Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħares il-Wirt Tiegħek Billi Tagħmel Għażliet Għaqlin

Ħares il-Wirt Tiegħek Billi Tagħmel Għażliet Għaqlin

“Stmerru dak li hu ħażin, żommu sod maʼ dak li hu tajjeb.” —RUM. 12:9.

1, 2. (a) X’għenek tieħu d-deċiżjoni biex taqdi lil Alla? (b) Liema mistoqsijiet nistgħu nistaqsu dwar il-wirt spiritwali tagħna?

MILJUNI minna ħadna d-deċiżjoni għaqlija li naqdu lil Alla Ġeħova u nsegwu mill-qrib il-passi taʼ Ġesù Kristu. (Mt. 16:24; 1 Pt. 2:21) Il-ħajja tagħna bħala nies dedikati lil Alla ma niħduhiex ħafif ħafif. L-għażla tagħna ma kinitx ibbażata fuq għarfien superfiċjali taʼ ftit skritturi, imma fuq studju fil-fond tal-Kelma t’Alla. Għax għamilna dan, tgħallimna ħafna dettalji li jsaħħu l-fidi dwar il-wirt li Ġeħova wiegħed lil dawk li ‘jieħdu għarfien dwaru u dwar Ġesù Kristu li hu bagħat.’—Ġw. 17:3; Rum. 12:2.

2 Biex inżommu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, hemm bżonn nagħmlu għażliet li jogħġbuh. Għalhekk, dan l-artiklu se jikkunsidra dawn il-mistoqsijiet importanti: X’inhu l-wirt tagħna? Kif għandna nqisuh? Kif nistgħu nkunu ċerti li niksbu l-wirt tagħna? X’se jgħinna nagħmlu għażliet għaqlin?

IL-WIRT TAGĦNA—X’INHU?

3. Liema wirt se jirċievu (a) il-midlukin u (b) in-“nagħaġ oħrajn”?

3 Numru relattivament żgħir taʼ Kristjani qed iħarsu ’l quddiem biex jirċievu “wirt li ma jitħassarx u ma jitniġġisx u ma jispiċċax”—il-privileġġ imprezzabbli li jaħkmu maʼ Kristu fis-sema. (1 Pt. 1:3, 4) Biex jirċievu dan il-wirt, dawn l-individwi jkollhom ‘jitwieldu mill-ġdid.’ (Ġw. 3:1-3) X’inhu l-wirt tal-miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn” taʼ Ġesù, li huma mseħbin mas-segwaċi midlukin tiegħu f’li jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla? (Ġw. 10:16) In-“nagħaġ oħrajn” se jirċievu l-wirt li l-midinbin Adam u Eva tilfu—ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna mingħajr tbatija, mewt, jew niket. (Riv. 21:1-4) Għal din ir-raġuni,  Ġesù setaʼ jwiegħed lir-raġel ħażin li miet miegħu: “Tassew ngħidlek illum, Int tkun fil-Ġenna miegħi.”—Lq. 23:43.

4. Liema barkiet diġà ngawdu?

4 Imma l-wirt tagħna jinkludi wkoll xi barkiet li għandna saħansitra issa. Peress li neżerċitaw il-fidi fil-“fidwa mħallsa minn Kristu Ġesù,” għandna paċi ġewwinija u relazzjoni mill-qrib m’Alla. (Rum. 3:23-25) Għandna fehma ċara tal-wegħdi prezzjużi li nsibu fil-Kelma t’Alla. Iktar minn hekk, huwa sors taʼ ferħ kbir il-fatt li aħna parti minn fratellanza internazzjonali kollha mħabba. U huwa unur li tkun wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Mhux taʼ b’xejn li ngħożżu l-wirt tagħna!

