Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Liema Tip Taʼ Spirtu Turi Int?

Liema Tip Taʼ Spirtu Turi Int?

“Il-​qalb tajba mhix mistħoqqa tal-​Mulej Ġesù Kristu tkun maʼ l-​ispirtu li turu.”​—FLM. 25.

TAF TWIEĠEB?

Għala rridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn għall-​ispirtu li nuru?

X’attitudnijiet irridu nevitaw, u kif nistgħu nagħmlu dan?

X’nistgħu nagħmlu biex nuru spirtu inkuraġġanti fil-​kongregazzjoni?

1. Pawlu x’tama esprima meta kien qed jikteb lil sħabu fit-​twemmin?

 META kien qed jikteb lil sħabu fit-​twemmin, l-​appostlu Pawlu darba wara l-​oħra qal li kien jittama li Alla u Kristu kienu japprovaw l-​ispirtu li wrew il-​kongregazzjonijiet. Pereżempju, lill-​Galatin kitbilhom: “Il-​qalb tajba mhix mistħoqqa tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu tkun maʼ l-​ispirtu li turu, ħuti. Amen.” (Gal. 6:18) X’ried ifisser meta qal “l-​ispirtu li turu”?

2, 3. (a) Xi kultant, Pawlu għal xiex kien ikun qed jirreferi meta uża l-​kelma “spirtu”? (b) Liema mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lilna nfusna rigward l-​ispirtu li nuru?

2 Hawnhekk, Pawlu uża l-​kelma “spirtu” biex jirreferi għall-​attitudni tagħna, jew għall-​mod kif naħsbuha. Dan iġegħelna nitkellmu jew naġixxu b’ċertu mod. Xi nies għandhom mnejn ikunu ġentili, jaħsbu f’oħrajn, ikunu ġwejdin, ġenerużi, jew lesti li jaħfru. Il-​Bibbja tgħid li hu tajjeb li wieħed ikollu “spirtu kwiet u ġwejjed” u li “jżomm spirtu kalm.” (1 Pt. 3:4; Prov. 17:27) Min-​naħa l-​oħra, ħaddieħor għandu mnejn ikun sarkastiku, materjalistiku, jieħu għalih mix-​xejn, jew ikollu attitudni indipendenti. Agħar minn hekk, hemm xi wħud li juru spirtu mhux nadif, diżubbidjenti, jew saħansitra ribelluż.

3 B’hekk, meta Pawlu uża espressjonijiet bħal “il-​Mulej ikun maʼ l-​ispirtu li turi,” hu kien qed jinkuraġġixxi lil ħutu biex juru spirtu fi qbil mar-​rieda t’Alla u mal-​personalità bħal taʼ Kristu. (2 Tim. 4:22; aqra Kolossin 3:9-​12.) Illum, nagħmlu tajjeb jekk nistaqsu lilna nfusna: ‘Liema tip taʼ spirtu nuri jien? Kif nistaʼ nuri iktar bis-​sħiħ spirtu li jogħġob lil Alla? Kif nistaʼ nħeġġeġ lil oħrajn fil-​kongregazzjoni biex ikollhom attitudni li togħġob lil Alla?’ Pereżempju, f’għalqa mimlija ward tax-​xemx, il-​kulur jgħajjat taʼ kull fjura jgħin biex l-​għalqa kollha kemm hi tkun sabiħa. Aħna bħal waħda minn dawn il-​fjuri? Qed ngħinu biex insebbħu l-​kongregazzjoni kollha? Żgur li għandna nistinkaw biex nagħmlu dan. Ejja naraw kif nistgħu nuru spirtu li jogħġob lil Alla.

EVITA L-​ISPIRTU TAD-​DINJA

4. X’inhu “l-​ispirtu tad-​dinja”?

4 L-​Iskrittura tgħidilna: “Aħna ma rċivejniex l-​ispirtu tad-​dinja, imma l-​ispirtu li ġej mingħand Alla.” (1 Kor. 2:12) X’inhu “l-​ispirtu tad-​dinja”? Hu l-​istess spirtu msemmi f’​Efesin 2:2, li jgħid: “Darba kontu timxu skond is-​sistema taʼ din id-​dinja, skond il-​ħakkiem taʼ l-​awtorità taʼ l-​arja, l-​ispirtu li issa qed jaħdem f’ulied id-​diżubbidjenza.” Din “l-​arja” hi l-​ispirtu, jew l-​attitudni mentali, tad-​dinja u ninsabu mdawrin biha bħall-​arja letterali. Tinsab kullimkien. Pereżempju, illum il-​ġurnata ħafna nies għandhom l-​attitudni taʼ ‘Ħadd mhu se jgħidli x’għandi nagħmel!’ jew, ‘Trid tiġġieled għad-​drittijiet tiegħek!’ Dawn huma “wlied id-​diżubbidjenza” tad-​dinja taʼ Satana.

