Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Għallimni Nagħmel ir-Rieda Tiegħek”

“Għallimni Nagħmel ir-Rieda Tiegħek”

“Għallimni nagħmel ir-​rieda tiegħek, għax int Alla tiegħi.” —SALM 143:10.

PUNTI FUNDAMENTALI X’TIFTAKAR

Liema sitwazzjonijiet fil-​ħajja taʼ David urew li hu kellu l-​ħarsa taʼ Ġeħova?

X’għen lil David jifhem x’inhi r-​rieda t’Alla?

Kif jistaʼ jibqaʼ jkollna l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova?

1, 2. (a) Kif nistgħu nibbenefikaw meta nitgħallmu x’inhi r-​rieda t’Alla? (b) Kif se nibbenefikaw mill-​eżempju tas-​Sultan David?

 META tivvjaġġa, ġieli tuża programm tal-​mapep fuq il-​kompjuter li jurik id-​destinazzjoni tiegħek minn fuq? Jekk tara l-​affarijiet mill-​għoli jistaʼ jkun taʼ għajnuna biex tiddetermina l-​aħjar rotta li għandek tieħu. B’mod simili, meta niġu biex nieħdu deċiżjonijiet importanti, nibbenefikaw jekk ikollna ħarsa aħjar tal-​kwistjoni. Meta nħarsu lejn l-​affarijiet mill-​perspettiva għolja tal-​Ħallieq, se nkunu nistgħu ‘nimxu fit-​triq’ li Ġeħova japprova.—Is. 30:21.

2 Fil-​biċċa l-​kbira taʼ ħajtu, is-​Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem ħalla eżempju mill-​aqwa billi pprova jara l-​affarijiet kif jarahom Alla. B’hekk, David aċċerta ruħu li kien qed jagħmel ir-​rieda t’Alla. Ħalli nirrivedu ċerti sitwazzjonijiet fil-​ħajja taʼ David bl-​iskop li nitgħallmu mill-​kondotta taʼ raġel li kellu qalb sħiħa lejn Alla Ġeħova.—1 Slat. 11:4.

DAVID WERA RISPETT PROFOND LEJN ISEM ĠEĦOVA

3, 4. (a) X’qanqal lil David biex jiħodha kontra Gulija? (b) David kif kien iqis l-​isem t’Alla?

3 Ikkunsidra meta David iffaċċja l-​gwerrier Filisti Gulija. X’qanqal liż-​żagħżugħ David biex jisfida ġgant armat sa snienu li kien fih disaʼ piedi u nofs (2.9 metri)? (1 Sam. 17:4) Kien il-​kuraġġ taʼ David? Kienet il-​fidi tiegħu f’Alla? Dawn iż-​żewġ kwalitajiet kienu importanti. Però, ir-​raġuni ewlenija li mmotivat lil David biex jiħodha kontra l-​ġgant m’ogħla hawn kienet ir-​rispett li kellu għal Alla u għal ismu l-​kbir. B’rabja, David staqsa: “Min hu dan il-​Filisti mhux ċirkonċiż biex jisfida lit-​truppi taʼ l-​Alla l-​ħaj?”—1 Sam. 17:26.

4 Meta ġie wiċċ imb wiċċ maʼ Gulija, iż-​żagħżugħ David qal: “Int ġej lejja b’sejf, b’lanza, u b’ġavellott, imma jien ġej lejk bl-​isem taʼ Ġeħova taʼ l-​armati, l-​Alla tat-​truppi taʼ Israel, li int sfidajt.” (1 Sam. 17:45) David straħ fuq l-​Alla l-​veru u qatel lill-​gwerrier Filisti b’ġebla waħda bl-​iżbandola tiegħu. David fada f’Ġeħova u wera rispett profond lejn l-​isem divin mhux biss f’dik l-​okkażjoni imma matul ħajtu kollha. Tabilħaqq, David ħeġġeġ lil sħabu l-​Iżraelin biex ‘jiftaħru bl-​isem qaddis taʼ Ġeħova.’Aqra l-1 Kronaki 16:8-​10.

