Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ikkultiva l-Ispirtu taʼ Wieħed mill-Iżgħar

Ikkultiva l-Ispirtu taʼ Wieħed mill-Iżgħar

“Min iġib ruħu bħal wieħed mill-​iżgħar fostkom ilkoll, dan ikun il-​kbir.” —LQ. 9:48.

TISTAʼ SSIB IT-​TWEĠIBIET?

X’jistaʼ jgħinna nikkultivaw l-​ispirtu taʼ wieħed mill-​iżgħar?

Wieħed mill-​iżgħar b’liema modi jkun “il-​kbir”?

Kif nistgħu nuru l-​umiltà fiż-​żwieġ, fil-​kongregazzjoni, u fir-​relazzjonijiet tagħna m’oħrajn?

1, 2. Ġesù liema twissija ta lill-​appostli, u għala għallimhom hekk?

 KIENET is-​sena 32 E.K. Ġesù kien fid-​distrett tal-​Galilija meta ftit mill-​appostli tiegħu kienu qed jargumentaw dwar min kien l-​akbar fosthom. Luqa, il-​kittieb tal-​Evanġelju, kiteb: “Bdew jirraġunaw bejniethom dwar min se jkun l-​akbar wieħed minnhom. Peress li kien jaf x’kienu qed jirraġunaw fi qlubhom, Ġesù ħa tifel żgħir, qiegħdu maġenbu, u qalilhom: ‘Kulmin jilqaʼ lil dan it-​tifel f’ismi, jilqaʼ lili wkoll, u kulmin jilqaʼ lili, jilqaʼ wkoll lil dak li bagħatni. Għax min iġib ruħu bħal wieħed mill-​iżgħar fostkom ilkoll, dan ikun il-​kbir.’” (Lq. 9:46-​48) Ġesù bil-​paċenzja kien qed jgħin lill-​appostli jifhmu li kellhom bżonn ikunu umli.

2 Kienet it-​twissija taʼ Ġesù biex kull wieħed minnhom iġib ruħu bħal wieħed mill-​iżgħar fi qbil mal-​attitudni tal-​Lhud tal-​ewwel seklu? Le, fil-​fatt kienet l-​oppost. Ktieb wieħed jgħid li kien importanti ħafna għal-​Lhud li jkunu jafu min kien jistħoqqlu iktar unur fir-​relazzjonijiet tagħhom kollha. Huma dejjem kienu jinkwetaw dwar jekk kinux qed jagħtu lil kull individwu l-​unur li kien jistħoqqlu. (Theological Dictionary of the New Testament) Ġesù ried li d-​dixxipli tiegħu jkunu differenti min-​nies inġenerali.

3. (a) Xi jfisser li nġibu ruħna bħal wieħed mill-​iżgħar, u għala jistaʼ jkun taʼ sfida li nagħmlu hekk? (b) Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-​artiklu?

3 Il-​kelma Griega tradotta “wieħed mill-​iżgħar” tfisser li xi ħadd ikun inqas importanti minn oħrajn jew m’għandux poter jew awtorità. Individwu bħal dan hu umli u ma jqisx lilu nnifsu importanti. Ġesù uża tifel żgħir biex juri b’mod ċar lill-​appostli li kellhom ikunu umli u modesti. Din it-​twissija għadha tgħodd għall-​Kristjani veri llum daqs kemm kienet fl-​ewwel seklu. Tistaʼ tkun taʼ sfida li nkunu umli—għall-​inqas f’ċerti ċirkustanzi. Il-​kburija hija tendenza umana li tistaʼ tqanqalna nfittxu l-​prominenza. L-​ambjent kompetittiv li ngħixu fih u l-​ispirtu tad-​dinja jistgħu jinfluwenzawna biex inkunu egoisti, aggressivi, jew manipulattivi. X’jistaʼ jgħinna nikkultivaw l-​ispirtu taʼ wieħed mill-​iżgħar? ‘Wieħed mill-​iżgħar fostna kif ikun il-​kbir’? F’liema sitwazzjonijiet fil-​ħajja għandna nuru umiltà?

