Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“La Tafu l-Jum u Lanqas is-Siegħa”

“La Tafu l-Jum u Lanqas is-Siegħa”

“Għalhekk, ibqgħu għassa għax la tafu l-​jum u lanqas is-​siegħa.”—MT. 25:13.

INT KIF TWIEĠEB?

X’inhuma xi modi kif nistgħu nibbenefikaw mill-​fatt li ma nafux il-​jum jew is-​siegħa meta ġej it-​tmiem?

Il-​midlukin kif baqgħu għassa?

B’liema modi nistgħu nuru li aħna lesti għall-​wasla taʼ Kristu?

1-3. (a) Liema sitwazzjonijiet jgħinuna nifhmu t-​tagħlima taʼ tnejn mill-​parabboli taʼ Ġesù? (b) Liema mistoqsijiet jeħtieġ li nwieġbu?

 IMMAĠINA li uffiċjal prominenti jitolbok twasslu għal appuntament importanti. Iżda ftit minuti qabel titlaq biex twasslu, tinduna li m’għandekx biżżejjed petrol fil-​karozza. Jeħtieġ tħaffef biex tmur tagħtiha l-​petrol. Sadattant jasal l-​uffiċjal. Hu jħares madwaru u ma jsibekx. Ma jistax jistenna, u għalhekk jitlob lil xi ħadd ieħor iwasslu. Ma ddumx ma tiġi lura u tintebaħ li l-​uffiċjal telaq mingħajrek. Kieku kif kont tħossok?

2 Issa immaġina li int l-​uffiċjal u li għażilt tlett irġiel kapaċi biex jieħdu ħsieb biċċa xogħol importanti. Tispjegalhom x’inhu l-​inkarigu, u t-​tlieta li huma jaċċettaw minn rajhom. Madankollu, meta tmur lura ftit wara, issir taf li tnejn minnhom biss wettqu dmirhom. Iktar minn hekk, dak li m’għamilx xogħlu qed iġib l-​iskużi. Fil-​fatt, lanqas biss ipprova. Kieku kif kont tħossok?

3 Fil-​parabboli tiegħu tal-​verġni u tat-​talenti, Ġesù uża sitwazzjonijiet simili biex jispjega għala matul iż-​żmien tat-​tmiem xi wħud mill-​Kristjani midlukin kellhom juru li huma leali u għaqlin, filwaqt li oħrajn le. a (Mt. 25:1-​30) Hu enfasizza l-​punt tiegħu billi qal: “Għalhekk, ibqgħu għassa għax la tafu l-​jum u lanqas is-​siegħa”—jiġifieri, proprju meta Ġesù kellu jġib il-​ġudizzju t’Alla fuq id-​dinja taʼ Satana. (Mt. 25:13) Dan il-​parir għandna napplikawh aħna wkoll. Kif nistgħu nibbenefikaw jekk nibqgħu għassa, bħalma ħeġġiġna Ġesù? Min ta prova li baqaʼ għassa? U issa xi rridu nagħmlu biex nibqgħu għassa?

IBBENEFIKA BILLI TIBQAʼ GĦASSA

4. Li ‘nibqgħu mqajmin’ għala ma jfissirx li nżommu għajnejna fuq l-​arloġġ?

4 Kultant, huwa importanti li tkun taf xħin hu. Pereżempju, jekk taħdem f’fabbrika, għandek appuntament għand it-​tabib, jew għandek bżonn tuża t-​trasport pubbliku, trid tkun taf xħin hu biex ma tasalx tard. Iżda, f’każ li individwu jkun qed jipprova jitfi xi nirien jew iwettaq xogħol taʼ salvataġġ wara li jkun seħħ xi diżastru, jistaʼ jkun taʼ distrazzjoni jew, agħar minn hekk, taʼ periklu li joqgħod jara xħin hu. F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun ħafna iktar importanti li jiffoka fuq ix-​xogħol li jkun qed jagħmel milli jżomm maʼ skeda. Ix-​xogħol tagħna tal-​ippritkar jgħin lin-​nies jitgħallmu dwar dak li għamel Ġeħova biex isalva lill-​umanità. Peress li t-​tmiem taʼ din is-​sistema qiegħed kulma jmur joqrob, dan ix-​xogħol hu importanti b’mod speċjali issa. Li nibqgħu mqajmin bħala Kristjani ma jfissirx li nżommu għajnejna fuq l-​arloġġ. Fil-​fatt, hemm minn tal-​inqas ħames modi kif nibbenefikaw minħabba li ma nafux eżatt il-​jum jew is-​siegħa meta ġej it-​tmiem.

