Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 BIJOGRAFIJA

L-Ubbidjenza Lejn Ġeħova Ġabitli Ħafna Barkiet

L-Ubbidjenza Lejn Ġeħova Ġabitli Ħafna Barkiet

“X’lezzjoni mill-isbaħ nitgħallmu minn Noè!” spjega missieri. “Noè obda lil Ġeħova u kien iħobb lil familtu, u lkoll salvaw mid-Dilluvju għax il-familja kollha daħlet fl-arka.”

DIN hi waħda mill-ewwel memorji li għandi taʼ missieri, raġel modest u bieżel. Hu kien iħobb ħafna l-ġustizzja, u għalhekk mill-ewwel inġibed lejn il-messaġġ tal-Bibbja meta semgħu fl-1953. Minn dakinhar ’il quddiem, hu għamel ħiltu biex jgħallem lilna t-tfal dak li hu kien qed jitgħallem. Ommi għall-ewwel ma riditx titlaq it-tradizzjonijiet Kattoliċi tagħha. Imma maż-żmien, hi wkoll bdiet taċċetta t-tagħlim tal-Bibbja.

Kien diffiċli għall-ġenituri tiegħi biex jistudjaw magħna. Ommi ma kinitx taf taqra sew u missieri kien jaħdem iebes fl-għelieqi għal sigħat twal. Kultant tant kien ikun għajjien li ma kienx jiflaħhom għajnejh waqt l-istudju. Iżda l-isforzi tiegħu ma kinux għalxejn. Jien kont il-kbira, allura kont ngħin biex ngħallem lil oħti u liż-żewġ ħuti subien. Spiss konna nitkellmu dwar kemm Noè kien iħobb lil familtu u dwar kemm kien ubbidjenti lejn Alla. Kemm kont inħobbu dan ir-rakkont tal-Bibbja! Ma domniex ma konna lkoll qed nattendu l-laqgħat fis-Sala tas-Saltna f’Roseto degli Abruzzi, belt fuq il-kosta Adrijatika tal-Italja.

Kelli biss 11-il sena fl-1955 meta jien u ommi għaddejna minn fuq il-muntanji biex nattendu l-ewwel konvenzjoni tagħna, f’Ruma. Minn dakinhar ’l hawn, jien qist dawn il-laqgħat kbar bħala waħda mill-iktar affarijiet sbieħ fil-ħajja Kristjana.

Is-sena taʼ wara, tgħammidt u ftit wara dħalt fis-servizz full-time. Meta kelli 17-il sena sirt pijuniera speċjali f’Latina, lejn in-Nofsinhar taʼ Ruma u madwar 300 kilometru bogħod mid-dar. Kienet belt pjuttost ġdida, allura ħadd ma kien jinkwieta wisq dwar x’setgħu jaħsbu l-ġirien. Jien u l-oħt pijuniera li kont naqdi magħha konna nieħdu ħafna pjaċir inqassmu bosta letteratura Biblika, imma kemm kont nimmissjaha d-dar, peress li kont għadni ftit żgħira. Xorta waħda, ridt nobdi d-direzzjoni li kont ingħatajt.

Il-ġurnata tat-tieġ tagħna

Iktar tard ġejt inkarigata f’Milan biex ngħin fil-preparazzjonijiet għall-Assemblea Internazzjonali “Aħbar Tajba taʼ Dejjem” li nżammet fl-1963. Matul il-konvenzjoni, jien ħdimt bħala volontiera flimkien maʼ ħafna oħrajn, inkluż  Paolo Piccioli, ħu żagħżugħ minn Firenze. Fit-tieni jum tal-konvenzjoni, hu għamel taħdita kommoventi dwar kif dawk mhux miżżewġin jistgħu jagħmlu iktar fis-servizz taʼ Ġeħova. Niftakarni ngħid bejni u bejn ruħi, ‘Dak il-ħu żgur li qatt mhu se jiżżewweġ.’ Però, bdejna niktbu lil xulxin u ma domniex ma ntbaħna li kellna ħafna affarijiet komuni bejnietna—il-miri tagħna, l-imħabba tagħna għal Ġeħova, u x-xewqa kbira li kellna biex nobduh. Jien u Paolo żżewwiġna fl-1965.

DISKUSSJONIJIET MAL-QASSISIN

Kont pijuniera regulari f’Firenze għal għaxar snin. Kien eċċitanti li nara ż-żieda fil-kongregazzjonijiet, partikularment li nara ż-żgħażagħ jagħmlu progress. Jien u Paolo konna nieħdu pjaċir inqattgħu l-ħin magħhom f’konversazzjonijiet spiritwali kif ukoll fir-rikreazzjoni, li għal Paolo ġeneralment kien ifisser li jilgħab il-futbol. M’għandniex xi ngħidu, kont nieħu gost inqattaʼ l-ħin maʼ żewġi, imma fhimt ukoll li l-familji u ż-żgħażagħ fil-kongregazzjoni kellhom bżonn il-ħin u l-attenzjoni tiegħu.

