Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-Tfakkiriet ta’ Ġeħova Huma ta’ Min Jafdahom

It-Tfakkiriet ta’ Ġeħova Huma ta’ Min Jafdahom

“It-tfakkira taʼ Ġeħova taʼ min jafdaha, u tagħti l-għerf lil min hu bla esperjenza.”—SALM 19:7.

1. Liema suġġetti spiss nistudjaw fil-laqgħat tagħna, u studju regulari taʼ dawn is-suġġetti kif jgħinna?

WAQT li tkun qed tipprepara l-Istudju tat-Torri tal-Għassa, ġieli ħsibt, ‘Qisna diġà studjajnieh dan is-suġġett’? Jekk ilek xi żmien tattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova, x’aktarx li nnotajt li xi suġġetti jiġu kunsidrati darba wara l-oħra. Spiss nistudjaw dwar is-Saltna t’Alla, il-fidwa, ix-xogħol tal-ippritkar, u kwalitajiet bħall-imħabba u l-fidi. Studju regulari taʼ dawn is-suġġetti jżomm il-fidi tagħna b’saħħitha u jgħinna ‘nagħmlu l-kelma, u mhux nisimgħuha biss.’—Ġak. 1:22.

2. (a) It-tfakkiriet t’Alla spiss għal xiex jirreferu? (b) Il-liġijiet taʼ Ġeħova kif inhuma differenti mil-liġijiet umani?

2 In-nom Ebrajk tradott “tfakkira” spiss jirreferi għal liġijiet, kmandi, u regoli li Alla jagħti lill-poplu tiegħu. Kuntrarju għal-liġijiet umani, li spiss ikollhom jitbiddlu jew jiġu aġġornati, il-liġijiet u r-regoli taʼ Ġeħova dejjem huma taʼ min jafdahom. Huwa minnu li Alla ta xi liġijiet fil-passat li l-poplu tiegħu llum m’għadx għandu għalfejn isegwihom. Imma dan mhuwiex għax dawn il-liġijiet kellhom xi ħaġa ħażina. Is-salmista qal: “Is-sewwa tat-tfakkiriet tiegħek jibqaʼ għal dejjem.”—Salm 119:144.

3, 4. (a) X’jistgħu jinkludu t-tfakkiriet taʼ Ġeħova? (b) L-Iżraelin kif kienu se jibbenefikaw kieku obdewhom?

3 Int għandek mnejn innotajt li t-tfakkiriet taʼ Ġeħova kultant inkludew messaġġi taʼ twissija. Il-ġens t’Iżrael spiss kien jingħata twissijiet permezz tal-profeti t’Alla. Pereżempju, ftit qabel ma l-Iżraelin daħlu fl-Art Imwiegħda, Mosè wissiehom: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li ma tmurx qalbkom titħajjar, u dduru u tqimu allat oħrajn u tmilu quddiemhom, u r-rabja taʼ Ġeħova tixgħel kontrikom.”  (Dt. 11:16, 17) Il-Bibbja turi li Alla ta lill-poplu tiegħu bosta tfakkiriet t’għajnuna.

4 F’ħafna okkażjonijiet oħra, Ġeħova ħeġġeġ lill-Iżraelin biex jibżgħu minnu, jisimgħu minn leħnu, u jqaddsu lil ismu. (Dt. 4:29-31; 5:28, 29) Kieku obdew dawn it-tfakkiriet, żgur li kienu se jgawdu ħafna barkiet.—Lev. 26:3-6; Dt. 28:1-4.

KIF IŻRAEL IRREAĠIXXA GĦAT-TFAKKIRIET T’ALLA

5. Ġeħova għala ġġieled għas-Sultan Ħeżekija?