“O KEMM HUMA PROFONDI R-​RIKKEZZI U L-​GĦERF U L-​GĦARFIEN T’ALLA!”

4, 5. X’jistaʼ jgħinna nikkultivaw l-​umiltà? Agħti eżempju.

4 Mod wieħed kif nikkultivaw l-​umiltà hu billi nimmeditaw dwar kemm Ġeħova hu bil-​wisq akbar minna. Infatti, “ħadd ma jistaʼ jifhem x’intelliġenza għandu.” (Is. 40:28) Meta kkummenta dwar ċerti aspetti tal-​kobor taʼ Ġeħova, l-​appostlu Pawlu kiteb: “O kemm huma profondi r-​rikkezzi u l-​għerf u l-​għarfien t’Alla! Kemm ma jistgħux jinkixfu l-​ġudizzji tiegħu, u kemm huma bla tarf triqatu!” (Rum. 11:33) Għalkemm issa l-​umanità kisbet iktar għarfien dwar ħafna affarijiet minn mindu Pawlu kiteb dan il-​kliem xi 2,000 sena ilu, din l-​istqarrija xorta għadha minnha. Nafu kemm nafu, dejjem se nibqgħu nitgħallmu dwar Ġeħova, dwar ix-​xogħlijiet tiegħu, u dwar il-​ħsibijiet tiegħu.

5 Pereżempju, dak li għen lil Leo a jsir iktar umli kien il-​fatt li rrealizza li hu qatt ma setaʼ jitgħallem kollox dwar il-​ħolqien t’Alla. Bħala żagħżugħ, Leo kien iħobb ix-​xjenza. Hu xtaq jifhem dak kollu li setaʼ dwar l-​univers, u b’hekk iddeċieda li jistudja dan is-​suġġett l-​iskola. Imma rrealizza li x-​xjenza waħedha ma tistax tgħin lill-​bnedmin jifhmu kollox dwar l-​univers. Għalhekk, minflok beda jistudja l-​liġi. Maż-​żmien, Leo laħaq avukat u mbagħad imħallef. Iktar tard, hu u martu studjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, ħaddnu l-​verità, u tgħammdu. Minkejja li kellu edukazzjoni għolja, x’għen lil Leo juri umiltà? Hu jwieġeb: “Irrealizzajt li nafu kemm nafu dwar Ġeħova u l-​univers, xorta għad hemm ħafna iżjed x’niskopru.”

6, 7. (a) Ġeħova jipprovdi liema eżempju li jispikka taʼ umiltà? (b) L-​umiltà t’Alla kif tistaʼ tagħmel lil individwu “kbir”?

6 Fattur ieħor li jgħinna nkunu umli hu li Ġeħova nnifsu juri umiltà. Ikkunsidra dan: “Aħna ħaddiema sħab m’Alla.” (1 Kor. 3:9) Immaġina! Ġeħova, l-​Alla taʼ kobor liema bħalu, jonorana billi jagħtina l-​opportunità li nwettqu l-​ministeru tagħna billi nużaw il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Għalkemm Ġeħova hu l-​wieħed li jkabbar iż-​żerriegħa li aħna nħawlu u nsaqqu, hu jagħtina l-​privileġġ onorabbli li naħdmu flimkien miegħu. (1 Kor. 3:6, 7) Mhuwiex dan eżempju li jispikka taʼ umiltà min-​naħa t’Alla? Ċertament li l-​eżempju tal-​umiltà taʼ Ġeħova għandu jkun taʼ inkuraġġiment kbir għal kull wieħed minna biex iġib ruħu bħal wieħed mill-​iżgħar.

