Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Niffaċċjaw l-Għawġ tal-Lum bil-Kuraġġ

Niffaċċjaw l-Għawġ tal-Lum bil-Kuraġġ

“Alla hu għalina kenn u saħħa, għajnuna li tistaʼ tinstab malajr matul l-​inkwiet.”​—SALM 46:1.

TAF TWIEĠEB?

Kif nistgħu nevitaw li nħallu l-​affarijiet koroh f’ħajjitna jiskuraġġuna?

Liema raġunijiet għandna biex nuru l-​kuraġġ?

Ġeħova liema għajnuna tana biex jgħinna nkampaw mal-​problemi?

1, 2. Ħafna wħud liema għawġ esperjenzaw, iżda x’inhi x-​xewqa tal-​qaddejja t’Alla?

 AĦNA qed ngħixu fi żmien t’għawġ. L-​art qed tintlaqat minn diżastru wara ieħor. Terremoti, tsunamijiet, nirien fil-​foresti, għargħar, vulkani, tornadi, tifuni, u uragani ħallew straġi sħiħa fuq l-​umanità. Barra minn hekk, l-​inkwiet fil-​familja u l-​problemi personali ġabu ħafna biżaʼ u niket. Kemm hu minnu li “ż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin” jiġu fuqna lkoll.​—Ekk. 9:11.

2 Il-​qaddejja t’Alla b’mod kollettiv baqgħu jaqduh bil-​ferħ f’dawn is-​sitwazzjonijiet diffiċli. Minkejja dan, ilkoll kemm aħna nixtiequ nkunu lesti biex nissaportu kwalunkwe diffikultà li tistaʼ tinqalgħalna fil-​ġejjieni hekk kif din is-​sistema toqrob lejn tmiemha. Kif nistgħu nkampaw maʼ dawn l-​isfidi mingħajr ma nħalluhom jgħakksuna? X’se jgħinna niffaċċjaw l-​għawġ tal-​lum bil-​kuraġġ?

TGĦALLEM MINN DAWK LI FFAĊĊJAW IL-​ĦAJJA BIL-​KURAĠĠ

3. Bħalma hemm miktub f’​Rumani 15:4, kif nistgħu niġu mfarrġin meta niffaċċjaw ċirkustanzi li jnikktuna?

3 Għalkemm iċ-​ċirkustanzi diffiċli jeffettwaw lin-​nies iktar minn qatt qabel, il-​problemi li jġibu n-​niket mhumiex xi ħaġa ġdida għall-​bnedmin. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu minn xi wħud mill-​qaddejja t’Alla li fil-​passat irnexxielhom jiffaċċjaw il-​ħajja bil-​kuraġġ.​—Rum. 15:4.

4. Liema huma xi affarijiet li kellu jissaporti David, u x’għenu?

4 Aħseb dwar ftit mill-​affarijiet li kellu jissaporti David. Is-​Sultan Sawl ried joqtlu. L-​għedewwa ġġieldu kontrih u darba minnhom saħansitra ħadulu n-​nisa tiegħu. Xi wħud fl-​armata tiegħu u xi wħud minn familtu u mill-​ħbieb tiegħu stess ittradewh. U kultant kien iħossu dipress. (1 Sam. 18:8, 9; 30:1-​5; 2 Sam. 17:1-​3; 24:15, 17; Salm 38:4-​8) Il-​Bibbja turi kemm bata minħabba dawn il-​problemi. Imma dawn l-​affarijiet koroh ma dgħajfux il-​fidi tiegħu f’Ġeħova. Fil-​fatt, hu qal: “Ġeħova hu l-​fortizza taʼ ħajti. Minn min se nitkexkex?”​—Salm 27:1; aqra Salm 27:5, 10.

5. X’għen lil Abraham u Sara jkampaw mal-​ħajja iebsa?

5 Abraham u Sara qattgħu ħafna snin minn ħajjithom jgħixu fit-​tined bħala barranin f’artijiet li ma kinux midħla tagħhom. Ħajjithom ma kinitx dejjem ward u żahar. Pereżempju, huma sofrew meta waqaʼ l-​ġuħ u meta kienu fil-​periklu minħabba l-​ġnus taʼ madwarhom. Iżda huma kienu kuraġġużi u ssaportew dan kollu. (Ġen. 12:10; 14:14-​16) Kif setgħu jagħmlu hekk? Il-​Kelma t’Alla tgħidilna li Abraham “kien qed jistenna l-​belt li għandha sisien taʼ veru, li l-​bennej tagħha u dak li għamilha hu Alla.” (Ebr. 11:8-​10) Abraham u Sara baqgħu ffokati fuq l-​affarijiet li kien hemm quddiemhom, u ma ħallewx l-​affarijiet li kienu qed jiġru madwarhom iġegħluhom jitilfu l-​ferħ.