5. Satana xi pprova jagħmillu lill-poplu t’Alla, u x’jistaʼ jgħinna nżommu sod kontra t-tnassis tiegħu?

5 Biex inżommu sod mal-wirt meraviljuż tagħna, irridu noqogħdu attenti biex nevitaw in-nases taʼ Satana. Satana dejjem ipprova jinfluwenza lill-poplu t’Alla biex jagħmlu għażliet li setgħu jiswewlhom il-wirt tagħhom. (Num. 25:1-3, 9) Peress li hu konxju li t-tmiem tiegħu hu fil-qrib, Satana żied l-isforzi tiegħu biex jiżvijana. (Aqra Rivelazzjoni 12:12, 17.) Jekk irridu ‘nżommu sod kontra t-tnassis tax-Xitan,’ għandna dejjem napprezzaw il-wirt tagħna. (Efes. 6:11) F’dan ir-rigward, nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet importanti mill-mod kif Għesaw, l-ewwel imwieled taʼ Iżakk, qies il-wirt tiegħu.

TKUNX BĦAL GĦESAW

6, 7. Min kien Għesaw, u x’wirt kellu jirċievi?

6 Madwar 4,000 sena ilu, Iżakk u Rebekka kellhom lil Għesaw u lil ħuh it-tewmi Ġakobb. Hekk kif it-tewmin kibru, il-karattru u l-għażliet tagħhom kienu differenti minn taʼ xulxin. “Għesaw sar raġel jinqalaʼ għall-kaċċa, raġel tar-rabaʼ,” filwaqt li “Ġakobb kien bniedem bla ħtija, jgħammar fit-tined.” (Ġen. 25:27) Ġakobb issejjaħ bla ħtija għax kien bniedem taʼ integrità u ma prattikax id-dnub.”

7 Meta Għesaw u Ġakobb kellhom 15-il sena, miet in-nannu tagħhom Abraham, imma l-wegħda li Ġeħova għamel lil Abraham kienet baqgħet tgħodd. Iktar tard, Ġeħova rripetieha lil Iżakk, billi qallu li l-ġnus kollha tal-art se jbierku lilhom infushom permezz taʼ nisel Abraham. (Aqra Ġenesi 26:3-5.) Din il-wegħda wriet li l-Messija—in-nisel leali taʼ Ġenesi 3:15—kien se jiġi min-nisel t’Abraham. Bħala l-ewwel imwieled taʼ Iżakk, Għesaw kellu d-dritt legali għal dik il-wegħda. X’wirt meraviljuż kellu Għesaw! Imma apprezzah hu?

Tipperikolax il-wirt spiritwali tiegħek

8, 9. (a) Għesaw liema għażla għamel rigward il-wirt tiegħu? (b) Snin wara, Għesaw xi rrealizza rigward l-għażla tiegħu, u kif irreaġixxa?

8 Darba minnhom meta Għesaw ġie lura mill-għalqa, hu ra lil Ġakobb “isajjar ftit soppa.” “Jekk jogħġbok,” qallu Għesaw, “fittex agħtini ftit minn dik is-soppa, għax għajjien!” Bi tweġiba, Ġakobb qal lil Għesaw: “L-ewwel u qabel kollox begħli d-dritt tiegħek bħala l-ewwel imwieled!” Għesaw liema għażla għamel? Ħaġa tal-iskantament, hu qal: “X’jiswieli d-dritt bħala l-ewwel imwieled?” Iva, Għesaw ipprefera jagħżel skutella soppa milli d-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled! Biex ikun ċert li Għesaw verament kien qed ibigħ dan id-dritt, Ġakobb insista: “L-ewwel u qabel kollox aħlifli!” Mingħajr ma qagħad jaħsibha darbtejn, Għesaw ċeda d-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled. Wara dan, “Ġakobb ta l-ħobż u s-soppa taʼ l-għads lil Għesaw, u dan kiel u xorob. Imbagħad qam u telaq. B’hekk, Għesaw stmerr id-dritt bħala l-ewwel imwieled.”—Ġen. 25:29-34.

