawlu inkuraġġixxa lil sħabu l-​Kristjani b’dan il-​mod. Kliemu għenhom jaħsbu dwar l-​affarijiet li se jseħħu fi tmiem ir-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu. Ipprova immaġina t-​tifsir sħiħ taʼ kliem Pawlu li nsibu fl-​1 Korintin 15:24, 25, 28.—Aqra.

17, 18. (a) Ġeħova b’liema mod kien “kollox għal kulħadd” fil-​bidu tal-​istorja umana? (b) Ġesù x’se jagħmel biex iġib lura l-​paċi u l-​unità?

17 M’hemmx deskrizzjoni aħjar taʼ kif se tkun il-​ħajja fit-​tmiem tal-​elf sena mill-​kliem “biex Alla jkun kollox għal kulħadd.” Dan xi jfisser? Aħseb fiż-​żmien meta fl-​Għeden, Adam u Eva kienu parti mill-​familja paċifika taʼ Ġeħova. Ġeħova, is-​Sovran Universali, kien jaħkem direttament fuq il-​ħolqien kollu tiegħu, sew fuq l-​anġli u sew fuq il-​bnedmin. Dawn ilkoll setgħu jikkomunikaw miegħu b’mod persunali, iqimuh, u jitbierku minnu. Hu kien “kollox għal kulħadd.”

18 Din ir-​relazzjoni paċifika tħassret meta Satana influwenza lill-​bnedmin biex jirribellaw kontra Ġeħova. Madankollu, is-​Saltna Messjanika ilha sa mill-​1914 tieħu passi biex iġġib lura dik il-​paċi u l-​unità. (Efes. 1:9, 10) Matul ir-​Renju taʼ Elf Sena, affarijiet meraviljużi li fil-​preżent għadhom “ma jidhrux” se jsiru realtà. Wara dan jiġi “t-​tmiem,” jiġifieri, it-​tmiem tar-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu. Imbagħad x’se jiġri? Għalkemm ingħata “kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art,” Ġesù mhuwiex ambizzjuż. M’għandu l-​ebda intenzjoni li jaħtaf il-​pożizzjoni taʼ Ġeħova. Hu b’umiltà “jgħaddi s-​saltna lil Alla tiegħu u Missieru.” Se juża l-​pożizzjoni u l-​awtorità uniċi tiegħu “għall-​glorja t’Alla l-​Missier.”—Mt. 28:18; Flp. 2:9-​11.

19, 20. (a) Is-​sudditi kollha tas-​Saltna kif se juru jekk jaċċettawx is-​sovranità taʼ Ġeħova? (b) Liema affarijiet meraviljużi se ngawdu fil-​futur?

19 Sa dak iż-​żmien, dawk kollha li jgħixu fuq l-​art taħt l-​awtorità tas-​Saltna se jkunu perfetti. Se jsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù, u għax huma umli se jkunu ferħanin li jaċċettaw id-​dritt taʼ Ġeħova li jaħkem fuqhom. Huma se jgħaddu mill-​prova finali jekk juru li jridu li Ġeħova jaħkem fuqhom. (Riv. 20:7-​10) Imbagħad ir-​ribelli kollha—kemm jekk bnedmin u kemm jekk spirti—se jinqerdu darba għal dejjem. Xi żmien eċċitanti se jkun dan! Il-​familja universali kollha kemm hi se tfaħħar lil Ġeħova, li se jkun “kollox għal kulħadd.”—Aqra Salm 99:1-​3.

20 Se jqanqluk l-​affarijiet meraviljużi li dalwaqt se ġġib magħha s-​Saltna biex tiffoka l-​attenzjoni tiegħek fuq li tagħmel ir-​rieda t’Alla u tagħmel kull sforz f’dan ir-​rigward? Tistaʼ tagħmel ċert li t-​tama u l-​faraġ foloz li toffri d-​dinja taʼ Satana ma jġegħlukx tinsa li għandek taqdi lil Ġeħova? Se ssaħħaħ id-​determinazzjoni tiegħek biex tappoġġa s-​sovranità taʼ Ġeħova? Jalla l-​azzjonijiet tiegħek juru li int tixtieq tagħmel dan għal dejjem. Imbagħad se jkun il-​privileġġ tiegħek li tgawdi paċi u prosperità għal elf sena—u iktar!

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampi f’paġna 11]

Malli jtemm xogħlu bħala Sultan, Ġesù b’umiltà se jagħti s-​Saltna lil Missieru