Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova ‘Kuljum Iġorr it-Tagħbija Għalija’

Ġeħova ‘Kuljum Iġorr it-Tagħbija Għalija’

Minkejja li għandi problemi taʼ saħħa serji li setgħu dehru insapportabbli, matul ħajti ħassejt l-appoġġ kollu mħabba tal-għażiż Missierna tas-sema. U għal iktar minn 20 sena sibt ferħ speċjali f’li naqdi lil Ġeħova bħala pijuniera.

Twelidt fl-1956 bl-ispina bifida. Minħabba li t-tubu tan-nervituri fis-sinsla taʼ dahri m’għalaqx għalkollox, il-ħsara li saritli fin-nervituri għamlithieli diffiċli biex nimxi u kkaġunatli problemi taʼ saħħa oħrajn serji.

Ftit qabel twelidt, xi missjunarji tax-Xhieda taʼ Ġeħova bdew jistudjaw il-Bibbja mal-ġenituri tiegħi. Fi tfuliti kienu joqogħdu biss ftit pubblikaturi mxerrdin ’l hawn u ’l hemm f’Usakos, il-post fejn kont noqgħod fin-Namibja. Għalhekk, aħna konna nistudjaw il-materjal għal-laqgħat tal-kongregazzjoni bħala familja. Meta kelli sebaʼ snin, għamilt operazzjoni li permezz tagħha saritli fetħa artifiċjali f’ġismi biex inkun nistaʼ nagħmel l-awrina. T’erbatax-il sena bdejt inbati bl-epilessija. Minħabba li l-eqreb skola sekondarja kienet ’il bogħod u kelli bżonn għajnuna speċjali mingħand il-ġenituri tiegħi, ma stajtx inkompli l-iskola.

Minkejja dan, iddeċidejt li nsaħħaħ lili nnifsi spiritwalment. Ħafna mill-pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna ma kinux għadhom disponibbli bl-Afrikaans, il-lingwa tiegħi. Allura tgħallimt naqra l-Ingliż sabiex nistudja ftit mill-kotba tagħna. Sirt pubblikatriċi tas-Saltna u tgħammidt taʼ 19-il sena. Matul l-erbaʼ snin taʼ wara, kelli ħafna problemi taʼ saħħa u diffikultajiet emozzjonali. Iktar minn hekk, fil-komunità tiegħi fejn kulħadd kien jaf lil xulxin, il-biżaʼ mill-bniedem ma ħallinix ikolli sehem żeluż fil-ministeru.

Meta kelli ftit iktar minn 20 sena, min-Namibja l-familja tagħna marret toqgħod fl-Afrika t’Isfel, u għall-ewwel darba stajt nassoċja maʼ kongregazzjoni. Kemm kienet xi ħaġa sabiħa! Madankollu, kelli nagħmel operazzjoni oħra—did-darba kellha ssirli fetħa artifiċjali biex inkun nistaʼ nipporga.

Xi żmien wara dan, kont smajt lil indokratur tas-circuit jitkellem fuq ix-xogħol tal-pijunier. Dak li qal niżel f’qalbi. Kont naf li kelli saħħa batuta, iżda kont rajt kif Ġeħova għenni f’ħafna diffikultajiet. Allura applikajt biex naqdi bħala pijuniera regulari. Madankollu, minħabba l-problemi taʼ saħħa li kelli, l-anzjani ħasbuha darbtejn biex japprovaw l-applikazzjoni tiegħi.

Xorta waħda, iddeċidejt li nagħmel dak kollu li stajt fil-ministeru. Bl-għajnuna t’ommi u oħrajn stajt nagħmel is-sigħat taʼ pijunier għal perijodu taʼ sitt xhur. Dan wera d-determinazzjoni tiegħi biex inkun pijuniera, kif ukoll li l-problemi taʼ saħħa li kelli stajt nikkontrollahom. Erġajt applikajt, u did-darba l-applikazzjoni tiegħi ġiet approvata. Fl-1 taʼ Settembru, 1988, sirt pijuniera regulari.

Bħala pijuniera, dejjem esperjenzajt l-appoġġ taʼ Ġeħova. Il-fatt li kont ngħallem il-verità lil uħud ġodda minflok niffoka fuq is-sitwazzjoni tiegħi stess ipproteġieni, saħħaħni, u għenni nikber spiritwalment. Kont ferħana immens li stajt ngħin lil ħafna wħud jiddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova u jitgħammdu.

Saħħti għadha instabbli. Imma Ġeħova ‘kuljum iġorr it-tagħbija għalija.’ (Salm 68:19) Hu mhux biss jgħinni nissaporti l-kwalità taʼ ħajja li għandi imma wkoll jgħinni nsib il-ferħ f’li ngħix.