Għadni nħossni ferħana meta niftakar fil-ħafna studji tal-Bibbja li stajna nikkonduċu. Studju minnhom kien maʼ Adriana, li tkellmet maʼ żewġ familji oħra dwar x’kienet qed titgħallem. Huma ftiehmu biex jiltaqgħu maʼ qassis ħalli jiddiskutu duttrini tal-knisja bħat-Trinità u r-ruħ immortali. Tliet mexxejja tal-knisja ġew għal-laqgħa. Il-mod kif spjegaw it-tagħlim tagħhom xejn ma kien ċar u l-istudenti tal-Bibbja tagħna setgħu faċilment jaraw li dan it-tagħlim ma kienx jaqbel maʼ dak li tgħid il-Bibbja. B’riżultat taʼ din il-laqgħa, 15-il persuna minn dawn il-familji saru Xhieda.

Naturalment, illum il-metodi li nużaw fl-ippritkar huma differenti mhux ħażin. Lura dak iż-żmien, Paolo spiss kien jiltaqaʼ mal-qassisin biex jiddiskutu t-tagħlim tal-Bibbja, u sar tas-sengħa f’li jippreżenta t-twemmin tagħna f’dawn id-diskussjonijiet. Niftakar okkażjoni minnhom meta ltaqgħu quddiem udjenza taʼ wħud li ma kinux Xhieda. Ma domniex ma indunajna li dawn il-qassisin kienu ftiehmu minn qabel biex xi wħud fl-udjenza jistaqsu mistoqsijiet li kienu se jimbarazzaw lil Paolo. Imma l-affarijiet ma żvolġewx kif kienu ppjanaw il-qassisin. Xi ħadd saqsa jekk kienx xieraq li l-knisja tindaħal fil-politika, bħalma għamlet għal sekli sħaħ. F’dak il-waqt, deher ċar li l-qassisin kienu ġew daharhom mal-ħajt. F’daqqa waħda, id-dwal intfew u l-laqgħa ġiet kanċellata. Snin wara sirna nafu li l-qassisin kienu ppjanaw biex xi ħadd jitfi d-dwal jekk il-konversazzjoni ma tkunx kif xtaqu huma.

 INKARIGI ĠODDA

Wara li jien u Paolo konna ilna miżżewġin għaxar snin, ġejna mistidnin naqdu fix-xogħol tas-circuit. Paolo kellu xogħol tajjeb, allura ma kinitx deċiżjoni faċli. Imma wara li tlabna u ħsibna dwarha, iddeċidejna li naċċettaw l-inkarigu. Konna nieħdu pjaċir inqattgħu l-ħin mal-familji li kienu jżommuna magħhom. Filgħaxija, spiss konna nistudjaw bħala grupp, u mbagħad Paolo kien jgħin lit-tfal fil-ħowmwerk, speċjalment fil-matematika. Barra minn hekk, Paolo kien iħobb jaqra ħafna u b’entużjażmu kien jaqsam m’oħrajn affarijiet interessanti u inkuraġġanti li jkun qara. Nhar taʼ Tnejn, spiss konna mmorru nippritkaw fi bliet fejn ma kienx hemm Xhieda, u konna nistiednu lin-nies għal taħdita pjanata għal dik il-lejla.

Konna nieħdu pjaċir inqattgħu l-ħin maż-żgħażagħ, li għal Paolo ġeneralment kien ifisser li jilgħab il-futbol

Wara sentejn biss fix-xogħol tas-circuit, ġejna mistidnin naqdu fil-Betel taʼ Ruma. Paolo kien jaħdem fid-Dipartiment Legali, u jien ġejt inkarigata fid-Dipartiment tar-Rivisti. Din ma kinitx bidla faċli għalina, imma konna determinati li nkunu ubbidjenti. Kien eċċitanti li naraw li fil-fergħa kien qed isir iktar u iktar xogħol u li l-għadd tal-aħwa fl-Italja kien qed jiżdied daqstant. Ukoll, matul dak iż-żmien, ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Italja ġew rikonoxxuti legalment. Konna ferħanin ħafna fl-inkarigu ġdid tagħna.

Paolo kien iħobb xogħlu f’Betel

Fil-bidu tas-snin 80, waqt li konna qed naqdu Betel, każ legali fl-Italja sar magħruf ħafna. Koppja li kienu Xhieda ġew akkużati li kienu l-kaġun tal-mewt taʼ binthom minħabba li ma ħallewhiex tieħu trasfużjoni tad-demm. Din l-akkuża kienet falza. Fir-realtà, hi mietet minħabba marda serja fid-demm li kienet komuni fl-Italja u pajjiżi oħrajn fil-viċin. Aħwa fil-familja Betel għenu lill-avukati li rrappreżentaw lill-ġenituri. Fuljett u edizzjoni speċjali taʼ Stenbaħ! ġew stampati u ngħataw lin-nies biex isiru jafu l-verità dwar din is-sitwazzjoni u biex jgħinuhom jifhmu x’tgħid il-Bibbja dwar id-demm. Matul dawn ix-xhur, Paolo spiss kien jaħdem sa 16-il siegħa kuljum mingħajr ma jieqaf. Għamilt l-almu tiegħi biex nappoġġah matul dak iż-żmien.