5. Liema spirtu ħażin urew xi wħud f’Iżrael?

5 Mhix xi ħaġa ġdida li naraw attitudnijiet bħal dawn. Fi żmien Mosè, Koraħ ħadha kontra dawk li kellhom l-​awtorità f’Iżrael. Tkellem partikularment kontra Aron u wliedu, li kellhom il-​privileġġ li jaqdu bħala qassisin. Forsi ra l-​imperfezzjonijiet tagħhom. Jew forsi saħaq li Mosè kien qed juri n-​nepotiżmu—jiġifieri, kien qed jagħti privileġġi lil qrabatu. Kien x’kien il-​każ, hu ovvju li Koraħ beda jħares lejn l-​affarijiet minn lenti umana u tkellem kontra dawk maħturin minn Ġeħova. B’diżrispett qalilhom: “Biżżejjed għalikom, . . . Għala għandkom togħlew fuq il-​kongregazzjoni taʼ Ġeħova?” (Num. 16:3) B’mod simili, Datan u Abiram ilmentaw kontra Mosè u qalulu li kien qed ‘jilgħabha taʼ prinċep fuqhom.’ Meta ntalbu jidhru quddiem Mosè, b’suppervja wieġbu: “M’aħniex se nitilgħu!” (Num. 16:12-​14) Jidher ċar li Ġeħova xejn ma ħa pjaċir bl-​ispirtu li wrew. Hu qered lir-​ribelli kollha.​—Num. 16:28-​35.

6. Xi rġiel fl-​ewwel seklu kif urew li kellhom attitudni ħażina, u x’setaʼ kien il-​kaġun tagħha?

6 Xi rġiel fl-​ewwel seklu wkoll bdew imaqdru lil dawk li kienu fdati bl-​awtorità fil-​kongregazzjoni u ‘injoraw lil min hu fuqhom.’ (Ġuda 8) Dawn l-​irġiel x’aktarx li ma kinux sodisfatti bil-​privileġġi tagħhom u pprovaw jinfluwenzaw lil oħrajn biex jiħduha kontra rġiel maħturin li kienu qed jagħmlu l-​almu tagħhom biex iwettqu inkarigi mogħtijin lilhom minn Alla.​—Aqra t-3 Ġwanni 9, 10.

7. Illum, f’liema sens jistaʼ jkollna noqogħdu b’sebaʼ għajnejn fil-​kongregazzjoni?

7 Ovvjament, dan it-​tip t’attitudni żgur li ma jkunx f’loku fil-​kongregazzjoni Kristjana. Hu għalhekk li hemm bżonn li noqogħdu b’sebaʼ għajnejn f’dan ir-​rigward. L-​anzjani fil-​kongregazzjoni mhumiex perfetti, l-​istess bħalma ma kinux perfetti fi żmien Mosè u fi żmien l-​appostlu Ġwanni. L-​anzjani jistgħu jieħdu żbalji li jeffettwawna personalment. Jekk jiġri dan, tassew ma jkunx xieraq li kwalunkwe membru tal-​kongregazzjoni jirreaġixxi fi qbil mal-​ispirtu tad-​dinja billi jinsisti ħafna għall-​“ġustizzja” jew jgħid, “Dan il-​ħu ma jixraqlux ikun anzjan.” Ġeħova għandu mnejn jagħżel li jinjora ċerti nuqqasijiet żgħar. Ma nistgħux aħna nagħmlu l-​istess? Minħabba dawk li huma jqisu bħala difetti fl-​anzjani, xi individwi li dinbu serjament fil-​kongregazzjoni rrifjutaw li jidhru quddiem il-​kumitat tal-​anzjani li ġie inkarigat jgħinhom. Dan nistgħu nxebbhuh maʼ pazjent li jirrifjuta ċerta kura għall-​marda tiegħu għax ikun hemm xi ħaġa li ddejqu fit-​tabib.

