Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Id-Diżastri Naturali—Juru li Alla Hu Kattiv?

Id-Diżastri Naturali—Juru li Alla Hu Kattiv?

DAK LI JGĦIDU XI NIES: “Alla jaħkem lid-​dinja, u allura hu jikkaġuna d-​diżastri naturali; għalhekk, bilfors li hu kattiv.”

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA: “Id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Min hu “l-​Ħażin”? Il-​Bibbja tidentifikah bħala Satana. (Mattew 13:19; Marku 4:15) Hija din esaġerazzjoni? Aħseb ftit: Jekk Satana għandu l-​poter fuq l-​art, mela hu jinfluwenza lill-​bnedmin biex, bħalu, ikunu egoisti, rgħiba, u jaraw sal-​ponta taʼ mneħirhom. Ma jgħinniex dan nifhmu għala l-​bniedem tant jabbuża mill-​ambjent tiegħu stess hawnhekk fuq l-​art? Ħafna esperti jwissu li l-​abbuż tal-​ambjent jistaʼ jeffettwa d-​diżastri naturali, kemm jekk jikkaġunahom, jiggravahom, jew jagħmel is-​soċjetà umana iktar suxxettibbli għalihom.

Allura Alla għala ppermetta li Satana jkollu tant influwenza fuqna? Biex insibu t-​tweġiba, irridu mmorru lura għall-​bidu tal-​umanità, meta l-​ewwel ġenituri tagħna rribellaw kontra Alla bħala l-​Ħakkiem. Minn dakinhar ’l hawn, il-​biċċa l-​kbira mill-​umanità għamlet bħalhom. Din l-​għażla li ħadu—li jiċħdu l-​ħakma t’Alla—poġġiet id-​dinja tal-​umanità f’idejn Satana, l-​għadu t’Alla. B’hekk, Ġesù sejjaħ lil Satana “l-​ħakkiem tad-​dinja.” (Ġwanni 14:30) Satana se jaħkem għal dejjem? Le!

Ġeħova * mhuwiex bla qalb u indifferenti għat-​tbatija li jikkaġuna Satana. Infatti, Alla jiġi effettwat ħafna meta l-​bnedmin ibatu. Pereżempju, rigward iż-​żminijiet ebsin li ġarrbu n-​nies t’Iżrael, il-​Bibbja tgħid hekk dwar Alla: “Kulmeta kienu mnikktin hu kien imnikket.” (Isaija 63:9) Bi ħniena, Alla rranġa biex iġib fi tmiemha l-​ħakma kattiva taʼ Satana—u dalwaqt! Ħatar lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex ikun Sultan ġust u sewwa għal dejjem!

KIF INT INVOLUT: Għalkemm il-​ħakma taʼ Satana ma rnexxilhiex tipproteġi lin-​nies mid-​diżastri naturali, il-​ħakma taʼ Ġesù se jirnexxilha tagħmel dan. Ġesù darba aġixxa biex jipproteġi lid-​dixxipli tiegħu matul maltempata vjolenti. Ir-​rakkont tal-​Bibbja jgħid: “Ċanfar ir-​riħ u qal lill-​baħar: ‘Iskot! Oqgħod kwiet!’ U r-​riħ batta, u waqgħet kalma kbira.” Id-​dixxipli qalu: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-​riħ u l-​baħar jobduh?” (Marku 4:37-​41) Din il-​ġrajja tagħtina l-​fiduċja li Ġesù se jipproteġi lill-​umanità ubbidjenti kollha matul il-​ħakma tiegħu bħala Sultan.—Danjel 7:13, 14.

^ par. 5 Ġeħova hu l-​isem t’Alla skont kif jidher fil-​Bibbja.