 9 Snin wara, meta Iżakk ħaseb li kien se jmut, Rebekka għamlet ċert li Ġakobb jirċievi d-dritt bħala l-ewwel imwieled li biegħlu Għesaw. Meta iktar tard Għesaw irrealizza kemm kien għamel għażla stupida, hu talab bil-ħniena lil Iżakk: “Berikni, lili wkoll, missier! . . . Ma rfajtlix barka lili?” Meta Iżakk qallu li ma setax ibiddel il-barka li diġà kien ta lil Ġakobb, “Għesaw għolla leħnu u nfaqaʼ jibki.”—Ġen. 27:30-38.

10. Ġeħova kif kien iqishom lil Għesaw u lil Ġakobb, u għala?

10 Liema aspetti mill-attitudni taʼ Għesaw jispikkaw fl-Iskrittura? Hu wera li għalih kien iktar importanti li jissodisfa x-xewqat tal-laħam tiegħu milli jikseb il-barkiet futuri li kienu se jiġu mill-wirt tiegħu. Għesaw m’apprezzax id-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled u milli jidher ma kienx tassew iħobb lil Alla. Iktar minn hekk, Għesaw ma qiesx il-konsegwenzi li l-azzjoni tiegħu kien se jkollha fuq nislu. B’kuntrast, Ġakobb apprezza profondament il-wirt tiegħu. Pereżempju, Ġakobb aġixxa fi qbil mal-istruzzjoni tal-ġenituri tiegħu dwar lil min kellu jieħu b’martu. (Ġen. 27:46–28:3) Minħabba li Ġakobb għamel din l-għażla li kienet teħtieġ paċenzja u sagrifiċċju, hu sar wieħed mill-missirijiet tal-Messija. Alla kif kien iqishom lil Għesaw u lil Ġakobb? Permezz tal-profeta Malakija, Ġeħova qal: “Jien ħabbejt lil Ġakobb, u bgħadt lil Għesaw.”—Mal. 1:2, 3.

11. (a) L-eżempju taʼ Għesaw għala hu rilevanti għalina l-Kristjani? (b) Pawlu għala rrefera għaż-żína meta ddeskriva dak li għamel Għesaw?

11 Huwa dak li tgħid il-Bibbja dwar Għesaw rilevanti għall-Kristjani llum? Tabilħaqq li hu. L-appostlu Pawlu wissa lil sħabu fit-twemmin biex joqogħdu attenti li “ma jkun hemm ebda żieni jew xi ħadd li ma japprezzax l-affarijiet sagri, bħal Għesaw, li għal ikla waħda partat id-drittijiet tiegħu bħala l-ewwel imwieled.” (Ebr. 12:16) Din it-twissija għadha tgħodd għall-Kristjani. Għandna nibqgħu napprezzaw l-affarijiet sagri sabiex ma ningħelbux mix-xewqat tal-laħam u nitilfu l-wirt spiritwali tagħna. Iżda, Pawlu għala rrefera għaż-żína meta ddeskriva dak li għamel Għesaw? Għax jekk naġixxu bħal Għesaw u nħallu x-xewqat tal-laħam jikkontrollawna, se jkun faċli li nikkommettu dnub bħalma hu ż-żína, u minħabba f’hekk nistgħu nitilfu l-wirt tagħna.

ĦEJJI LIL QALBEK ISSA

12. (a) Satana kif jipprova jħajjar lil kull wieħed minna? (b) Semmi eżempji Skritturali li jistgħu jgħinuna meta jkollna nagħmlu għażliet diffiċli.