6. Kif nistgħu nimitaw lil Ġob?

6 Ġob kien bniedem li għadda minn tbatijiet kbar. Immaġina kif ħassu meta donnu kollox f’ħajtu marlu ħażin. (Ġob 3:3, 11) Biex tkompli tgħaxxaqha, hu ma fehemx għalkollox għala kienu qed jiġrulu dawn l-​affarijiet kollha. Xorta waħda, qatt ma qataʼ qalbu. Hu baqaʼ raġel taʼ integrità u żamm il-​fidi tiegħu f’Alla. (Aqra Ġob 27:5.) X’eżempju mill-​aqwa għalina biex nimitawh!

7. Pawlu x’esperjenza hu u jaqdi lil Alla, iżda x’tah il-​kuraġġ biex ikompli?

7 Ikkunsidra wkoll l-​eżempju tal-​appostlu Pawlu. Hu esperjenza ‘perikli fil-​belt, fix-​xagħri, u fil-​baħar.’ Jitkellem dwar ‘il-​ġuħ u l-​għatx, u l-​kesħa u l-​għera.’ Pawlu jsemmi wkoll li qattaʼ “ġurnata u lejl . . . f’baħar fond,” x’aktarx b’kaġun taʼ wieħed min-​nawfraġji li ġarrab. (2 Kor. 11:23-​27) Minkejja dan kollu, innota x’attitudni kellu wara li kien ra l-​mewt maʼ wiċċu talli kien jaqdi lil Alla: “Dan kien biex il-​fiduċja tagħna ma tkunx fina nfusna, imma fl-​Alla li jqajjem il-​mejtin. Minn ħaġa daqstant kbira bħalma hi l-​mewt ħelisna u għad jeħlisna.” (2 Kor. 1:8-​10) Ma tantx issib nies li esperjenzaw affarijiet koroh daqskemm esperjenza Pawlu. Iżda ħafna minna xi minn daqqiet inħossuna l-​istess bħalma ħassu hu. Għalhekk, l-​eżempju tiegħu taʼ qlubija jistaʼ jfarraġna.

TAQTAX QALBEK MINĦABBA L-​PROBLEMI

8. Il-​problemi tal-​lum kif jistgħu jeffettwawna? Agħti eżempju.

8 Fid-​dinja tal-​lum, li hi mimlija diżastri, sfidi, u pressjonijiet, ħafna nies jaqtgħu qalbhom. Anki xi Kristjani ħassewhom hekk. Lani, a li kienet qed tgawdi x-​xogħol fis-​servizz full-​time maʼ żewġha fl-​Awstralja, tgħid li meta sabulha kanċer f’sidirha, kien xokkanti għax kien bħal sajjetta fil-​bnazzi. Hi tgħid, “Il-​kura kienet iġġegħelni nħossni tassew ma niflaħx, u tlift il-​fiduċja fija nnifsi.” U bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, hi kellha tieħu ħsieb żewġha, li kien għamel operazzjoni fix-​xewka taʼ dahru. Jekk insibu ruħna f’sitwazzjoni bħal din, x’nistgħu nagħmlu?

9, 10. (a) Lil Satana, x’m’għandniex inħalluh jagħmel? (b) Liema attitudni tistaʼ tgħinna nissaportu l-​“ħafna tribulazzjonijiet” imsemmijin f’​Atti 14:22?

9 Nagħmlu tajjeb li niftakru li Satana jrid juża t-​tribulazzjonijiet li nbatu biex idgħajfilna l-​fidi. Madankollu, m’għandniex inħalluh jisirqilna l-​ferħ b’dan il-​mod. Proverbji 24:10 jgħid: “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-​hemm? Ma tantx se jkollok qawwa.” Meta nimmeditaw fuq eżempji mill-​Bibbja, bħal dawk li ġew diskussi qabel, niġu megħjunin nagħmlu l-​kuraġġ meta niffaċċjaw l-​għawġ.