5. Liema sitwazzjoni li tistaʼ titqabbel mat-​tgħajjir taʼ Gulija għandek mnejn tiffaċċja int?

5 Kburi int li Alla tiegħek hu Ġeħova? (Ġer. 9:24) Kif tirreaġixxi meta l-​ġirien, il-​kollegi, sħabek tal-​iskola, jew il-​qraba jitkellmu kontra Ġeħova jew iwaqqgħu għaċ-​ċajt lix-​Xhieda tiegħu? Tiddefendi int isem Ġeħova meta jkun qed jiġi mmaqdar u tafda fl-​appoġġ tiegħu? Veru, hemm ‘żmien li noqogħdu kwieti,’ imma m’għandniex nistħu li aħna Xhieda taʼ Ġeħova u segwaċi taʼ Ġesù. (Ekk. 3:1, 7; Mk. 8:38) Għalkemm għandna nużaw it-​tattika u l-​korteżija meta nkellmu lil min mhuwiex favorevoli, ħalli ma nkunux bħal dawk l-​Iżraelin li “twerwru u beżgħu ferm” meta semgħu t-​tgħajjir taʼ Gulija. (1 Sam. 17:11) Minflok, ejja bla tlaqliq niddefendu isem Alla Ġeħova sabiex inqaddsuh. Ix-​xewqa tagħna hi li ngħinu lin-​nies isiru jafu x’tip taʼ Alla hu verament Ġeħova. Għalhekk, aħna nużaw il-​Kelma tiegħu biex ngħinu lil oħrajn jaraw l-​importanza li jersqu qrib lejn Alla.—Ġak. 4:8.

6. (a) X’kien it-​tħassib ewlieni taʼ David meta tqabad maʼ Gulija? (b) X’għandu jkun it-​tħassib ewlieni tagħna?

6 It-​taqbida taʼ David maʼ Gulija tgħallimna lezzjoni vitali oħra. Meta David ħaffef lejn il-​kamp tal-​battalja, hu staqsa: “X’jagħmlulu r-​raġel li joqtol lil dak il-​Filisti u jneħħi l-​għajb minn fuq Israel?” In-​nies tennew dak li kienu qalu qabel: “Lir-​raġel li joqtlu [lil Gulija], is-​sultan jagħmlu għani b’rikkezzi kbar, u jagħtih lil bintu stess.” (1 Sam. 17:25-​27) Imma t-​tħassib ewlieni taʼ David ma kienx li jikseb premju materjali. Kien hemm xi ħaġa li kienet bil-​wisq iktar importanti għalih. David ried jigglorifika lill-​Alla l-​veru. (Aqra l-1 Samwel 17:46, 47.) Xi ngħidu għalina? Huwa t-​tħassib ewlieni tagħna li nagħmlu isem għalina nfusna billi niksbu r-​rikkezzi u nsiru prominenti fid-​dinja? Ċertament li rridu nkunu bħal David li kanta: “Faħħru bil-​kbir lil Ġeħova miegħi, u ejjew ngħollu ismu flimkien.” (Salm 34:3) Għalhekk, ejja nafdaw f’Alla billi npoġġu lil ismu qabel ir-​reputazzjoni tagħna stess.—Mt. 6:9.

7. Kif nistgħu nikkultivaw il-​fidi soda li għandna bżonn meta niltaqgħu maʼ nies li ma jridux jisimgħu l-​messaġġ tagħna?

7 David kellu bżonn fiduċja sħiħa f’Ġeħova biex bil-​kuraġġ jiħodha kontra Gulija. Iż-​żagħżugħ David kellu fidi soda. Mod wieħed kif bena din il-​fidi kien billi straħ fuq Alla fix-​xogħol tiegħu bħala ragħaj. (1 Sam. 17:34-​37) Aħna wkoll għandna bżonn fidi soda sabiex inkomplu fil-​ministeru, speċjalment meta niltaqgħu maʼ nies li ma jridux jisimgħu l-​messaġġ tagħna. Nistgħu nikkultivaw fidi bħal din billi nistrieħu fuq Alla fl-​attivitajiet taʼ kuljum. Pereżempju, nistgħu nibdew konversazzjonijiet dwar veritajiet Bibliċi maʼ nies li jinzertaw bilqiegħda maġenbna meta nużaw it-​trasport pubbliku. U m’għandniex inżommu lura milli nitkellmu maʼ nies li niltaqgħu magħhom fit-​triq waqt li nkunu qed nieħdu sehem fl-​ippritkar minn dar għal dar.—Atti 20:20, 21.