5. Il-​fatt li ma nafux il-​jum jew is-​siegħa kif jistaʼ jgħinna nuru x’hemm f’qalbna?

5 L-​ewwel, il-​fatt li ma nafux meta ġej it-​tmiem jippermettilna nuru x’hemm verament f’qalbna. Infatti, Ġeħova jurina rispett billi jippermettilna nagħżlu li nkunu leali lejh. Għalkemm inħarsu ’l quddiem biex ngħaddu ħajjin mit-​tmiem taʼ din is-​sistema, aħna naqdu lil Ġeħova għax inħobbuh, mhux sempliċement biex niksbu l-​ħajja. (Aqra Salm 37:4.) Hija l-​għaxqa tagħna li nagħmlu r-​rieda tiegħu, u nafu li Alla qed jgħallimna għall-​ġid tagħna. (Is. 48:17) Il-​kmandamenti tiegħu ma nħossuhomx taʼ piż.—1 Ġw. 5:3.

6. Meta naqdu lil Alla għax inħobbuh, hu kif iħossu, u għala?

6 It-​tieni benefiċċju li niksbu mill-​fatt li ma nafux il-​jum jew is-​siegħa hu li għandna l-​opportunità li nferrħu qalb Ġeħova. Meta naqduh għax inħobbuh—u mhux minħabba xi data jew biex nirċievu xi premju biss—inkunu qed ngħinu lil Ġeħova jagħti prova li l-​għadu tiegħu, Satana, huwa giddieb. (Ġob 2:4, 5; aqra Proverbji 27:11.) Meta nqisu l-​uġigħ u n-​niket kollu li kkaġuna x-​Xitan, aħna minn qalbna niddefendu s-​sovranità taʼ Ġeħova u niċħdu l-​ħakma mill-​agħar taʼ Satana.

7. Għala tixtieq tuża ħajtek biex taqdi lil Alla u tgħin lil oħrajn?

7 It-​tielet, il-​fatt li ma nafux id-​data speċifika meta ġej it-​tmiem jagħmilhielna iktar faċli li nkunu altruisti u nużaw ħajjitna biex naqdu lil Alla u ngħinu lil oħrajn. Illum, xi wħud li ma jafux lil Alla wkoll jemmnu li ma jistax ikun li d-​dinja tibqaʼ sejra hekk. Peress li jibżgħu li dalwaqt iseħħ xi diżastru, huma jirraġunaw u jgħidu: “Ħa nieklu u nixorbu, għax għada mmutu.” (1 Kor. 15:32) Aħna, min-​naħa tagħna, m’aħniex beżgħanin u ma jimpurtaniex biss minna nfusna. (Prov. 18:1) Minflok, niċħdu lilna nfusna u minn jeddna nużaw kulma għandna, inkluż il-​ħin u l-​enerġija tagħna, biex naqsmu l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla maʼ ħaddieħor. (Aqra Mattew 16:24.) Is-​servizz tagħna lil Alla jferraħna, speċjalment għax ngħinu lil oħrajn isiru jafuh.

8. Liema eżempju Bibliku jurina għala jeħtieġ nistrieħu iktar bis-​sħiħ fuq Ġeħova u fuq il-​Kelma tiegħu?

8 Ir-​rabaʼ benefiċċju li jiġi mill-​fatt li ma nafux il-​jum jew is-​siegħa hu li dan jgħinna nistrieħu iktar bis-​sħiħ fuq Ġeħova u nistinkaw biex napplikaw il-​Kelma tiegħu f’ħajjitna. Peress li aħna imperfetti, huwa faċli li nistrieħu fuqna nfusna. Pawlu wissa lill-​Kristjani kollha: “Min jaħseb li hu wieqaf ħa joqgħod attent li ma jaqax.” Ftit qabel ma Ġożwè u l-​poplu t’Alla daħlu fl-​Art Imwiegħda, 23,000 Iżraeli tilfu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. Pawlu jgħid: “Dan kollu . . . nkiteb bħala twissija għalina li fuqna wasal it-​tmiem tas-​sistemi.”—1 Kor. 10:8, 11, 12.