7 L-​eżempju tal-​umiltà t’Alla kellu effett kbir fuq is-​salmista David. Hu kanta lil Ġeħova: “Int se tagħtini t-​tarka tiegħek taʼ salvazzjoni, u hi l-​umiltà tiegħek li tagħmilni kbir.” (2 Sam. 22:36) David kien jaf li hu setaʼ biss jagħmel l-​affarijiet kbar li għamel f’Iżrael għax Ġeħova kien wera l-​umiltà billi ta kasu u għenu. (Salm 113:5-​7) Huwa differenti llum? F’dawk li huma kwalitajiet, abbiltajiet, u privileġġi, x’għandna li ‘ma rċivejniex’ mingħand Ġeħova? (1 Kor. 4:7) Meta Ġesù qal li individwu umli jsir “kbir,” hu ried ifisser li dan l-​individwu jsir qaddej taʼ Ġeħova iktar prezzjuż. (Lq. 9:48) Ejja nikkunsidraw kif dan hu minnu.

‘WIEĦED MILL-​IŻGĦAR FOSTKOM IKUN IL-​KBIR’

8. L-​umiltà kif teffettwa l-​attitudni tagħna lejn l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

8 L-​umiltà hi essenzjali biex inkunu kuntenti fl-​organizzazzjoni teokratika t’Alla u biex nappoġġaw l-​arranġament tal-​kongregazzjoni. Pereżempju, ikkunsidra lil Petra, żagħżugħa li trabbiet ġo familja taʼ Xhieda. Peress li riedet tagħmel l-​affarijiet kif kien jidhrilha hi, Petra tbiegħdet mill-​kongregazzjoni. Snin wara, hi reġgħet bdiet tassoċja mal-​kongregazzjoni. Issa ferħana li tagħmel parti mill-​organizzazzjoni t’Alla u bil-​ħerqa tappoġġa l-​arranġament tal-​kongregazzjoni. L-​attitudni tagħha kif inbidlet? Hi tgħid: “L-​iktar żewġ kwalitajiet importanti li kelli bżonn nifhem u nikkultiva kienu l-​umiltà u l-​modestja.”

9. Individwu umli liema attitudni għandu lejn l-​ikel spiritwali li nirċievu, u dan għala jagħmlu iktar prezzjuż?

9 Individwu umli jkun verament grat għall-​provvedimenti taʼ Ġeħova, inkluż għall-​ikel spiritwali. B’hekk, individwu bħal dan jistudja l-​Bibbja b’mod diliġenti u jaqra regolarment ir-​rivisti It-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! Bħal ħafna qaddejja leali oħrajn taʼ Ġeħova, għandu mnejn jiħodha drawwa li jaqra kull pubblikazzjoni ġdida qabel ma jerfagħha fil-​librerija persunali tiegħu. Meta bl-​umiltà nuru apprezzament billi naqraw u nistudjaw il-​pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-​Bibbja, se navvanzaw spiritwalment u Ġeħova se jkun jistaʼ jużana iktar bis-​sħiħ fis-​servizz tiegħu.—Ebr. 5:13, 14.

10. Kif nistgħu nuru l-​umiltà fil-​kongregazzjoni?

10 Dak li jġib ruħu bħal wieħed mill-​iżgħar ikun “il-​kbir” jerġaʼ b’mod ieħor. Kull kongregazzjoni għandha rġiel kwalifikati maħturin bil-​gwida tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova biex jaqdu bħala anzjani. Dawn l-​irġiel jorganizzaw il-​laqgħat u s-​servizz tal-​għalqa u jagħmlu xogħol pastorali. Meta nuru l-​umiltà billi minn jeddna nappoġġaw dawn l-​arranġamenti, nikkontribwixxu għall-​ferħ, għall-​paċi, u għall-​unità tal-​kongregazzjoni. (Aqra Ebrej 13:7, 17.) Jekk qed taqdi bħala anzjan jew qaddej ministerjali, m’intix int grat b’mod umli lejn Ġeħova talli fdalek privileġġ taʼ servizz bħal dan?