IR-​RIEDA T’ALLA KIENET L-​IKTAR ĦAĠA IMPORTANTI GĦAL DAVID

8, 9. Meta Sawl hedded lil David, David kif wera li żamm ir-​rieda taʼ Ġeħova f’moħħu?

8 Eżempju ieħor li juri kemm David kien lest li jafda f’Ġeħova kien jinvolvi lil Sawl, l-​ewwel sultan t’Iżrael. L-​għajjur Sawl ipprova jsammar lil David mal-​ħajt b’lanza tliet darbiet, imma David żgiċċa kull darba mingħajr ma rritalja. Fl-​aħħar, hu ħarab minn Sawl. (1 Sam. 18:7-​11; 19:10) Sawl imbagħad ħa 3,000 raġel magħżulin minn Iżrael kollu u mar ifittex lil David fix-​xagħri. (1 Sam. 24:2) Eventwalment, bla ma ntebaħ, Sawl daħal proprju fl-​istess għar li kienu fih David u l-​irġiel tiegħu. David setaʼ uża din l-​opportunità biex jelimina lis-​sultan li heddidlu ħajtu. Wara kollox, kienet ir-​rieda t’Alla li David jieħu post Sawl bħala s-​sultan taʼ Iżrael. (1 Sam. 16:1, 13) Tabilħaqq, li kieku David semaʼ mill-​pariri tal-​irġiel tiegħu, is-​sultan kien jinqatel. Imma David qal: “Ma jgħaddilix minn moħħi, mill-​ħarsa taʼ Ġeħova, li nagħmel ħaġa bħal din lil sidi, il-​midluk taʼ Ġeħova.” (Aqra l-1 Samwel 24:4-​7.) Sawl kien għadu s-​sultan midluk t’Alla. David ma riedx jaħtaf is-​saltna mingħand Sawl, ladarba Ġeħova kien għadu ma neħħiehx. Peress li qataʼ biss tarf il-​libsa bla kmiem taʼ Sawl, David wera li ma kellu ebda intenzjoni li jweġġgħu.—1 Sam. 24:11.

9 David reġaʼ wera rispett lejn il-​midluk t’Alla l-​aħħar darba li ra lis-​sultan. Dakinhar, David u Abisaj waslu fil-​post fejn kien ikkampjat Sawl u sabuh rieqed. Għalkemm Abisaj ikkonkluda li Alla kien reħa l-​għadu f’idejn David u offra li jsammru mal-​art b’lanza, David ma ħalliehx. (1 Sam. 26:8-​11) Minħabba li David baqaʼ jfittex il-​gwida t’Alla, hu żamm sod id-​determinazzjoni tiegħu biex jaġixxi fi qbil mar-​rieda taʼ Ġeħova minkejja t-​tħeġġiġ taʼ Abisaj.

10. Liema sitwazzjoni taʼ sfida nistgħu niffaċċjaw personalment, u x’se jgħinna nibqgħu sodi?

10 Aħna wkoll għandu mnejn niffaċċjaw sitwazzjoni taʼ sfida li fiha sħabna jipprovaw jagħmlulna pressjoni biex insegwu r-​raġunar tagħhom minflok ma jappoġġawna biex nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova. Bħal Abisaj, xi wħud jistgħu saħansitra jinkuraġġuna naġixxu mingħajr ma nikkunsidraw ir-​rieda t’Alla f’xi kwistjoni partikulari. Biex nibqgħu sodi, jeħtieġ li jkollna ċar f’moħħna l-​mod kif Ġeħova jħares lejn il-​kwistjoni u nkunu determinati li nżommu mar-​rieda tiegħu.