8. Liema skritturi jistgħu jgħinuna nżommu ħarsa xierqa lejn dawk li jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni?

8 Sabiex nevitaw dan it-​tip taʼ spirtu, nistgħu niftakru li fil-​Bibbja, Ġesù jiġi deskritt bħala li għandu ‘sebaʼ kwiekeb f’idu l-​leminija.’ Il-​“kwiekeb” jagħtu stampa tal-​anzjani midlukin, imma dak li jintqal dwarhom jistaʼ jirreferi wkoll għall-​anzjani kollha fil-​kongregazzjonijiet. Ġesù jistaʼ jidderieġi lill-​“kwiekeb” f’idu bi kwalunkwe mod kif jidhirlu li hu xieraq. (Riv. 1:16, 20) B’hekk, bħala l-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana, Ġesù għandu kontroll sħiħ fuq il-​ġemgħat tal-​anzjani. Jekk xi ħadd fil-​ġemgħa tassew ikollu bżonn korrezzjoni, il-​wieħed li għandu “għajnejh bħal fjamma nar” se jara li tingħatalu fil-​ħin Tiegħu u bil-​mod kif irid Hu. (Riv. 1:14) Sadattant, aħna nibqgħu nuru rispett xieraq lejn dawk maħturin bl-​ispirtu qaddis, għax Pawlu kiteb: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jgħassulkom ruħkom bħala dawk li għad iridu jagħtu kont; sabiex dan jagħmluh bil-​ferħ u mhux bit-​tnehid, għax inkella jkun taʼ ħsara għalikom.”​—Ebr. 13:17.

9. (a) Minn liema prova jistaʼ jgħaddi Kristjan jekk jiġi koreġut jew dixxiplinat? (b) X’inhu l-​aħjar mod kif wieħed jilqaʼ t-​twiddib?

9 L-​ispirtu taʼ Kristjan jistaʼ jgħaddi minn prova wkoll jekk hu jiġi koreġut jew jekk jitneħħewlu l-​privileġġi fil-​kongregazzjoni. Ħu li kien għadu żgħir ngħata parir bit-​tattika mill-​anzjani għax kien jilgħab logħob vjolenti tal-​kompjuter. B’sogħba, ma tantx laqgħu tajjeb il-​parir u ladarba ma kienx qed jagħmel dak li l-​Bibbja tirrikjedi mill-​qaddejja ministerjali, ma setax jibqaʼ jaqdi f’din il-​kariga. (Salm 11:5; 1 Tim. 3:8-​10) Wara, il-​ħu xandar mal-​erbat irjieħ li ma kienx jaqbel mad-​deċiżjoni. Kiteb bosta ittri lill-​uffiċċju tal-​fergħa u fihom maqdar lill-​anzjani, u saħansitra influwenza lil oħrajn fil-​kongregazzjoni biex jagħmlu bħalu. Imma l-​verità hi li jekk noqogħdu nivvintaw l-​iskużi għall-​għemil ħażin tagħna, inkunu qed inpoġġu fil-​periklu l-​paċi tal-​kongregazzjoni kollha kemm hi, u dan mhu se jgħin lil ħadd. Kemm ikun aħjar jekk inħarsu lejn it-​twiddib bħala mezz kif niftħu għajnejna biex naraw dgħufijiet li ma nkunux konxji tagħhom u mbagħad bil-​kalma naċċettaw il-​korrezzjoni.​—Aqra Lamentazzjonijiet 3:28, 29.

10. (a) Ġakbu 3:16-​18 x’jgħallimna dwar l-​attitudni tajba u l-​attitudni ħażina? (b) X’riżultat ikun hemm meta nuru “l-​għerf li ġej minn fuq”?

10 Ġakbu 3:16-​18 jgħallimna x’inhi l-​attitudni tajba u x’inhi l-​attitudni ħażina li xi ħadd juri fil-​kongregazzjoni. Hemmhekk jgħid: “Fejn hemm l-​għira u l-​ġlied, hemm id-​diżordni u kull ħaġa vili. Imma l-​għerf li ġej minn fuq hu l-​ewwelnett safi, imbagħad iġib il-​paċi, hu raġunevoli, lest li jobdi, mimli ħniena u frott tajjeb, ma jagħmilx distinzjonijiet parzjali, mhux ipokrita. Barra minn hekk, il-​frott tal-​ġustizzja jinżeraʼ f’kundizzjonijiet paċifiċi għal dawk li qegħdin iġibu l-​paċi.” Hekk kif naħdmu f’armonija mal-​“għerf li ġej minn fuq,” il-​kwalitajiet divini tagħna se jgħinuna nikkontribwixxu għal spirtu tajjeb fost l-​aħwa.