10 Nagħmlu tajjeb ukoll li nżommu f’moħħna li ma nistgħux neħilsu mill-​problemi kollha. Fil-​fatt, m’għandniex niħduha bi kbira li jkollna nħabbtu wiċċna magħhom. (2 Tim. 3:12) Atti 14:22 jgħidilna: “Jeħtieġ li fis-​saltna t’Alla nidħlu permezz taʼ ħafna tribulazzjonijiet.” Minflok ma tħalli l-​problemi jsewdulek qalbek, għala ma tqishomx bħala opportunitajiet biex turi l-​kuraġġ ibbażat fuq il-​fidi fl-​abbiltà li għandu Alla biex jgħinek?

11. Jekk ma rridux li l-​affarijiet ħżiena f’ħajjitna jiskuraġġuna, x’nistgħu nagħmlu?

11 Jeħtieġ inkomplu naħsbu dwar l-​affarijiet tajbin li għandna fil-​ħajja. Il-​Kelma t’Alla tgħidilna: “Qalb ferrieħa għandha effett tajjeb fuq il-​wiċċ, imma minħabba l-​uġigħ taʼ qalb hemm spirtu mdejjaq.” (Prov. 15:13) It-​tobba jafu li ħaġa waħda li tistaʼ tgħin lil xi ħadd marid iħossu aħjar hi li jaħseb li se jħossu aħjar. Ħafna drabi, jekk bniedem jieħu pilloli li ma jkunux mediċina vera imma jemmen li l-​pilloli se jgħinuh, hu se jħossu aħjar. Imma jekk bniedem marid jaħseb li l-​pilloli li jkun qed jieħu qed jikkaġunawlu problemi taʼ saħħa, se jħossu agħar. Dan l-​eżempju jurina li jekk noqogħdu l-​ħin kollu naħsbu dwar l-​affarijiet li ma nistgħux inbiddlu f’ħajjitna, se nħossuna skuraġġiti. Aħna grati li Ġeħova jagħtina għajnuna vera. Anki meta jseħħ xi diżastru, hu se jagħtina l-​inkuraġġiment permezz tal-​Kelma tiegħu, l-​appoġġ taʼ ħutna, u s-​saħħa permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu. Dawn huma l-​affarijiet dwar xiex għandna nibqgħu naħsbu u li se jġegħluna nħossuna iktar henjin. Minflok ma taħseb dwar dak li hu ħażin f’ħajtek, agħmel ħiltek kollha biex tissaporti kull problema u aħseb prinċipalment dwar l-​affarijiet tajbin li għandek.​—Prov. 17:22.

12, 13. (a) X’għen lill-​qaddejja t’Alla jkampaw mal-​effetti tad-​diżastri? Agħti eżempju. (b) Id-​diżastri kif jistgħu jgħinuna nirrealizzaw x’inhi l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna?

12 F’dawn l-​aħħar snin, xi pajjiżi ġarrbu diżastri kefrin. Nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif ħutna kampaw f’dawn is-​sitwazzjonijiet avolja ma kienx faċli għalihom li jagħmlu dan. Kmieni fl-​2010, terremot u tsunami qawwijin fiċ-​Ċilì qerdu d-​djar u l-​affarijiet, u f’xi każi l-​mezz t’għajxien, taʼ ħafna minn ħutna. Minkejja dan, l-​aħwa baqgħu attivi fis-​servizz taʼ Ġeħova. Samuel, li daru nqerdet għalkollox, qal: “Għalkemm sibna ruħna f’dawn iċ-​ċirkustanzi estremi, jien u marti xorta bqajna nattendu l-​laqgħat u noħorġu nippritkaw. Jien nemmen li dawn id-​drawwiet għenuna ma niddisprawx.” Bħal ħafna aħwa oħrajn, huma ma ħallewx id-​diżastru jwaqqafhom milli jkomplu jaqdu lil Ġeħova biż-​żelu.