BIDLA OĦRA F’ĦAJJITNA

Konna ilna miżżewġin 20 sena meta ġrat xi ħaġa li ma konniex qed nistennewha. Jien kelli 41 sena u Paolo kellu 49 sena meta għedtlu li ħsibt li kont tqila. Fid-djarju tiegħu, sibt li dakinhar kien kiteb hekk: “Talba: Jekk inhu veru, għinna biex nibqgħu fis-servizz full-time, biex ma nintelqux spiritwalment, u għinna biex inkunu ġenituri tajbin bl-eżempju tagħna. Fuq kollox, għinni nagħmel fil-prattika mqar wieħed fil-mija minn dak kollu li għedt minn fuq il-platform f’dawn l-aħħar 30 sena.”  Meta naħseb dwar dan issa, nistaʼ nara li Ġeħova verament wieġeb it-talba taʼ Paolo u tiegħi wkoll.

It-twelid taʼ Ilaria ġab bidliet kbar ħafna f’ħajjitna. Biex inkun onesta, kellna mumenti taʼ skuraġġiment, bħalma jissemma fi Proverbji 24:10: “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-hemm? Ma tantx se jkollok qawwa.” Imma aħna komplejna nappoġġaw lil xulxin.

Illum, Ilaria spiss tgħid li hi ferħana li l-ġenituri tagħha kellhom ħafna x’jagħmlu fis-servizz full-time hi u tikber. Hi qatt ma ħassitha ttraskurata; trabbiet f’familja normali għall-aħħar. Matul il-ġurnata, jien kont inkun magħha. Filgħaxija meta Paolo kien jiġi lura d-dar, spiss kien ikollu xi xogħol xi jlesti; però, hu kien iqattaʼ l-ħin magħha, jilgħab u jgħinha fil-ħowmwerk. Dan kien jagħmlu avolja kien ifisser li forsi kien jibqaʼ mqajjem sas-sagħtejn jew sat-tlieta taʼ filgħodu biex ilesti xogħlu stess. Ilaria spiss kienet tgħid, “Il-papà l-aqwa ħabib tiegħi.”

Kif tistaʼ timmaġina, kellna bżonn inkunu konsistenti—u kultant sodi—biex ngħinu lil Ilaria tibqaʼ fit-triq it-tajba. Niftakar darba minnhom kienet qed tilgħab maʼ ħabiba tagħha u ma ġabitx ruħha sew. Spjegajnielha mill-Bibbja għala m’għandhiex iġġib ruħha hekk. Ukoll, qabbadnieha tiskuża ruħha maʼ ħabibitha quddiemna.

Ilaria tgħid li l-imħabba tal-ġenituri tagħha għall-ministeru għenitha biex hi wkoll issir tħobb il-ministeru. Issa li hi miżżewġa, hi tifhem saħansitra iktar bis-sħiħ kemm hu importanti li tobdi lil Ġeħova u ssegwi l-gwida tiegħu.

UBBIDJENTI ANKI FI ŻMINIJIET TAʼ NIKET

Fl-2008, Paolo sar jaf li għandu l-kanċer. Għall-ewwel deher li Paolo kien se jirnexxilu jfiq mill-marda, u hu inkuraġġieni ħafna. Minbarra li fittixna l-aqwa pariri mediċi disponibbli, flimkien maʼ Ilaria tlabna ħafna lil Ġeħova u staqsejnieh għall-għajnuna tiegħu biex niffaċċjaw il-futur. Xorta waħda, rajt raġel li darba kien tant b’saħħtu u mimli enerġija bil-mod il-mod jiddgħajjef. Il-mewt tiegħu fl-2010 kienet taʼ wġigħ kbir għalija. Imma nħossni mfarrġa meta naħseb dwar dak kollu li rnexxielna nwettqu matul il-45 sena li konna miżżewġin. Lil Ġeħova tajnieh l-aħjar tagħna. Naf li xogħolna se jkollu valur dejjiemi. U jien ħerqana għaż-żmien meta Paolo se jiġi rxoxtat, fi qbil mal-kliem taʼ Ġesù fi Ġwanni 5:28, 29.

“Fil-fond taʼ qalbi, għadni dik it-tifla ċkejkna li tant tħobb l-istorja taʼ Noè. Id-determinazzjoni tiegħi ma nbidlitx”

Fil-fond taʼ qalbi, għadni dik it-tifla ċkejkna li tant tħobb l-istorja taʼ Noè. Id-determinazzjoni tiegħi ma nbidlitx. Irrid nobdi lil Ġeħova jitlob x’jitlob mingħandi. Jien ċerta li kwalunkwe xkiel, sagrifiċċju, jew telfa hi żgħira meta mqabbla mal-barkiet meraviljużi li l-Alla tagħna kollu mħabba jagħtina. F’ħajti rajt li dejjem jaqbillek tobdi lil Ġeħova.