URI SPIRTU TAʼ RISPETT FIL-​KONGREGAZZJONI

11. (a) Jekk ikollna attitudni tajba, x’m’aħniex se nagħmlu? (b) X’nitgħallmu mill-​eżempju taʼ David?

11 Għandna niftakru li Ġeħova ħatar ’l-​anzjani ‘biex jirgħu l-​kongregazzjoni t’Alla.’ (Atti 20:28; 1 Pt. 5:2) B’hekk, inkunu għaqlin jekk nirrispettaw l-​arranġament t’Alla, kemm jekk għandna l-​privileġġ li naqdu bħala anzjani u kemm jekk le. Jekk ikollna attitudni tajba, m’aħniex se nagħtu wisq importanza lejn il-​fatt li jkollna xi awtorità jew xi responsabbiltà. Meta s-​Sultan Sawl t’Iżrael ħaseb li David setaʼ jsir sultan floku, Sawl “baqaʼ jissuspetta f’David.” (1 Sam. 18:9) Is-​sultan żviluppa spirtu ħażin u saħansitra ried joqtol lil David. Minflok ma nkunu moħħna fil-​pożizzjoni kif kien Sawl, kemm ikun aħjar li nkunu bħal David. Minkejja l-​inġustizzja kollha li ħabbat wiċċu magħha, dan iż-​żagħżugħ dejjem wera rispett lejn dawk li ngħataw l-​awtorità mingħand Alla.​—Aqra l-1 Samwel 26:23.

12. Kif nistgħu ngħinu biex il-​kongregazzjoni tibqaʼ unita?

12 Il-​Malti jgħid mitt bniedem mitt fehma u dan jistaʼ jkun sors taʼ irritazzjoni fil-​kongregazzjoni—anke fost l-​anzjani. F’dan ir-​rigward jistgħu jgħinuna l-​pariri tal-​Bibbja: “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin” u, “Tkunux għaqlin f’għajnejkom stess.” (Rum. 12:10, 16) Minflok ma ninsistu li għandna raġun, għandna nagħrfu li spiss ikun hemm iktar minn mod wieħed aċċettabbli kif tħares lejn sitwazzjoni. Jekk nipprovaw naraw l-​affarijiet mil-​lenti taʼ ħaddieħor, nistgħu ngħinu biex il-​kongregazzjoni tibqaʼ unita.​—Flp. 4:5.

13. Kif għandna nqisu l-​opinjonijiet tagħna stess, u liema eżempju Bibliku jenfasizza dan?

13 Ifisser dan li nagħmlu ħażin jekk nesprimu l-​opinjoni tagħna meta naraw xi ħaġa fil-​kongregazzjoni li naħsbu li għandha tiġi koreġuta? Le. Fl-​ewwel seklu qamet kwistjoni li dwarha saru ħafna dibattiti. L-​aħwa ddeċidew “li Pawlu u Barnaba u xi oħrajn minn fosthom jitilgħu għand l-​appostli u l-​anzjani f’Ġerusalemm rigward dan l-​argument.” (Atti 15:2) Bla ebda dubju, kull wieħed minn dawn l-​aħwa kellu opinjoni dwar is-​suġġett u idea dwar kif messhom jirranġaw il-​kwistjoni. Madankollu, wara li kull wieħed minnhom esprima l-​opinjoni tiegħu u ttieħdet deċiżjoni bl-​għajnuna tal-​ispirtu, l-​aħwa ma baqgħux isemmu l-​opinjonijiet individwali tagħhom. Wara li waslet ittra bid-​deċiżjoni għand il-​kongregazzjonijiet, huma “ferħu bl-​inkuraġġiment” u ‘ssodaw fil-​fidi.’ (Atti 15:31; 16:4, 5) Bl-​istess mod illum, ladarba nkunu tkellimna mal-​anzjani dwar xi ħaġa li tkun qed tkiddna, għandna l-​fiduċja li huma se jaħsbu bis-​serjetà fuq dak li nkunu għednielhom u jiddeċiedu jekk ikunx hemm bżonn li ssir xi ħaġa dwarha.