5 Matul l-istorja tal-Iżraelin, Alla dejjem żamm il-wegħda tiegħu magħhom. Pereżempju, meta s-sultan Assirjan Sennakerib invada lil Ġuda u hedded lis-Sultan Ħeżekija, Ġeħova bagħat anġlu biex jgħin lill-poplu Tiegħu. F’lejl wieħed biss, l-anġlu t’Alla qered “kull raġel qalbieni u setgħan” fl-armata Assirjana, u Sennakerib ġie sforzat imur lura pajjiżu umiljat. (2 Kron. 32:21; 2 Slat. 19:35) Alla għala ġġieled għas-Sultan Ħeżekija? Għax Ħeżekija “baqaʼ mqabbad maʼ Ġeħova. Ma warrabx minn warajh, imma kompla jħares il-kmandamenti” tiegħu.—2 Slat. 18:1, 5, 6.

Ġosija semaʼ t-tfakkiriet taʼ Ġeħova u għen lin-nies biex jerġgħu jqimu lil Ġeħova (Ara paragrafu 6)

6. Is-Sultan Ġosija kif wera li kellu fiduċja f’Ġeħova?

6 Eżempju ieħor taʼ xi ħadd li obda l-kmandi taʼ Ġeħova hu s-Sultan Ġosija. Minn meta kellu biss tmien snin “għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova . . . u ma żvijax lejn il-lemin jew lejn ix-xellug.” (2 Kron. 34:1, 2) Ġosija wera l-fiduċja tiegħu f’Ġeħova billi naddaf l-art mill-idoli u billi ġedded il-qima vera. Minħabba li Ġosija għamel dawn l-affarijiet, Ġeħova ma berikx biss lilu imma wkoll lill-ġens kollu kemm hu.—Aqra t-2 Kronaki 34:31-33.

7. X’ġara meta l-Iżraelin m’obdewx lil Ġeħova?

7 Madankollu, b’dispjaċir il-poplu t’Alla mhux dejjem fada kompletament fit-tfakkiriet taʼ Ġeħova. Matul is-sekli, huma m’obdewx lil Ġeħova bosta drabi. Meta l-fidi tagħhom kienet dgħajfa, oħrajn faċilment influwenzawhom biex iqimu lil allat foloz. (Efes. 4:13, 14) U bħalma Alla kien wissiehom, meta ma fdawx fih, huma batew.—Lev. 26:23-25; Ġer. 5:23-25.

8. Kif nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tal-Iżraelin?

8 B’liema mod nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju tal-Iżraelin? Bħalma ngħataw huma, il-qaddejja t’Alla llum jingħataw  pariri u dixxiplina. (2 Pt. 1:12) Il-Kelma ispirata t’Alla tistaʼ sservi bħala tfakkira għalina kull darba li naqrawha. U Ġeħova jħallina nagħżlu jekk nobdux il-kmandi tiegħu jew jekk nagħmlux biss dak li jidher sew f’għajnejna. (Prov. 14:12) Ejja nikkunsidraw xi raġunijiet għala nistgħu npoġġu l-fiduċja tagħna fit-tfakkiriet taʼ Ġeħova u kif nibbenefikaw billi nobduhom.

OBDI LIL ALLA U TGĦIX

9. Meta l-Iżraelin kienu fix-xagħri, Ġeħova kif aċċertahom li kien qed jappoġġahom?

9 Meta l-Iżraelin bdew il-vjaġġ tagħhom t’40 sena fix-xagħri, Ġeħova ma tahomx dettalji speċifiċi minn qabel dwar kif kien se jidderiġihom, jipproteġihom, u jieħu ħsiebhom. Xorta waħda, hu darba wara l-oħra wera li setgħu jafdaw fih u fl-istruzzjonijiet tiegħu. Permezz taʼ kolonna tas-sħab bi nhar u waħda tan-nar bil-lejl, Ġeħova fakkar lill-Iżraelin li hu kien qed jappoġġahom fil-vjaġġ diffiċli tagħhom. (Dt. 1:19; Eżo. 40:36-38) Hu pprovdielhom ukoll il-bżonnijiet bażiċi tagħhom. ‘Ilbieshom ma qdiemx, u saqajhom ma ntefħulhomx.’ Tabilħaqq, “ma kien jonqoshom xejn.”—Neħ. 9:19-21.