9. Il-​provi kif jistgħu jirfinawna u jressquna eqreb lejn Alla?

9 Il-​ħames mod kif nibbenefikaw mill-​fatt li ma nafux meta ġej it-​tmiem hu li dan jippermetti li l-​provi li niffaċċjaw issa jirfinawna. (Aqra Salm 119:71.) L-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema huma tabilħaqq “diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Tim. 3:1-​5) Ħafna wħud fid-​dinja taʼ Satana jobogħduna, u għalhekk għandu mnejn niġu persegwitati minħabba l-​fidi tagħna. (Ġw. 15:19; 16:2) Imma sewwasew bħalma n-​nar jistaʼ jirfina l-​metall, il-​provi jistgħu jirfinaw u jsaħħu l-​fidi tagħna. Jekk numiljaw ruħna u nfittxu d-​direzzjoni t’Alla, il-​provi mhux se jwaqqfuna milli naqduh. Minflok, il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova se ssir iktar b’saħħitha milli qatt stajna nimmaġinaw.—Ġak. 1:2-​4; 4:8.

10. X’inhu li jagħmel il-​ħin donnu jgħaddi malajr?

10 Il-​ħin tistaʼ jew tarah għaddej malajr jew inkella għaddej bil-​mod. Meta jkollna x’nagħmlu u nkunu medhijin fix-​xogħol minflok ma nżommu għajnejna fuq l-​arloġġ, il-​ħin donnu jtir. Bl-​istess mod, jekk inkunu medhijin fix-​xogħol eċċitanti li tana Ġeħova, għandu mnejn li dak il-​jum u s-​siegħa jaslu iktar malajr milli nkunu immaġinajna. B’rabta maʼ dan, il-​biċċa l-​kbira mill-​midlukin ħallew eżempju mill-​aqwa. Ejja nagħtu ħarsa ħafifa lejn dak li ġara wara li Ġesù ġie maħtur bħala Sultan fl-​1914, u naraw kif xi wħud urew li kienu lesti filwaqt li oħrajn ma kinux.

MIDLUKIN LI JURU LI HUMA LESTI

11. Wara l-​1914, xi wħud mill-​midlukin għala kkonkludew li l-​Mulej kien qed jiddawwar?

11 Ftakar fil-​parabboli tal-​verġni u tat-​talenti li semma Ġesù. Li kieku l-​verġni jew l-​ilsiera f’dawn il-​parabboli kienu jafu meta kien se jasal l-​għarus jew is-​sid, ma kienx ikollhom għalfejn jibqgħu għassa. Imma ma kinux jafu, u għalhekk kellhom bżonn ikunu lesti. Għalkemm għal għaxriet taʼ snin il-​midlukin kienu jqisu l-​1914 bħala sena speċjali ħafna, huma ma kellhomx fehma ċara dwar x’kellu jiġri. Meta l-​affarijiet ma seħħewx kif kienu qed jobsru, xi wħud minnhom ħasbu li Ġesù kien qed jiddawwar. Iktar tard, wieħed ħu ftakar u qal: “Xi wħud minna tassew kienu jaħsbu li konna telgħin fis-​sema matul l-​ewwel ġimgħa t’Ottubru taʼ dik is-​sena [1914].”

12. Il-​biċċa l-​kbira mill-​midlukin kif urew li kienu leali u għaqlin?

12 Aħseb ftit dwar kemm setaʼ kien skuraġġanti li tistenna t-​tmiem u mbagħad ma jiġix! Iktar minn hekk, l-​aħwa ffaċċjaw oppożizzjoni matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Ix-​xogħol tal-​ippritkar kien kważi waqaf għalkollox. Kien bħallikieku l-​midlukin raqdu. Iżda fl-​1919, seħħet xi ħaġa li qajmithom. Ġesù kien ġie jispezzjona lil dawk kollha li sejħu lilhom infushom Kristjani. Madankollu, xi wħud mill-​midlukin m’għaddewx minn din l-​ispezzjoni, u b’hekk ma setgħux ikomplu jaħdmu għas-​Sid, Ġesù. (Mt. 25:16) Ma kinux imqajmin; kienu bħall-​verġni boloh li ma reġgħux imlew l-​imsiebaħ tagħhom biż-​żejt. Ma kinux lesti li jagħmlu sagrifiċċji għas-​Saltna, bħall-​ilsir għażżien li ma kienx leali lejn sidu. Iżda l-​biċċa l-​kbira mill-​midlukin urew lealtà soda u xewqa qawwija li jaqdu lil Sidhom anki matul is-​snin diffiċli tal-​gwerra.