12 Bħala l-qaddejja taʼ Ġeħova, aħna  nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nevitaw sitwazzjonijiet li jistgħu jħajruna nagħmlu xi ħaġa immorali. U jekk xi ħadd iħajjarna, nitolbu lil Alla Ġeħova biex jgħinna nirreżistu t-tentazzjoni. (Mt. 6:13) Imma Satana l-ħin kollu jipprova jdgħajjef ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova hekk kif nistinkaw biex inżommu l-integrità tagħna f’din id-dinja mħassra moralment. (Efes. 6:12) Bħala l-alla taʼ din is-sistema, ix-Xitan jaf kif għandu juża t-tentazzjonijiet biex iġiegħel lin-nies iċedu għax-xewqat ħżiena tagħhom. (1 Kor. 10:8, 13) Hu qed jipprova jagħmel hekk lil kull wieħed minna. Xi ngħidu jekk tkun f’sitwazzjoni fejn tiġi mħajjar biex tissodisfa x-xewqat tiegħek b’mod ħażin? Liema għażla se tagħmel? Se tkun bħal Għesaw, li malajr ċeda għat-tentazzjoni? Jew se tirreżistiha u taħrab minnha, bħalma għamel Ġużeppi, bin Ġakobb, meta ġie mħajjar mill-mara taʼ Potifar?—Aqra Ġenesi 39:10-12.

13. (a) Illum, ħafna kif aġixxew bħal Ġużeppi, imma xi wħud kif aġixxew bħal Għesaw? (b) X’għandna nagħmlu biex ma naġixxux bħal Għesaw?

13 Ħafna minn ħutna kienu f’sitwazzjonijiet li fihom kellhom jagħżlu bejn li jaġixxu bħal Għesaw jew bħal Ġużeppi. Il-biċċa l-kbira aġixxew b’għaqal u ferrħu qalb Ġeħova. (Prov. 27:11) Madankollu, meta ffaċċjaw xi tentazzjoni, xi wħud minn sħabna fit-twemmin għażlu li jaġixxu bħal Għesaw, u b’hekk irriskjaw il-wirt spiritwali tagħhom. Infatti, ħafna minn dawk li kull sena jiġu mwiddbin jew maqtugħin mis-sħubija, jiġu dixxiplinati għax ikunu kkommettew l-immoralità sesswali. Kemm hu importanti li nħejju lil qalbna issa—qabel ma nsibu ruħna f’sitwazzjonijiet li jittestjaw l-integrità tagħna! (Salm 78:8) Ejja niddiskutu żewġ affarijiet li nistgħu nagħmlu biex nippreparaw lilna nfusna biex nirreżistu t-tentazzjoni u nagħmlu għażliet għaqlin iktar tard.

IRRIFLETTI U PPREPARA

Aħna nippreparaw ruħna biex nirreżistu t-tentazzjoni billi nfittxu l-għerf taʼ Ġeħova

14. Liema mistoqsijiet se jgħinuna biex ‘nistmerru dak li hu ħażin u nżommu sod maʼ dak li hu tajjeb’?

14 L-ewwel pass jinvolvi li nirriflettu dwar il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħna. Iktar ma nħobbu lil Ġeħova, iktar se napprezzaw il-wirt tagħna. Meta nħobbu lil xi ħadd, ma nkunux irridu nweġġgħuh. Minflok, nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex inferrħuh. Ladarba dan hu l-każ, nagħmlu tajjeb li nieħdu ftit ħin biex nirriflettu dwar x’se jkunu l-konsegwenzi tad-dnub għalina u għal oħrajn jekk inċedu għal xewqat tal-laħam mhux nodfa. Għandna nistaqsu lilna nfusna: ‘Il-kondotta egoistika tiegħi kif se teffettwa r-relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova? Id-dnub kif se jeffettwa lill-familja tiegħi? Kif se jeffettwa lil ħuti fil-kongregazzjoni? Il-kondotta tiegħi se tfixkel lil oħrajn?’ (Flp. 1:10) Nistgħu nistaqsu wkoll: ‘Ikun jaqbilli li għal ftit mumenti taʼ pjaċir immorali ngħaddi minn ħafna wġigħ taʼ qalb wara? Irrid verament nispiċċa bħal Għesaw, nibki biki taʼ mrar meta nirrealizza dak li nkun għamilt?’ (Ebr. 12:17) Il-fatt li nirriflettu fuq mistoqsijiet bħal dawn se jgħinna biex ‘nistmerru dak li hu ħażin u nżommu sod maʼ dak li hu tajjeb.’ (Rum. 12:9) Jekk tassew inħobbu lil Ġeħova, se naħdmu iebes biex inżommu sod mal-wirt tagħna.—Salm 73:28.