10. Ġeħova kif qed jiggwida lill-poplu tiegħu llum?

10 Il-qaddejja t’Alla llum dalwaqt se jkunu f’dinja ġdida taʼ ġustizzja. Għandna fiduċja aħna li Ġeħova se jagħtina dak li neħtieġu biex insalvaw mit-“tribulazzjoni kbira” li riesqa? (Mt. 24:21, 22; Salm 119:40, 41) Huwa minnu li Ġeħova ma taniex kolonna tas-sħab jew waħda tan-nar biex tiggwidana għal ġod-dinja l-ġdida. Imma qed juża l-organizzazzjoni tiegħu biex jgħinna nibqgħu għassa. Pereżempju, aħna ġejna mħeġġin insaħħu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova billi naqraw il-Bibbja, ikollna lejla tal-Qima tal-Familja, kif ukoll billi regolarment nattendu l-laqgħat u noħorġu fil-ministeru. Għamilna aħna aġġustamenti f’ħajjitna biex inkunu nistgħu nsegwu dawn l-istruzzjonijiet? Jekk nagħmlu dan se niġu megħjunin ikollna l-fidi soda li neħtieġu biex ngħaddu ħajjin għal ġod-dinja l-ġdida.

Meta nagħtu widen għat-tfakkiriet taʼ Ġeħova niġu megħjunin inżommu s-Sala tas-Saltna tagħna bla periklu (Ara paragrafu 11)

11. Liema huma xi modi kif Alla juri li jimpurtah mis-saħħa u l-ferħ tagħna?

11 Minbarra li jgħinuna nibqgħu mqajmin spiritwalment, id-direzzjonijiet li ngħatajna jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin fil-ħajja tagħna taʼ kuljum. Pereżempju, ġejna mħeġġin inżommu ħarsa bilanċjata lejn l-affarijiet materjali u nżommu għajn sempliċi biex innaqqsu l-ansjetà. Ibbenefikajna wkoll mill-gwida dwar l-ilbies u d-dehra tagħna, l-għażla taʼ divertiment xieraq, u l-ammont t’edukazzjoni li għandna nieħdu. U aħseb fit-tfakkiriet li jgħinuna nkunu fis-sigurtà f’darna, fil-karozzi tagħna, u fis-Swali tas-Saltna u li jgħinuna nkunu preparati għall-emerġenzi. Dawn il-pariri kollha juru li Alla jimpurtah mis-saħħa u l-ferħ tagħna.

IT-TFAKKIRIET GĦENU LILL-KRISTJANI TAL-BIDU JIBQGĦU LEALI

12. (a) Ġesù dwar liema suġġett ripetutament kellem lid-dixxipli tiegħu? (b) Liema lezzjoni t’umiltà qatt ma nesa Pietru, u kif għandha teffettwana?

12 Fl-ewwel seklu, il-poplu t’Alla ngħata tfakkiriet regulari. Ġesù ripetutament kellem lid-dixxipli tiegħu dwar il-bżonn li jikkultivaw l-umiltà. Però, hu għamel iktar milli sempliċement qal lid-dixxipli tiegħu xi jfisser li tkun umli—hu wriehom kif. Fl-aħħar jum tiegħu fuq l-art bħala bniedem, Ġesù ġabar lill-appostli flimkien għall-Qbiż. Waqt li l-appostli tiegħu kienu qed jieklu, Ġesù qam minn fuq il-mejda u ħaslilhom  saqajhom—xi ħaġa li s-soltu kienet issir minn ilsir. (Ġw. 13:1-17) Dak li għamel Ġesù f’dik il-lejla għallem lill-appostli lezzjoni qawwija li qatt ma nsew. Xi 30 sena wara, l-appostlu Pietru, li kien hemmhekk f’dik l-ikla, ta lil sħabu fit-twemmin parir dwar l-umiltà. (1 Pt. 5:5) L-eżempju taʼ Ġesù għandu jqanqalna lkoll inkunu umli meta nittrattaw maʼ xulxin.—Flp. 2:5-8.