13. (a) X’kienet l-​attitudni tal-​midlukin eżatt wara l-​1914? (b) X’inhi l-​attitudni tagħhom illum?

13 Wara l-​1914, It-​Torri tal-​Għassa spjega x’kienet l-​attitudni taʼ ħafna mill-​midlukin f’dak iż-​żmien. Qal li dawk li kellhom l-​attitudni t-​tajba ma ħarġux diżappuntati. Kompla jgħid: “Ma xtaqniex li sseħħ ir-​rieda tagħna; għalhekk meta sirna nafu li konna qed nistennew affarijiet li ma kellhomx iseħħu f’Ottubru tal-​1914, konna kuntenti li l-​Mulej ma biddilx il-​Pjan Tiegħu biex jogħġob lilna. Ma xtaqniehx jagħmel hekk.” Huma sempliċement xtaqu jifhmu l-​iskopijiet t’Alla aħjar. Illum, il-​midlukin juru l-​istess attitudni t’umiltà u l-​istess xewqa li jagħmlu r-​rieda t’Alla. Huma ma jgħidux li huma ispirati. Sempliċement iridu jwettqu x-​xogħol li Ġesù tahom biex jagħmlu fuq l-​art. U issa l-​Kristjani li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art, “folla kbira” taʼ “nagħaġ oħrajn,” qed jimitaw l-​eżempju tagħhom.—Riv. 7:9; Ġw. 10:16.

NURU LI AĦNA LESTI

14. Għala jkun taʼ ġid għalina li nobdu dak li Ġeħova jgħallem permezz tal-​ilsir leali u għaqli?

14 Alla għażel lill-​ilsir leali u għaqli biex lill-​poplu tiegħu jagħtih l-​ikel spiritwali, jiġifieri jgħallimhom kif jibbenefikaw mill-​Kelma u l-​ispirtu tiegħu. Il-​midlukin u l-​uħud mill-​folla l-​kbira juru li huma lesti billi jobdu dak li Ġeħova jgħallem permezz tal-​ilsir leali u għaqli. Huwa bħallikieku qed jimlew l-​imsiebaħ tagħhom biż-​żejt. (Aqra Salm 119:130; Ġwanni 16:13.) B’hekk, anke huma jistgħu jkunu lesti għal meta jerġaʼ jiġi Kristu. Barra minn hekk, huma għandhom is-​saħħa li jibqgħu leali anke f’sitwazzjonijiet estremament diffiċli. Pereżempju, f’kamp tal-​priġunieri tan-​Nazi, l-​aħwa kellhom Bibbja waħda biss. Għalhekk, talbu għal iktar ikel spiritwali. Ma damux ma saru jafu li ħu li kien għadu kif wasal fil-​kamp kien ġab xi ħarġiet ġodda taʼ It-​Torri tal-​Għassa moħbijin f’riġlu li kien tal-​injam. Fost dawk li baqgħu ħajjin kien hemm wieħed mill-​midlukin jismu Ernst Wauer, li iktar tard qal li Ġeħova għen lill-​aħwa b’mod tal-​għaġeb biex jiftakru xi punti inkuraġġanti mill-​artikli. Hu qal ukoll: “Illum il-​ġurnata huwa faċli ħafna li tikseb l-​ikel spiritwali, imma dejjem napprezzawh? Jien fiduċjuż li Ġeħova għandu bosta barkiet maħżunin għal dawk li jafdaw fih, jibqgħu leali lejh, u jieklu mill-​mejda tiegħu.”

15, 16. (a) Koppja partikulari kif ġew imberkin talli wrew iż-​żelu fil-​ministeru? (b) X’tistaʼ titgħallem minn esperjenzi bħal din?

