Inkuraġġiment “Minn Fomm it-Tfal”
F’Diċembru tal-2009, minħabba deċiżjoni appoġġata mill-Qorti Suprema tar-Russja, ingħalqet l-organizzazzjoni reliġjuża tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Taganrog, ir-Russja. Is-Sala tas-Saltna ttieħdet mingħand ix-Xhieda, u 34 mill-pubblikazzjonijiet tagħna tqiesu bħala li kienu perikolużi għall-pubbliku. Fil-Websajt uffiċjali tax-Xhieda taʼ Ġeħova tpoġġa rapport dwar dan flimkien maʼ ritratti taʼ Xhieda f’Taganrog, inkluż tfal żgħar.
Ftit xhur wara, iċ-Ċentru Amministrattiv tax-Xhieda taʼ Ġeħova fir-Russja rċieva kaxxa u ittra mingħand familja taʼ Xhieda fi Queensland, l-Awstralja, li kienu raw ir-rapport dwar id-deċiżjoni tal-Qorti. L-ittra kienet tgħid: “Għeżież Aħwa, Qalb uliedna, Cody u Larissa, verament intmesset meta raw il-fidi u l-provi taʼ sħabna fir-Russja. Kitbu xi kartolini u ittri, u għamilna pakkett żgħir b’xi rigali li nixtiequ nibagħtu lit-tfal f’Taganrog, sempliċement biex ikunu jafu li ’l bogħod ħafna minnhom hemm tfal oħra li wkoll qed jaqdu lil Ġeħova bil-lealtà u li qed jaħsbu fihom. Jibagħtulhom ilkoll tgħanniqa kbira u l-imħabba tagħhom.”
Malli rċivew ir-rigali, it-tfal f’Taganrog kitbu ittri u pinġew stampi biex jirringrazzjaw lill-familja fl-Awstralja. Xhud li qed jaqdi fil-fergħa tar-Russja tant kien imqanqal mill-inkuraġġiment li ġie “minn fomm it-tfal” li kiteb lil Cody u Larissa. Qalilhom: “Tistgħu timmaġinaw kemm hi xi ħaġa kerha kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti meta jiġu kastigati għal xi ħaġa li ma jkunux għamlu. Ħutna f’Taganrog m’għamlu xejn ħażin, imma s-Sala tas-Saltna tagħhom itteħditilhom. Għalhekk, għandhom qalbhom sewda ħafna. Se tkun inkuraġġanti ferm għalihom li jkunu jafu li xi ħadd min-naħa l-oħra tad-dinja qed jaħseb fihom. Grazzi tal-ispirtu ġeneruż u taʼ mħabba tagħkom!”—Salm 8:2.
Aħna tassew nagħmlu parti minn fratellanza globali, u mħabbitna għal xulxin tgħinna nkampaw mal-provi u d-diffikultajiet tal-ħajja! Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ġew akkużati li jħeġġu lin-nies biex jobogħdu lil xulxin. Imma t-tfal tagħna f’pajjiżi differenti u taʼ kulturi differenti wrew l-imħabba u t-tħassib li għandhom għal xulxin. L-attitudni tagħhom turi kemm hu minnu kliem Ġesù: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”—Ġw. 13:35.
[Stampi f’paġna 32]
It-tfal fir-Russja (xellug) li rċivew rigali mingħand it-tfal fl-Awstralja (lemin)