11. David kif wera li r-​rieda t’Alla kienet l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtu, u kif nistgħu nimitawh?

11 David talab lil Alla Ġeħova: “Għallimni nagħmel ir-​rieda tiegħek.” (Aqra Salm 143:5, 8, 10.) Minflok ma straħ fuq l-​ideat tiegħu stess jew ċeda għat-​tħeġġiġ taʼ ħaddieħor, David kien ħerqan biex jiġi mgħallem minn Alla. Hu ‘mmedita fuq l-​attività kollha taʼ Ġeħova u minn qalbu baqaʼ jikkunsidra xogħol idejh.’ Aħna nistgħu nifhmu x’inhi r-​rieda t’Alla billi nħaffru fl-​Iskrittura u nimmeditaw fuq il-​ħafna rakkonti Bibliċi dwar kif Ġeħova ttratta mal-​bnedmin.

DAVID FEHEM KIF GĦANDU JUŻA L-​PRINĊIPJI

12, 13. David għala ferrgħu fl-​art l-​ilma li kienu ġabulu t-​tlett irġiel?

12 L-​apprezzament taʼ David għall-​prinċipji li jinsabu fil-​Liġi u x-​xewqa tiegħu li japplikahom huma wkoll taʼ min jimitahom. Ikkunsidra x’ġara meta David esprima x-​xewqa tiegħu biex jixrob “l-​ilma mill-​ġiebja li hemm f’Betlehem.” Tlieta mill-​irġiel taʼ David daħlu fil-​belt—li dak iż-​żmien kienet f’idejn il-​Filistin—u ġabulu ftit ilma. Però, “David ma riedx jixorbu, imma sawbu quddiem Ġeħova.” Għala? David spjega: “Lanqas biss jgħaddili minn moħħi, rigward Alla tiegħi, li nagħmel dan! Għandi jien nixrob id-​demm taʼ dawn l-​irġiel li ssograw ħajjithom? Għax huma ssograw ħajjithom biex iġibuh.”—1 Kron. 11:15-​19.

13 David kien jaf li skont il-​Liġi d-​demm għandu jiġi mferraʼ quddiem Ġeħova u ma jittikilx. Fehem ukoll għala dan kellu jsir. David kien jaf li “r-​ruħ tal-​laħam hi fid-​demm.” Imma dan ilma kien, mhux demm. David għala rrifjuta li jixorbu? Hu fehem il-​prinċipju taʼ x’kienet teħtieġ il-​Liġi. Għal David, l-​ilma kien prezzjuż daqs id-​demm tat-​tlett irġiel. Għalhekk, lanqas biss għaddielu minn moħħu li jixrob l-​ilma. Minflok, ikkonkluda li kellu jferrgħu fl-​art.—Lev. 17:11; Dt. 12:23, 24.

14. X’għen lil David jieħu deċiżjonijiet li għoġbu lil Ġeħova?

14 David ipprova jkun medhi fil-​liġi t’Alla. Hu kanta: “Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla tiegħi, u l-​liġi tiegħek qiegħda fil-​ġewwieni tiegħi.” (Salm 40:8) David studja l-​liġi t’Alla u mmedita fil-​fond fuqha. Hu fada fl-​għerf tal-​kmandamenti taʼ Ġeħova. B’hekk, David mhux biss ried isegwi r-​regoli fil-​Liġi Mosajka, imma wkoll il-​prinċipji li setaʼ tgħallem minn dawk ir-​regoli. Meta aħna nistudjaw il-​Bibbja, ikun għaqli li nimmeditaw fuq dak li naqraw u nniżżluh f’qalbna sabiex inkunu nistgħu niddeterminaw x’jogħġob lil Ġeħova f’ċirkustanzi differenti.