13 F’Settembru tal-​2009, ’il fuq minn 80 fil-​mija taʼ Manila, il-​Filippini, ġarrab għargħar minħabba dilluvju taʼ xita. Raġel sinjur li tilef ħafna ġid qal li l-​għargħar effettwa lil kulħadd u ġab miegħu “diffikultajiet u tbatijiet kemm lis-​sinjuri u kemm lill-​fqar.” Dan ifakkarna fil-​parir għaqli taʼ Ġesù: “Aħżnu teżori fis-​sema, fejn ma jittiklux mill-​kamla u mis-​sadid, u fejn ma jidħlux il-​ħallelin biex jisirqu.” (Mt. 6:20) Jekk nibbażaw ħajjitna fuq l-​affarijiet materjali, li llum hawn u għada mhumiex, se noħorġu diżappuntati. Kemm ikun iktar għaqli li niffokaw ħajjitna fuq ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova li tistaʼ tibqaʼ sħiħa, jiġri x’jiġri madwarna!​—Aqra Ebrej 13:5, 6.

RAĠUNIJIET BIEX NURU L-​KURAĠĠ

14. Liema raġunijiet għandna biex nuru l-​kuraġġ?

14 Ġesù qal li fi żmien il-​preżenza tiegħu kellhom iqumu l-​problemi, iżda hu qal ukoll: “Titwerwrux.” (Lq. 21:9) Għandna raġunijiet tajbin biex nuru l-​kuraġġ għax is-​Sultan tagħna Ġesù Kristu u Ġeħova, il-​Ħallieq tal-​univers, qed jgħinuna. Pawlu inkuraġġixxa lil Timotju billi qallu: “Alla ma taniex spirtu beżżiegħ, imma spirtu taʼ qawwa u taʼ mħabba u taʼ moħħ f’loku.”​—2 Tim. 1:7.

15. (a) Xi wħud mill-​qaddejja t’Alla x’qalu dwar il-​fiduċja tagħhom fih? (b) Kif jistaʼ jkollna kuraġġ bħal dan?

15 Il-​Bibbja tgħidilna x’qalu xi wħud mill-​qaddejja t’Alla dwar il-​fiduċja tagħhom fih. David qal: “Ġeħova hu s-​saħħa u t-​tarka tiegħi. Fih fdat qalbi. Qalbi tifraħ bl-​għajnuna li ksibt.” (Salm 28:7) Pawlu esprima l-​fiduċja tiegħu li ma titħarrikx billi qal: “F’dan kollu qed noħorġu rebbiħin għalkollox permezz taʼ dak li ħabbna.” (Rum. 8:37) Bl-​istess mod, meta Ġesù kien jaf li fi ftit ħin kien se jiġi arrestat u maqtul, hu qal xi ħaġa li wriet ċar u tond li hu kellu relazzjoni b’saħħitha m’Alla. Hu qal lill-​appostli tiegħu: “M’iniex waħdi, għax il-​Missier qiegħed miegħi.” (Ġw. 16:32) Dawn l-​espressjonijiet x’juru? Kull waħda turi fiduċja li ma titħarrikx f’Ġeħova. Jekk niżviluppaw fiduċja bħal din f’Alla, jistaʼ jkollna l-​kuraġġ biex niffaċċjaw kwalunkwe għawġ li jistaʼ jinqalaʼ f’dawn iż-​żminijiet.​—Aqra Salm 46:1-​3.

IBBENEFIKA MILL-​GĦAJNUNA LI JAGĦTIK ALLA

16. Għala hu importanti li nagħmlu studju tal-​Kelma t’Alla?

16 Il-​kuraġġ li għandna bżonn ma jiġix billi nistrieħu fuqna nfusna imma billi nistrieħu fuq Alla. Aħna jistaʼ jkollna l-​kuraġġ jekk nistudjaw il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, b’mod regulari. Meta nagħmlu dan, insiru nafu lil Alla u nitgħallmu nafdaw fih. Oħt li tbati bid-​dipressjoni tispjega x’jgħinha u tgħid, “Għal darba wara l-​oħra, naqra siltiet li huma b’mod speċjali taʼ faraġ.” Qegħdin insegwu d-​direzzjoni biex b’mod regulari nwarrbu ħin għall-​qima tal-​familja? Jekk nagħmlu dawn l-​affarijiet se niġu megħjunin ikollna l-​attitudni tas-​salmista, li qal: “Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek! Il-​jum kollu moħħni fiha.”​—Salm 119:97.

17. (a) X’jistaʼ jgħinna nibqgħu nuru kuraġġ? (b) Agħti eżempju taʼ kif bijografija fil-​pubblikazzjonijiet tagħna għenitek.

