Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova—Dak li jipprovdilna u jipproteġina

Ġeħova—Dak li jipprovdilna u jipproteġina

“Talli wrieni l-affezzjoni tiegħu, jien neħilsu. Nipproteġih għax sar jaf ismi.”—SALM 91:14.

1, 2. X’differenzi għandna fiċ-ċirkustanzi tal-familja u fil-mod kif ħadna l-verità?

ĠEĦOVA ħalaq l-arranġament tal-familja. (Efes. 3:14, 15) Madankollu, anki jekk niġu mill-istess familja, ilkoll għandna personalitajiet u ċirkustanzi differenti. Xi wħud trabbew mal-ġenituri tagħhom. Oħrajn għandu mnejn tilfu fil-mewt lill-ġenituri tagħhom, forsi minħabba xi marda, xi aċċident, jew xi traġedja oħra. Jerġaʼ oħrajn lanqas biss jafu min huma l-ġenituri tagħhom.

2 Ilkoll kemm aħna membri tal-familja t’aduraturi taʼ Ġeħova u ħadna l-verità b’modi differenti. Forsi, bħalma jgħidu xi wħud, int ‘trabbejt fil-verità,’ u l-ġenituri tiegħek daħħlu sew f’qalbek prinċipji divini. (Dt. 6:6, 7) Jew forsi int wieħed mill-eluf li tgħallmu l-verità permezz tax-xogħol tal-ippritkar taʼ qaddejja oħra taʼ Ġeħova.—Rum. 10:13-15; 1 Tim. 2:3, 4.

3. X’hemm komuni bejnietna lkoll?

3 Minkejja l-fatturi li għadna kif semmejna, ilkoll kemm aħna għandna xi ħaġa komuni bejnietna. Insofru l-konsegwenzi tad-diżubbidjenza t’Adam u wrietna l-imperfezzjoni, id-dnub, u l-mewt. (Rum. 5:12) Xorta waħda, bħala aduraturi  veri, nistgħu nsejħu lil Ġeħova “Missierna.” Fi żmien il-qedem, il-poplu magħżul taʼ Ġeħova setaʼ jgħid il-kliem imniżżel f’Isaija 64:8: “O Ġeħova, int Missierna.” Iktar minn hekk, Ġesù fetaħ it-talba mudell tiegħu bil-kliem: “Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek.”—Mt. 6:9.

4, 5. Sabiex inkabbru l-apprezzament lejn Missierna tas-sema, Ġeħova, x’se niddiskutu?

4 Missierna tas-sema jara li jieħu ħsiebna u jipproteġina bħala l-familja t’aduraturi veri tiegħu. Is-salmista jikkwotah bħala li qal: “Talli [aduratur veru] wrieni l-affezzjoni tiegħu, jien neħilsu. Nipproteġih għax sar jaf ismi.” (Salm 91:14) Iva, Alla Ġeħova bi mħabba jħarrabna mill-għedewwa tagħna u jipproteġina bħala l-poplu tiegħu, ħalli ma ninqerdux.

5 Sabiex inkabbru l-apprezzament tagħna lejn Missierna tas-sema, ħalli nikkunsidraw tliet fatturi importanti: (1) Missierna hu Dak li jipprovdilna. (2) Ġeħova hu Dak li jipproteġina. (3) U Alla hu l-aqwa Ħabib tagħna. Hekk kif nikkunsidraw dawn il-punti, ikun t’għajnuna li nimmeditaw fuq ir-relazzjoni li għandna m’Alla u nitgħallmu kif nistgħu nonorawh bħala Missierna. Ikun taʼ benefiċċju wkoll li nirriflettu fuq il-barkiet li Ġeħova joffri lil dawk li jersqu qrib lejh.—Ġak. 4:8.

ĠEĦOVA, DAK LI JIPPROVDILNA BIL-KBIR

6. X’inhu mod wieħed kif Ġeħova juri li hu Dak li jagħti “kull għotja tajba”?

6 “Kull għotja tajba u kull rigal perfett ġej minn fuq,” kiteb id-dixxiplu Ġakbu, “għax jinżel mingħand il-Missier tad-dwal tas-sema.” (Ġak. 1:17) Il-ħajja fiha nfisha hi għotja meraviljuża mingħand Ġeħova. (Salm 36:9) Jekk nużaw ħajjitna biex nagħmlu r-rieda t’Alla, se nesperjenzaw abbundanza taʼ barkiet issa u jkollna l-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida. (Prov. 10:22; 2 Pt. 3:13) Imma dan kif inhu possibbli ladarba kulħadd wiret l-imperfezzjoni, id-dnub, u l-mewt mingħand Adam?