15. Salamun kif wera nuqqas taʼ rispett lejn il-​Liġi t’Alla?

15 Ġeħova bierek bil-​kbir lil iben David, Salamun. Però, maż-​żmien, Salamun wera nuqqas taʼ rispett lejn il-​Liġi t’Alla. Hu m’obdiex il-​kmand taʼ Ġeħova li sultan Iżraeli ma kellux “ikollu ħafna nisa.” (Dt. 17:17) Infatti, Salamun iżżewweġ ħafna nisa barranin. Meta xjaħ, “in-​nisa tiegħu dawrulu qalbu biex imur wara allat oħrajn.” Kien x’kien ir-​raġunar tiegħu, “Salamun beda jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, u ma mexiex għalkollox wara Ġeħova bħal David missieru.” (1 Slat. 11:1-​6) Kemm hu importanti li ngħixu fi qbil mal-​liġijiet u l-​prinċipji misjubin fil-​Kelma t’Alla! Pereżempju, dan hu vitali meta nikkunsidraw iż-​żwieġ.

16. X’nistgħu nitgħallmu mil-​liġi taʼ Ġeħova biex niżżewġu “biss fil-​Mulej”?

16 Jekk xi ħadd mhux tal-​istess twemmin juri li hu interessat fina b’mod romantiku, ir-​reazzjoni tagħna se tkun bħal taʼ David, jew bħal taʼ Salamun? L-​aduraturi veri jintqalilhom biex jiżżewġu “biss fil-​Mulej.” (1 Kor. 7:39) Jekk Kristjan jagħżel li jiżżewweġ, għandu jiżżewweġ lil xi ħadd tal-​istess twemmin. U jekk nifhmu l-​liġi taʼ Ġeħova dwar dan, mhux talli se nżommu lura milli niżżewġu lil xi ħadd li mhuwiex tal-​istess twemmin, imma talli lanqas inħalluh ikompli juri interess romantiku fina.

17. X’jistaʼ jgħinna biex ma ninqabdux fin-​nassa tal-​pornografija?

17 L-​eżempju taʼ kif David fittex bil-​ħeġġa l-​gwida t’Alla jistaʼ jgħinna nirreżistu t-​tentazzjoni biex inħarsu lejn il-​pornografija. Aqra l-​iskritturi li ġejjin, aħseb dwar il-​prinċipji li fihom, u agħmel sforz biex tifhem ir-​rieda taʼ Ġeħova f’dan ir-​rigward. (Aqra Salm 119:37; Mattew 5:28, 29; Kolossin 3:5.) Jekk nimmeditaw fuq il-​livelli għoljin tiegħu se nkunu ppreparati biex inżommu ’l bogħod min-​nassa tal-​pornografija.

DEJJEM ŻOMM F’MOĦĦOK IL-​ĦARSA T’ALLA

18, 19. (a) Għalkemm kien imperfett, x’għen lil David ikollu l-​approvazzjoni t’Alla? (b) X’int determinat li tagħmel?

18 Għalkemm David kien eżemplari f’ħafna modi, hu kkommetta diversi dnubiet serji. (2 Sam. 11:2-​4, 14, 15, 22-​27; 1 Kron. 21:1, 7) Però, matul ħajtu, David wera l-​indiema kull meta dineb. Hu mexa “bl-​integrità tal-​qalb” quddiem Alla. (1 Slat. 9:4) Għala nistgħu ngħidu dan? Għax David ipprova jaġixxi fi qbil mar-​rieda taʼ Ġeħova.

19 Minkejja l-​imperfezzjoni tagħna jistaʼ jkollna l-​approvazzjoni t’Alla. B’dan f’moħħna, ejja nkomplu nistudjaw il-​Kelma t’Alla, nimmeditaw fil-​fond fuq dak li nitgħallmu minnha, u naġixxu minnufih biex napplikaw dak li nitgħallmu. Jekk nagħmlu hekk, inkunu qed nitolbu lil Ġeħova bħalma talab bis-​sinċerità s-​salmista: “Għallimni nagħmel ir-​rieda tiegħek.”

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 5]

Lil David x’żammu lura milli jieħu ħajjet Sawl meta kellu l-​opportunità li jagħmel dan?

[Stampa f’paġna 6]

X’nistgħu nitgħallmu mill-​fatt li David irrifjuta li jixrob l-​ilma li ġabulu l-​irġiel tiegħu?