13. Ġesù fakkar lid-dixxipli tiegħu dwar il-bżonn li jiżviluppaw liema kwalità importanti ferm?

13 Il-bżonn għal fidi soda kien suġġett ieħor li Ġesù spiss iddiskuta mad-dixxipli tiegħu. Wara li ma rnexxilhomx ifejqu lil tifel li kien maħkum minn demonju, id-dixxipli saqsew lil Ġesù: “Għala ma stajniex inkeċċuh?” Ġesù wieġeb: “Minħabba l-fidi żgħira tagħkom. Għax tassew ngħidilkom, Jekk ikollkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, . . . xejn ma jkun impossibbli għalikom.” (Mt. 17:14-20) Matul il-ministeru taʼ Ġesù, hu għallem lid-dixxipli tiegħu li l-fidi hi kwalità importanti ferm. (Aqra Mattew 21:18-22.) Qegħdin aħna nieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet disponibbli għalina biex insaħħu l-fidi tagħna permezz tal-istruzzjoni inkuraġġanti li ningħataw fil-konvenzjonijiet, l-assembleat, u l-laqgħat Kristjani? Dawn mhumiex biss laqgħat taʼ ferħ; huma okkażjonijiet biex nuru fiduċja f’Ġeħova.

14. Għala hu importanti li nikkultivaw imħabba bħal taʼ Kristu llum?

14 L-Iskrittura Griega Kristjana hi mimlija tfakkiriet għalina biex nuru mħabba lejn xulxin. Ġesù qal li t-tieni l-akbar kmandament hu li ‘tħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ (Mt. 22:39) B’mod simili, Ġakbu, ħu Ġesù mill-omm, sejjaħ l-imħabba “l-liġi nobbli.” (Ġak. 2:8) L-appostlu Ġwanni kiteb: “Maħbubin, m’iniex qed niktbilkom kmandament ġdid, imma kmandament qadim li ngħatajtu sa mill-bidu.” (1 Ġw. 2:7, 8) Ġwanni għal xiex kien qed jirreferi bħala l-“kmandament qadim”? Kien qed jirreferi għall-kmand biex inħobbu. Kien “qadim” fis-sens li Ġesù kien ta dan il-kmand għaxriet taʼ snin qabel, “sa mill-bidu.” Imma dan il-kmand kien “ġdid” ukoll għax id-dixxipli iktar tard kien se jkollhom juru mħabba mhix egoistika f’sitwazzjonijiet ġodda. Bħala dixxipli taʼ Kristu, napprezzaw aħna twissijiet li jgħinuna ngħassu kontra li niżviluppaw l-attitudni egoistika li hi tant komuni fid-dinja u li tistaʼ teqred l-imħabba tagħna għall-proxxmu?

15. X’kien ix-xogħol ewlieni taʼ Ġesù fuq l-art?

 15 Ġesù wera interess persunali fin-nies. Naraw l-interess kollu mħabba tiegħu meta fejjaq il-morda u meta rxoxta l-mejtin. Madankollu, ix-xogħol ewlieni taʼ Ġesù ma kienx li jfejjaq lin-nies fiżikament. L-ippritkar u t-tagħlim tiegħu kellhom impatt ħafna iktar dejjiemi fuq il-ħajja tan-nies. Kif? Pereżempju, nafu li dawk li Ġesù fejjaq u rxoxta fl-ewwel seklu eventwalment xjaħu u mietu, filwaqt li dawk li laqgħu l-messaġġ li pprietka kellhom l-opportunità li jgawdu l-ħajja taʼ dejjem.—Ġw. 11:25, 26.

16. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova llum kif qed jobdu l-kmand taʼ Ġesù biex jagħmlu dixxipli?