11, 12. Liema attitudni se tagħmilna iktar prezzjużi fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, u għala?

11 Dak li jaġixxi bħal wieħed mill-​iżgħar ikun “il-​kbir,” jew iktar prezzjuż għall-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, minħabba li l-​attitudni tiegħu tagħmlu qaddej tajjeb u utli t’Alla. Ġesù kellu jfakkar lid-​dixxipli tiegħu biex jaġixxu bħal uħud mill-​iżgħar minħabba li ftit minnhom kienu jaħsbuha bħan-​nies kburin taʼ dak iż-​żmien. Luqa 9:46 jgħid: “Bdew jirraġunaw bejniethom dwar min se jkun l-​akbar wieħed minnhom.” Nistgħu aħna wkoll nibdew nirraġunaw li b’xi mod aħna aħjar minn sħabna fit-​twemmin jew li aħna superjuri għan-​nies inġenerali? Irridu nkunu differenti mill-​biċċa l-​kbira tan-​nies fid-​dinja taʼ madwarna li huma kburin u egoisti. Jekk inkunu umli u npoġġu r-​rieda t’Alla l-​ewwel, ħutna se jħossuhom inkuraġġiti meta jkunu magħna.

12 Meta nifhmu l-​parir taʼ Ġesù biex inġibu ruħna bħal uħud mill-​iżgħar, se nitqanqlu biex nuru umiltà fis-​sitwazzjonijiet kollha tal-​ħajja. Ejja nitkellmu dwar tliet sitwazzjonijiet.

IRSISTI BIEX TKUN WIEĦED MILL-​IŻGĦAR

13, 14. (a) Raġel u mara miżżewġin, kif għandhom iġibu ruħhom bħal wieħed mill-​iżgħar? (b) Dan kif jistaʼ jgħin ir-​relazzjoni tagħhom?

13 Fiż-​żwieġ. Ħafna nies illum jimpurtahom biss mid-​drittijiet tagħhom stess. Id-​drittijiet t’oħrajn mhumiex importanti għalihom. Imma individwu umli hu gwidat mill-​attitudni li Pawlu jinkuraġġina li jkollna. Fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani, hu kiteb: “Ħa niġru wara l-​affarijiet li jġibu l-​paċi u l-​affarijiet li bihom nibnu lil xulxin.” (Rum. 14:19) Min iġib ruħu bħal wieħed mill-​iżgħar jagħmel sforz biex iżomm il-​paċi maʼ kulħadd u speċjalment mal-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ.

14 Ikkunsidra r-​rikreazzjoni. Koppja jistaʼ jkollha gosti differenti f’dak li hu divertiment. Forsi r-​raġel fil-​ħin liberu jieħu pjaċir joqgħod għall-​kwiet id-​dar u jaqra ktieb. Min-​naħa l-​oħra, martu għandha mnejn tippreferi toħroġ tiekol barra jew iżżur lil xi ħbieb. Se jkun iktar faċli għall-​mara biex tirrispetta lil żewġha jekk hu jkollu attitudni umli u ma jaħsibx biss dwar dak li jħobb hu imma wkoll dwar dak li tħobb hi. U r-​raġel se jgħożż u japprezza saħansitra iktar lil martu jekk hi mhux dejjem tkun trid li tgħaddi tagħha imma żżomm f’moħħha wkoll dak li jrid hu. Ir-​relazzjoni bejn raġel u martu tissaħħaħ jekk it-​tnejn li huma jkunu umli.—Aqra Filippin 2:1-​4.

15, 16. (a) Skont Salm 131, David x’inkuraġġiehom jagħmlu lill-​Iżraelin? (b) Aħna kif nistgħu nagħmlu l-​istess fil-​kongregazzjoni?