15 In-​nagħaġ l-​oħrajn jgħinu lil ħut Kristu billi jibqgħu jħabirku fix-​xogħol tal-​ippritkar. (Mt. 25:40) Huma mhumiex bħall-​ilsir mill-​agħar u għażżien fil-​parabbola taʼ Ġesù. Dawn lesti li jaħdmu iebes u jagħmlu sagrifiċċji biex ipoġġu s-​Saltna l-​ewwel f’ħajjithom. Pereżempju, Jon u Masako ġew mistidnin imorru l-​Kenja biex jippritkaw lin-​nies Ċiniżi. Għall-​ewwel bdew itellgħu u jniżżlu jmorrux. Iżda wara li kkunsidraw u talbu dwar is-​sitwazzjoni tagħhom, iddeċidew li jmorru jgħixu hemmhekk.

16 Huma ġew premjati bil-​kbir għall-​isforz tagħhom. “Il-​ministeru hawnhekk huwa sabiħ ħafna,” qalu huma. Bdew sebaʼ studji tal-​Bibbja u kellhom ħafna esperjenzi eċċitanti oħrajn. Huma żiedu jgħidu: “Kuljum nirringrazzjaw lil Ġeħova talli ppermettielna nkunu hawn.” M’għandniex xi ngħidu, hemm ħafna aħwa oħrajn li wrew li jixtiequ jkunu beżlin jaqdu lil Alla meta jiġi t-​tmiem, jiġi meta jiġi. Aħseb fl-​eluf taʼ wħud li ggradwaw mill-​Iskola taʼ Gilegħad u bdew jaqdu fis-​servizz missjunarju. Tistaʼ ssir taf iktar dwar dan is-​servizz speċjali billi taqra l-​artiklu “Nagħmlu l-​Aħjar li Nistgħu!” li deher fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Ottubru, 2001. Int u taqra dan ir-​rakkont affaxxinanti dwar ġurnata mill-​ħajja taʼ missjunarju, aħseb dwar xi modi kif tistaʼ żżid fis-​servizz tiegħek biex tfaħħar lil Alla, u b’hekk tkun iktar ferħan.

IBQAʼ GĦASSA INT UKOLL

17. Il-​fatt li ma nafux il-​jum jew is-​siegħa kif inhu taʼ barka?

17 B’mod ċar, aħna nqisu l-​fatt li ma nafux eżatt il-​jum jew is-​siegħa meta din is-​sistema se tiġi fi tmiemha bħala barka għalina. Minflok ma nħossuna frustrati jew diżappuntati, aħna nħossuna eqreb lejn Missierna kollu mħabba, Ġeħova, hekk kif nintefgħu b’ruħna u ġisimna fix-​xogħol biex inwettqu r-​rieda tiegħu. Peress li ffokajna fuq ix-​xogħol li tana Ġesù u evitajna d-​distrazzjonijiet, aħna ngħixu ħajja hienja hekk kif naqdu lil Ġeħova.—Lq. 9:62.

18. Għala rridu nibqgħu leali fis-​servizz tagħna lil Alla?

18 Jum il-​ġudizzju t’Alla riesaq b’ħeffa liema bħalha. Ħadd minna ma jixtieq jiddiżappunta lil Ġeħova jew lil Ġesù. Huma fdaw xogħol mill-​isbaħ f’idejna biex nagħmluh f’dawn l-​aħħar jiem. Kemm ngħożżuha din il-​fiduċja li għandhom fina!—Aqra l-1 Timotju 1:12.

19. Kif nistgħu nuru li aħna lesti għat-​tmiem taʼ din is-​sistema?

19 Kemm jekk it-​tama tagħna hi li ngawdu l-​ħajja fis-​sema u kemm jekk f’Ġenna fuq l-​art, ejja nkunu determinati li nibqgħu leali lejn l-​inkarigu li tana Alla biex nippritkaw u nagħmlu dixxipli. Għadna ma nafux eżatt il-​jum jew is-​siegħa meta se jasal il-​jum taʼ Ġeħova, imma għandna għalfejn inkunu nafu? Aħna nistgħu u se nkomplu nuru li aħna lesti. (Mt. 24:36, 44) Ninsabu fiduċjużi li dment li nafdaw għalkollox f’Ġeħova u npoġġu s-​Saltna tiegħu l-​ewwel, m’aħniex se noħorġu diżappuntati.—Rum. 10:11.

[Nota ta’ taħt]

a Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Marzu, 2004, paġni 14-​18.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 26]

Fittex l-​ikel spiritwali saħansitra f’sitwazzjonijiet diffiċli

[Stampa f’paġna 27]

Iż-​żmien itir meta nkunu ffokati fuq l-​attivitajiet Kristjani