Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Ġesù għala qabiżlu d-dmugħ qabel irxoxta lil Lazzru, bħalma hu deskritt fi Ġwanni 11:35?

Meta xi ħadd li nħobbu jmut, b’mod naturali nibku minħabba li se nimmissjawh. Għalkemm Ġesù kellu affezzjoni għal Lazzru, ma qabiżlux id-dmugħ minħabba li Lazzru miet. Hu beka għax tħassar lill-familja u l-ħbieb taʼ Lazzru, bħalma juri l-kuntest tar-rakkont taʼ Ġwanni.—Ġw. 11:36.

Meta Ġesù semaʼ għall-ewwel darba li Lazzru kien marid, m’għaġġilx imur ħdejn Lazzru biex ifejqu. Ir-rakkont jgħid: “Meta [Ġesù] semaʼ li [Lazzru] kien marid, baqaʼ jumejn oħra fil-post fejn kien.” (Ġw. 11:6) Ġesù għala ma marx mill-ewwel? Hu kellu skop għal dan. Hu qal: “Din mhix marda li twassal għall-mewt, imma hi għall-glorja t’Alla, sabiex permezz tagħha l-Iben t’Alla jiġi glorifikat.” (Ġw. 11:4) Għaldaqstant, Ġesù kien biħsiebu juża l-mewt taʼ Lazzru “għall-glorja t’Alla.” Kif? Ġesù dalwaqt kien se jagħmel miraklu spettakolari billi jqajjem lill-ħabib għażiż tiegħu mill-qabar.

Fid-diskussjoni li kellu mad-dixxipli tiegħu f’din l-okkażjoni, Ġesù qabbel il-mewt mal-irqad. Kien għalhekk li qalilhom li kien ‘se jmur iqajjem lil Lazzru mill-irqad.’ (Ġw. 11:11) Għal Ġesù, li jqajjem lil Lazzru mill-mewt kien se jkun bħal meta ġenitur iqajjem lil ibnu minn nagħsa. Allura ma kellux għalfejn jitnikket dwar il-mewt taʼ Lazzru.

Allura, x’qanqal lil Ġesù biex jaqbiżlu d-dmugħ? Għal darb’oħra, il-kuntest jagħtina t-tweġiba. Meta Ġesù ltaqaʼ maʼ Marija oħt Lazzru u ra lilha u lil oħrajn jibku, hu “karab fl-ispirtu tiegħu u tnikket.” Meta ra l-uġigħ tagħhom, Ġesù ddispjaċieh sal-punt li “karab fl-ispirtu.” Kien għalhekk li “Ġesù qabiżlu d-dmugħ.” Ġesù tnikket ħafna meta ra lil ħbiebu l-għeżież mifnijin bin-niket.—Ġw. 11:33, 35.

Dan ir-rakkont juri li Ġesù għandu l-qawwa u l-abbiltà li jġib il-maħbubin tagħna lura għall-ħajja u jagħtihom is-saħħa fid-dinja l-ġdida li ġejja. Barra minn hekk, jgħinna napprezzaw li Ġesù jħoss għal dawk li tilfu lil xi ħadd maħbub fil-mewt. Lezzjoni oħra li nistgħu nitgħallmu minn dan ir-rakkont hi li għandna nagħdru lil dawk li qed jitnikktu minħabba l-mewt taʼ dawk li jħobbu.

Ġesù kien jaf li kien se jirxoxta lil Lazzru. Minkejja dan, qabiżlu d-dmugħ, minħabba li tqanqal mill-imħabba u l-mogħdrija profonda li kellu għal ħbiebu. Bl-istess mod, l-empatija tagħna tistaʼ tqanqalna ‘nibku maʼ min jibki.’ (Rum. 12:15) Meta individwu jesprimi niket bħal dan ma jfissirx li jkollu nuqqas taʼ fidi fit-tama tal-irxoxt. Mela kemm hu xieraq li Ġesù ta eżempju f’li juri simpatija għall-familja u l-ħbieb taʼ Lazzru billi b’sinċerità beka avolja dalwaqt kien se jqajjem lil Lazzru.