URI SPIRTU MILL-​AĦJAR FIR-​RELAZZJONIJIET PERSUNALI

14. Kif nistgħu nuru spirtu mill-​aħjar fir-​relazzjonijiet tagħna m’oħrajn?

14 Fir-​relazzjonijiet tagħna m’oħrajn, hemm diversi opportunitajiet biex nuru spirtu mill-​aħjar. Kull wieħed u waħda minna jistaʼ jagħmel ħafna ġid jekk ikun ħafif biex jaħfer meta xi ħadd jirfislu l-​kallu. Il-​Kelma t’Alla tgħidilna: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-​qalb, agħmlu hekk intom ukoll.” (Kol. 3:13) L-​espressjoni “jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta” tagħti x’tifhem li jistaʼ jkollok raġunijiet validi għala tħossok xi ftit imweġġaʼ. Però, minflok ma nkunu konċernati żżejjed dwar in-​nuqqasijiet żgħar t’oħrajn, u b’hekk infixklu l-​paċi tal-​kongregazzjoni, aħna nipprovaw nimitaw lil Ġeħova u naħfru mill-​qalb u nkomplu naqdu lil Alla spalla maʼ spalla magħhom.

15. (a) Minn Ġob, x’nistgħu nitgħallmu dwar il-​maħfra? (b) It-​talb kif jistaʼ jgħinna nuru l-​attitudni tajba?

15 Minn Ġob nistgħu nitgħallmu dwar il-​maħfra. It-​tliet hekk imsejħin farraġa tiegħu qalulu ħafna kliem iebes. Xorta waħda, Ġob wera l-​maħfra. Kif? “Talab għal sħabu.” (Ġob 16:2; 42:10) Jekk nitolbu għal oħrajn nistgħu nibdew inbiddlu l-​attitudni tagħna lejhom. Meta nitolbu għal ħutna kollha, ikun eħfef li nħarsu lejhom bil-​mod kif iħares Ġesù. (Ġw. 13:34, 35) Ukoll, għandna nitolbu lil Alla għall-​ispirtu qaddis tiegħu. (Lq. 11:13) L-​ispirtu t’Alla se jgħinna nuru kwalitajiet Kristjani fir-​relazzjonijiet tagħna m’oħrajn.​—Aqra Galatin 5:22, 23.

IKKONTRIBWIXXI GĦAL SPIRTU BNIN FL-​ORGANIZZAZZJONI T’ALLA

16, 17. X’int determinat li tagħmel personalment fejn jidħol ‘l-​ispirtu li nuru’?

16 Kemm ikun hemm riżultati mill-​isbaħ meta kull membru tal-​kongregazzjoni jagħmilha l-​mira tiegħu li jikkontribwixxi għall-​ispirtu bnin tal-​kongregazzjoni! Issa li kkunsidrajna dan is-​suġġett forsi niddeċiedu li nistgħu nitjiebu personalment f’li nuru spirtu inkuraġġanti. Jekk nistgħu, m’għandniex naħsbuha darbtejn biex inħallu l-​Kelma t’Alla turina kif nistgħu nitbiddlu. (Ebr. 4:12) Pawlu, li kien konċernat ferm dwar l-​aġir tiegħu fil-​kongregazzjonijiet, qal: “Il-​kuxjenza tiegħi hi nadifa f’kollox. Iżda dan ma jurix li jien ġust, imma dak li jistħarriġni hu Ġeħova.”​—1 Kor. 4:4.

17 Nistgħu lkoll ninkuraġġixxu lil xulxin biex inżommu spirtu tajjeb fil-​kongregazzjoni billi nimitaw il-​kwalitajiet t’Alla u ma ninsistux fuq l-​opinjonijiet tagħna jew ma naħsbux li jistħoqqilna iktar responsabbiltajiet. Jekk inkunu ħfief biex naħfru u naħsbu tajjeb f’ħaddieħor se ngawdu relazzjonijiet paċifiċi maʼ sħabna fit-​twemmin. (Flp. 4:8) Aħna u nagħmlu dawn l-​affarijiet, nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova u Ġesù se jieħdu pjaċir ‘bl-​ispirtu li nuru.’​—Flm. 25.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 14]

X’għandna niftakru meta ningħataw xi parir mingħand l-​anzjani?