7. Alla kif fetħilna t-triq ħalli jkollna relazzjoni mill-qrib miegħu?

7 Ġeħova hu Dak li jipprovdi bil-kbir b’aktar modi milli nistgħu nimmaġinaw. Perkażu, il-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu tqanqlu jsalvana. Iva, ilkoll kemm aħna midinbin u wrietna l-imperfezzjoni mingħand Adam. (Rum. 3:23) Minkejja dan, sforz l-imħabba, Ġeħova ħa l-inizjattiva biex jiftħilna t-triq ħalli jkollna relazzjoni mill-qrib miegħu. “B’dan intweriet l-imħabba t’Alla għalina,” kiteb l-appostlu Ġwanni, “għax Alla bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fid-dinja biex niksbu l-ħajja permezz tiegħu. L-imħabba qiegħda f’dan: li mhux aħna ħabbejna lil Alla, imma hu ħabbna u bagħat lil Ibnu bħala sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.”—1 Ġw. 4:9, 10.

8, 9. Ġeħova kif wera li hu Dak li jipprovdi bil-kbir fi żmien Abraham u Iżakk? (Ara l-ewwel stampa.)

8 Fis-seklu 19 QEK, ġrajja fil-ħajja t’Abraham uriet kif Ġeħova bi mħabba kien se jagħti l-ħajja taʼ dejjem lin-nies ubbidjenti kollha. Ebrej 11:17-19 jispjega: “Bil-fidi Abraham, meta ġie provat, kważi offra lil Iżakk, u r-raġel li bil-ferħ kien irċieva l-wegħdi pprova joffri lill-iben uniġenitu tiegħu, għalkemm kien intqallu: ‘Dak li jissejjaħ “nislek” ikun permezz taʼ Iżakk.’ Imma qies li Alla setaʼ jqajmu saħansitra mill-imwiet; u minn hemm irċivieh ukoll bħala tixbiha.” Mhuwiex diffiċli biex tara x-xebh. Ġeħova offra lil Ibnu, Ġesù Kristu, għall-benefiċċju tal-umanità.—Aqra Ġwanni 3:16, 36.

9 Tistaʼ timmaġina kemm Iżakk ħa r-ruħ meta rrealizza li ma kellux għalfejn  imut? Bla dubju kien grat għall-provvediment t’Alla li ħa post is-sagrifiċċju—muntun maqbud fil-friegħi tas-siġar li kienu fil-qrib. (Ġen. 22:10-13) Mhux taʼ b’xejn li dak il-post ġie msejjaħ “Ġeħova-jire,” li jfisser “Ġeħova Jipprovdi.”—Ġen. 22:14; ntt.

MOD KIF TERĠAʼ TINKISEB IL-PAĊI M’ALLA

10, 11. Min ħa t-tmexxija fil-“ministeru tar-rikonċiljazzjoni,” u kif għamluh dan?

10 Hekk kif nimmeditaw dwar kif Ġeħova juri li hu Dak li jipprovdi bil-kbir, aħna nirrealizzaw li mingħajr is-sagrifiċċju taʼ Ġesù ma nkunux nistgħu nsiru ħbieb t’Alla. Pawlu kiteb: “Dan iġġudikajna, li bniedem wieħed miet għal kulħadd; mela, allura, kollha mietu; u miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.”—2 Kor. 5:14, 15.

11 Minħabba l-imħabba tal-Kristjani tal-bidu għal Alla u l-gratitudni għall-privileġġ li ma jitqabbel maʼ xejn taʼ li jaqduh, huma b’ferħ aċċettaw “il-ministeru tar-rikonċiljazzjoni.” Ix-xogħol tagħhom tal-ippritkar u taʼ li jagħmlu dixxipli fetaħ it-triq għal uħud b’qalb onesta biex jiksbu l-paċi m’Alla, jieħdu pjaċir bil-ħbiberija tiegħu, u eventwalment isiru wliedu spiritwali. Illum, il-qaddejja midluka taʼ Ġeħova jwettqu l-istess ministeru. Huma jaqdu bħala ambaxxaturi għal Alla u għal Kristu. Ix-xogħol tal-ippritkar tagħhom jagħmilha possibbli għal uħud onesti u umli biex jinġibdu minn Ġeħova u jsiru l-qaddejja tiegħu.—Aqra t-2 Korintin 5:18-20; Ġw. 6:44; Atti 13:48.

12, 13. Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-ħafna provvedimenti taʼ Ġeħova?