16 Ġesù kkmanda lid-dixxipli tiegħu: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.” (Mt. 28:19) Il-Kristjani fl-ewwel seklu komplew ix-xogħol li beda Ġesù u aħna llum nippritkaw lil iktar nies f’iktar postijiet minn qatt qabel. Iktar minn sebaʼ miljun Xhud taʼ Ġeħova qed ixandru s-Saltna t’Alla b’mod żeluż f’iktar minn 230 pajjiż, u x-Xhieda regolarment jistudjaw il-Bibbja maʼ miljuni taʼ nies. Dan l-ippritkar juri li qed ngħixu fl-aħħar jiem.

AFDA F’ĠEĦOVA LLUM

17. Liema pariri taw Pawlu u Pietru?

17 B’mod ċar, it-tfakkiriet għenu lill-Kristjani tal-bidu biex jibqgħu sodi fil-fidi. Immaġina l-inkuraġġiment li Timotju żgur ħass meta l-appostlu Pawlu, li dak iż-żmien kien priġunier f’Ruma, qallu: “Ibqaʼ żomm il-mudell taʼ kliem mimli saħħa li smajt mingħandi.” (2 Tim. 1:13) Wara li ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu biex irawmu kwalitajiet bħas-sabar, l-affezzjoni lejn l-aħwa, u r-rażan, l-appostlu Pietru qal: “Inkun dejjem lest li nfakkarkom f’dawn l-affarijiet, għalkemm tafuhom u intom stabbiliti sew fil-verità.”—2 Pt. 1:5-8, 12.

18. Il-Kristjani tal-ewwel seklu kif kienu jqisu t-tfakkiriet?

18 Iva, l-ittri li kitbu Pawlu u Pietru kien fihom “dak li ngħad qabel mill-profeti mqaddsa.” (2 Pt. 3:2) Imma rrabjaw ħutna tal-ewwel seklu meta ngħataw direzzjoni bħal din? Le. Kienu jafu li Alla kien qed jagħtihom din id-direzzjoni għax kien iħobbhom u ried jgħinhom jibqgħu leali.—2 Pt. 3:18.

19, 20. Għala għandna nafdaw it-tfakkiriet taʼ Ġeħova, u kif nibbenefikaw meta nagħmlu dan?

19 Illum, aħna għandna bosta raġunijiet biex ikollna fiduċja fit-tfakkiriet taʼ Ġeħova, li jinsabu fil-Kelma infallibbli tiegħu, il-Bibbja. (Aqra Ġożwè 23:14.) Fil-paġni tagħha, insibu kif Alla ttratta mal-bnedmin imperfetti matul eluf taʼ snin. Dan ir-rakkont storiku tniżżel bil-miktub għall-benefiċċju tagħna. (Rum. 15:4; 1 Kor. 10:11) Aħna rajna t-twettiq taʼ profeziji Bibliċi. Il-profeziji jistgħu jitqabblu maʼ tfakkiriet li jintqalu bil-quddiem. Pereżempju, miljuni taʼ nies saru aduraturi taʼ Ġeħova, bħalma ġie profetizzat li se jiġri “fl-aħħar parti tal-jiem.” (Is. 2:2, 3) Il-kundizzjonijiet tad-dinja li dejjem sejrin għall-agħar ukoll iwettqu profeziji Bibliċi. U, bħalma diġà ssemma, ix-xogħol tal-ippritkar mad-dinja kollha qed iwettaq direttament il-kliem taʼ Ġesù.—Mt. 24:14.

20 Matul is-sekli, il-Ħallieq tagħna wera b’mod ċar li nistgħu nafdaw fih. Qegħdin aħna nibbenefikaw mit-tfakkiriet tiegħu? Oħt jisimha Rosellen tgħid: ‘Hekk kif bdejt nafda kompletament f’Ġeħova, bdejt nara iktar ċar kif bi mħabba kien qed jappoġġani u jsaħħaħni.’ Aħna wkoll nistgħu nibbenefikaw jekk nagħtu kas it-tfakkiriet taʼ Ġeħova.