Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ERSAQ QRIB LEJN ALLA

Ġeħova Tassew Jimpurtah Minnek?

Ġeħova Tassew Jimpurtah Minnek?

“Inħossni ma niswa għal xejn, u dan wisq probabbli hu l-​ikbar xkiel li qed nipprova negħleb.” Hekk qalet waħda mara li sabitha bi tqila biex temmen li Ġeħova jistaʼ xi darba jsib raġuni biex jimpurtah minnha. Ġieli ħassejtek hekk? Jekk iva, għandek mnejn tgħid bejnek u bejn ruħek, ‘Ġeħova tassew jimpurtah mill-​aduraturi tiegħu bħala individwi?’ It-​tweġiba hi iva! Fil-​kliem taʼ Ġesù naraw evidenza li Ġeħova jimpurtah minna personalment.—Aqra Ġwanni 6:44.

Ġesù, li jaf il-​personalità u r-​rieda taʼ Ġeħova iktar minn kwalunkwe persuna oħra, x’qal? (Luqa 10:22) Ġesù spjega: “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jiġbdux il-​Missier li bagħatni.” Għalhekk, ma nistgħux insiru segwaċi taʼ Kristu—u aduraturi taʼ Missierna tas-​sema, Ġeħova—jekk Ġeħova ma jiġbidniex lejh b’mod personali. (2 Tessalonikin 2:13) Jekk nifhmu x’ried jgħid Ġesù, naraw fi kliemu evidenza ċara ferm li Alla jimpurtah minna personalment.

Xi jfisser li Ġeħova jiġbidna lejh? Il-​verb Grieg tradott ‘jiġbidna’ jintuża wkoll b’referenza għal li wieħed jiġbed xibka mimlija ħut. (Ġwanni 21:6, 11) Ġeħova jiġbidna lejh kontra qalbna billi jisforzana naqduh? Le. Ġeħova tana l-​libertà tal-​għażla, u għalhekk ma jisforzaniex biex nagħtuh qalbna. (Dewteronomju 30:19, 20) Ġeħova jgħarbel il-​biljuni taʼ qlub f’din id-​dinja biex isib individwi li jkollhom attitudni xierqa. (1 Kronaki 28:9) Meta jsib uħud bħal dawn, hu jirreaġixxi b’mod tal-​għaġeb. Kif?

Bil-​ħlewwa, Ġeħova jiġbed il-​qalb taʼ individwu li jkollu “attitudni xierqa.” (Atti 13:48) Ġeħova jagħmel dan b’żewġ modi—permezz tal-​messaġġ tal-​Bibbja tal-​aħbar tajba, li jilħaqna bħala individwi, u permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu. Meta Ġeħova jara qalb li tilqaʼ l-​verità tal-​Bibbja, hu juża l-​ispirtu tiegħu biex jgħin lill-​individwu jifhem u japplika din il-​verità f’ħajtu. (1 Korintin 2:11, 12) Mingħajr l-​għajnuna t’Alla qatt ma nistgħu nsiru segwaċi ġenwini taʼ Ġesù u aduraturi devoti taʼ Ġeħova.

“Ġeħova tana l-​libertà tal-​għażla, u għalhekk ma jisforzaniex biex nagħtuh qalbna”

Mela l-​kliem taʼ Ġesù mniżżel fi Ġwanni 6:44 x’jgħallimna dwar Alla Ġeħova? Ġeħova jiġbed lin-​nies lejh għax jara xi ħaġa tajba f’qalbhom u jimpurtah minnhom bħala individwi. Peress li fehmet din il-​verità rassiguranti, il-​mara li ssemmiet fil-​bidu sabet il-​faraġ. Hi tgħid: “Li tkun qaddej taʼ Ġeħova hu l-​ikbar privileġġ li wieħed qatt jistaʼ jkollu. U jekk Ġeħova għażilni biex inkun qaddejja tiegħu, mela żgur li jien prezzjuża f’għajnejh.” Xi ngħidu għalik? Peress li taf li Ġeħova jimpurtah mill-​aduraturi tiegħu bħala individwi, ma titqanqalx biex tersaq qrib lejh?

Inħeġġuk Taqra mill-​Bibbja

Luqa 22-24Ġwanni 1-16