15 Fil-​kongregazzjoni. Fid-​dinja, ħafna jkunu jridu kollox mal-​ħaġra t-​tajn. Huma bla paċenzja u jobogħdu jistennew. Attitudni umli se tgħinna nistennew lil Ġeħova, jiġifieri nafdaw fih. (Aqra Salm 131:1-​3.) Jekk inkunu umli u nistennew lil Ġeħova, se niġu mberkin. Se nħossuna fis-​sigurtà, imfarrġin, u ferħanin. Mhux taʼ b’xejn li David inkuraġġixxa lill-​Iżraelin sħabu biex jistennew lil Alla tagħhom!

16 Int tistaʼ tesperjenza faraġ simili meta tistenna b’umiltà lil Ġeħova. (Salm 42:5) Forsi tixtieq tkun iktar t’għajnuna għall-​kongregazzjoni, u għalhekk ‘qed tirsisti għal kariga taʼ indokratur.’ (1 Tim. 3:1-​7) Naturalment għandek tagħmel ħiltek kollha biex tħalli l-​ispirtu qaddis jiżviluppa fik il-​kwalitajiet meħtiġin biex wieħed ikun indokratur. Imma xi ngħidu jekk il-​proċess donnu jieħu iktar fit-​tul fil-​każ tiegħek milli jieħu fil-​każ t’oħrajn? Il-​wieħed mill-​iżgħar, dak li bil-​paċenzja jistenna privileġġ taʼ servizz, se jkompli jaqdi lil Ġeħova bil-​ferħ u jieħu pjaċir bi kwalunkwe inkarigu li jingħata.

17, 18. (a) Liema benefiċċji jkun hemm meta nitolbu maħfra lil oħrajn u meta nkunu lesti li naħfru lil oħrajn? (b) Liema parir insibu fi Proverbji 6:1-​5?

17 Fir-​relazzjonijiet tagħna m’oħrajn. Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies isibuha bi tqila biex jiskużaw ruħhom. Madankollu, il-​qaddejja t’Alla jikkultivaw l-​ispirtu taʼ wieħed mill-​iżgħar billi jammettu l-​iżbalji tagħhom u jitolbu maħfra. Huma wkoll lesti li jaħfru n-​nuqqasijiet t’oħrajn. Filwaqt li l-​kburija ġġib firda u tilwim, il-​maħfra tippromwovi l-​paċi fil-​kongregazzjoni.

18 Għandu mnejn ikollna ‘numiljaw ruħna’ billi sinċerament nitolbu skuża lil persuna oħra jekk ma nkunux nistgħu nonoraw ftehim minħabba ċirkustanzi li ma kellniex kontroll fuqhom. F’dan il-​każ, għandna naħsbu dwar l-​iżbalji tagħna u nammettuhom, anki jekk dak li ġara ma jkunx it-​tort tagħna sa barra.—Aqra Proverbji 6:1-​5.

19. Kull wieħed minna, liema raġunijiet għandu biex ikun grat għall-​pariri Bibliċi biex iġib ruħu bħal wieħed mill-​iżgħar?

19 Kemm aħna grati għall-​inkuraġġiment Skritturali biex nikkultivaw l-​ispirtu taʼ wieħed mill-​iżgħar! Għalkemm kultant nistgħu nsibuha taʼ sfida biex nuru spirtu bħal dan, jekk naħsbu dwar il-​kobor taʼ Ġeħova u niftakru li hu stess wera l-​umiltà nistgħu nitqanqlu biex nikkultivaw din il-​kwalità mill-​aqwa. Billi nagħmlu hekk, se nuru li aħna qaddejja taʼ Ġeħova iktar prezzjużi. Għalhekk, jalla kull wieħed u waħda minna jġib ruħu bħal wieħed mill-​iżgħar.

[Nota ta’ taħt]

a L-​ismijiet ġew mibdulin.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 16]

Ġeħova jonorana bil-​privileġġ li nippritkaw l-​aħbar tajba

[Stampi f’paġna 19]

Liema opportunitajiet għandek biex iġġib ruħek bħal wieħed mill-​iżgħar?