17 It-​tieni nett, għandna pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja li fihom informazzjoni li ssaħħilna l-​fiduċja f’Ġeħova. Ħafna aħwa sabu li l-​bijografiji fir-​rivisti tagħna kienu t’għajnuna b’mod partikulari. Oħt fl-​Asja li tbati b’tip taʼ dipressjoni li hi diżordni b’żewġ estremi fil-​burdata (bipolar mood disorder) ħassitha mfarrġa meta qrat il-​bijografija taʼ ħu li kien qeda bħala missjunarju u li rnexxielu jkampa mal-​istess diżordni. Hi kitbet: “Għenitni nifhem il-​problema tiegħi stess u tatni tama.”

18. Għala għandna nitolbu spiss kemm jistaʼ jkun?

18 It-​tielet mod kif Ġeħova jgħinna hu permezz tat-​talb. Dan jistaʼ jkun t’għajnuna f’kull sitwazzjoni. L-​appostlu Pawlu enfasizza l-​valur tat-​talb meta qal: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Flp. 4:6, 7) Qegħdin nieħdu vantaġġ sħiħ mit-​talb biex niksbu s-​saħħa meta nkunu għaddejjin minn xi għawġ? Alex, ħu fil-​Britannja li ilu jbati bid-​dipressjoni għal ħafna żmien, qal li l-​iktar ħaġa li tgħinu hi li jitkellem maʼ Ġeħova fit-​talb u jagħtih widen billi jaqra l-​Kelma tiegħu.

19. Kemm hu importanti li nattendu l-​laqgħat Kristjani?

19 Is-​sħubija fil-​laqgħat hi r-​rabaʼ mod kif jgħinna Ġeħova. Salmista kiteb: “Ruħi xxennqet u nfniet għall-​btieħi taʼ Ġeħova.” (Salm 84:2) Aħna nħossuna l-​istess? Lani, li ssemmiet qabel, tispjega li għaliha huwa importanti ħafna li tattendi l-​laqgħat kollha u li tkun maʼ ħutha. Hi tgħid, “Kont naf li kelli nkun preżenti jekk ridt li Ġeħova jgħinni nkampa.”

20. Is-​sehem tagħna fix-​xogħol tal-​ippritkar kif jgħinna?

20 Il-​ħames mod kif niksbu l-​kuraġġ hu billi nibqgħu attivi fix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna. (1 Tim. 4:16) Oħt fl-​Awstralja li għaddiet minn ħafna problemi tgħid: “L-​ippritkar kien l-​aħħar ħaġa li kelli aptit nagħmel, iżda anzjan stidinni naħdem miegħu fil-​ministeru. Hekk għamilt. Ġeħova żgur kien qed jgħinni; kull darba li kont nieħu sehem fil-​ministeru kont inħossni ferħana se ntir.” (Prov. 16:20) Ħafna wħud sabu li meta jgħinu lil oħrajn jibnu l-​fidi f’Ġeħova, huma jsaħħu l-​fidi tagħhom stess. Peress li jagħmlu hekk, moħħhom ma joqgħodx jhewden fuq il-​problemi tagħhom stess, u jibqgħu ffokati fuq l-​iktar affarijiet importanti.​—Flp. 1:10, 11.

21. Dwar xiex nistgħu nibqgħu ċerti anke meta jkollna l-​problemi?

21 Ġeħova pprovda bosta għajnuniet biex niffaċċjaw l-​għawġ tal-​lum bil-​kuraġġ. Jekk nieħdu vantaġġ minnhom kollha u nimmeditaw fuq l-​eżempji mill-​aqwa tal-​qaddejja kuraġġużi t’Alla u nimitawhom, nistgħu nibqgħu ċerti li nistgħu niffaċċjaw id-​diffikultajiet b’suċċess. Għalkemm jistgħu jiġru ħafna affarijiet koroh hekk kif din is-​sistema toqrob lejn tmiemha, nistgħu nħossuna bħalma ħassu Pawlu, li qal: “[Aħna] mitfugħin maʼ l-​art, imma mhux meqrudin. . . . Ma naqtgħux qalbna.” (2 Kor. 4:9, 16) Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, nistgħu niffaċċjaw l-​għawġ tal-​lum bil-​kuraġġ.​—Aqra t-2 Korintin 4:17, 18.

[Nota ta’ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampi f’paġna 10, 11]

Meta tiffaċċja l-​għawġ, ħu vantaġġ mill-​għajnuna li pprovda Ġeħova