15. X’se jgħinna nkunu lesti biex nirreżistu kwalunkwe tentazzjoni u nipproteġu r-relazzjoni tagħna m’Alla?

15 It-tieni pass hu li nippreparaw ruħna biex nirreżistu t-tentazzjoni. Ġeħova tana ħafna provvedimenti biex nippreparaw ruħna ħalli nirreżistu t-tentazzjoni  mid-dinja u nipproteġu r-relazzjoni tagħna miegħu. Il-provvedimenti tiegħu jinkludu l-istudju tal-Bibbja, il-laqgħat Kristjani, il-ministeru tal-għalqa, u t-talb. (1 Kor. 15:58) Kull darba li niftħu qalbna maʼ Ġeħova fit-talb u kull darba li naħdmu iebes fil-ministeru, aħna nkunu qed nippreparaw ruħna biex nirreżistu t-tentazzjoni. (Aqra l-1 Timotju 6:12, 19.) Imma biex jirnexxilna, hemm bżonn li nibqgħu nistinkaw biex nagħmlu dawn l-affarijiet. (Gal. 6:7) Dan hu enfasizzat fi Proverbji kapitlu tnejn.

“IBQAʼ FITTEX GĦALIH”

16, 17. X’se jgħinna nagħmlu għażliet għaqlin?

16 Proverbji kapitlu 2 jinkuraġġina biex niksbu l-għerf u l-abbiltà tal-ħsib. Dawn il-kwalitajiet li Ġeħova tana se jgħinuna biex nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin u biex nikkontrollaw ix-xewqat tagħna minflok ma nissodisfawhom b’mod mhux xieraq. Imma nistgħu nagħmlu dan biss jekk aħna lesti li nagħmlu sforz. Il-Bibbja tispjega: “Ibni, jekk tilqaʼ kliemi u taħżen ġo fik bħal teżor il-kmandamenti tiegħi, jekk tagħti widen għall-għerf, u tmejjel qalbek għad-dixxerniment; iktar minn hekk, jekk issejjaħ biex ikollok l-abbiltà li tifhem u tgħajjat lid-dixxerniment, jekk tibqaʼ tfittex għalih bħal fidda, u tibqaʼ tħaffer għalih bħal teżori moħbijin, f’dak il-każ tifhem il-biżaʼ taʼ Ġeħova, u ssib l-għarfien t’Alla. Għax Ġeħova jagħti l-għerf; minn fommu joħorġu l-għarfien u d-dixxerniment.”—Prov. 2:1-6.

17 Jekk nagħmlu dak li hu deskritt f’dawn il-versi, se nkunu kapaċi nagħmlu għażliet tajbin. Nistgħu nirnexxu f’li nżommu sod kontra t-tentazzjonijiet jekk inħallu l-kliem taʼ Ġeħova jsawwar il-persuna ġewwinija tagħna, jekk inkomplu nitolbu għad-direzzjoni t’Alla, u jekk nibqgħu nfittxu l-għarfien t’Alla bħallikieku qed infittxu ħaġar prezzjuż.

18. X’int determinat li tibqaʼ tagħmel, u għala?

18 Ġeħova jagħti għarfien, fehma, dixxerniment, u għerf lil dawk li jagħmlu sforz biex isibuhom. Iktar ma nfittxuhom u nużawhom, iktar se jkollna relazzjoni aħjar m’Alla Ġeħova. Imbagħad ir-relazzjoni intima miegħu se tipproteġina meta niffaċċjaw it-tentazzjoni. Jekk nibqgħu qrib taʼ Ġeħova u nibżgħu minnu, se nagħmlu kulma nistgħu biex nevitaw id-dnub. (Salm 25:14; Ġak. 4:8) Il-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova u l-għerf li jagħtina se jgħinuna nagħmlu għażliet tajbin li jferrħuh u jipproteġu l-wirt tagħna.