12 Sforz l-apprezzament tagħhom għal Ġeħova bħala Dak li jipprovdi bil-kbir, il-Kristjani kollha li għandhom it-tama għall-art jieħdu sehem mal-midlukin fix-xogħol tax-xandir tas-Saltna. F’din l-attività nużaw il-Bibbja, u din hi għotja oħra mill-isbaħ t’Alla. (2 Tim. 3:16, 17) Meta nużaw tajjeb il-Bibbja fil-ministeru tagħna, aħna nagħtu opportunitajiet lil oħrajn biex jiksbu l-ħajja taʼ dejjem. Biex jgħinna f’dan ix-xogħol, kull wieħed minna jistrieħ fuq l-ispirtu qaddis, xi ħaġ’oħra li tana Ġeħova. (Żak. 4:6; Lq. 11:13) Ir-riżultati huma impressjonanti, bħalma jidher f’kull edizzjoni tal-ktieb Yearbook of Jehovah’s Witnesses. X’unur dan li nieħdu sehem f’dan ix-xogħol biex infaħħru lil Missierna, Dak li jipprovdilna!

13 Ladarba Alla pprovdielna ħafna, għandna nistaqsu lilna nfusna: ‘Qed nagħmel l-aħjar li nistaʼ fil-ministeru tiegħi biex nuri kemm jien grat għal kulma tani Ġeħova? B’liema mod nistaʼ nitjieb u nkun iktar effettiv fl-ippritkar tal-aħbar tajba?’ Aħna nistgħu nuru l-gratitudni tagħna għall-provvedimenti meraviljużi t’Alla billi nżommu l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajjitna. Meta nagħmlu hekk, Ġeħova jagħmel ċert li dejjem ikollna kulma neħtieġu. (Mt. 6:25-33) Minħabba li Ġeħova jħobbna, aħna żgur li rridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nogħġbuh u nferrħulu qalbu.—Prov. 27:11.

14. Ġeħova kif kien Dak li jħarrab lill-poplu tiegħu?

14 Is-salmista David kanta: “Jien qed insofri u fqir. Ġeħova jagħti kasi. Int l-għajnuna tiegħi u Dak li jħarrabni.” (Salm 40:17) Ġeħova kemm-il darba kien Dak li jħarrab lill-poplu tiegħu bħala grupp, speċjalment meta ġew ippersegwitati bl-ikrah u meta l-għedewwa tagħhom ħaduha qatta bla ħabel kontrihom. Kemm aħna grati għall-għajnuna t’Alla għal drabi bħal dawn u għall-ħafna provvedimenti spiritwali li l-ħin kollu jagħtina!

 ĠEĦOVA JIPPROTEĠI

15. Agħti eżempju taʼ kif missier li jħobb ipproteġa lil ibnu.

15 Missier li jħobb, mhux biss jipprovdi għal uliedu, imma wkoll jara li jipproteġihom. B’mod immedjat, hu jipprova jsalvahom jekk ikunu fil-periklu. Ħu jiftakar kif missieru kien ipproteġieh meta kien għadu daqsxejn taʼ tifel. Hu u missieru kienu sejrin lura d-dar mill-ministeru u kellhom jaqsmu nixxiegħa. Dakinhar filgħodu, xita qalila ġiegħlet lin-nixxiegħa tfur. L-uniku mod biex jaqsmu għan-naħa l-oħra kien billi jaqbżu minn ġebla kbira għal oħra. It-tifel li kien quddiem missieru tilef il-bilanċ, waqaʼ fin-nixxiegħa, u spiċċa taħt l-ilma darbtejn. Il-tifel kien grat ħafna meta minnufih il-missier qabdu minn spalltu u salvah milli jegħreq. B’mod simili, Missierna tas-sema jipproteġina mill-periklu taʼ din id-dinja mill-agħar u mill-ħakkiem tagħha, Satana. Bla dubju, Ġeħova hu l-aqwa Protettur li qatt jistaʼ jkollna.—Mt. 6:13; 1 Ġw. 5:19.

16, 17. Ġeħova kif għen u pproteġa lill-Iżraelin meta ġġieldu kontra l-Għamalekin?

16 Bi mħabba, Ġeħova pproteġa lill-poplu tiegħu fis-sena 1513 QEK. Kien diġà salva lill-Iżraelin mill-jasar u kien ipproteġiehom huma u jaqsmu l-Baħar l-Aħmar. Wara li mxew mill-art xagħrija lejn il-Muntanja Sinaj, l-Iżraelin waslu Refidim.

17 Minħabba l-profezija taʼ Ġenesi 3:15, jistaʼ jkun li Satana kien iddisprat biex jattakka lill-Iżraelin, li donnhom kienu bla protezzjoni. Hu għamel dan billi uża lil Għamalekin, li kienu għedewwa tal-poplu t’Alla. (Num. 24:20) Ikkunsidra dak li wettaq Ġeħova permezz taʼ erbaʼ rġiel leali—Ġożwè, Mosè, Aron, u Ħur. Hekk kif Ġożwè ġġieled kontra l-Għamalekin, fuq għolja fil-viċin kien  hemm Mosè, Aron, u Ħur. L-Iżraelin kienu jkunu minn fuq fil-battalja meta Mosè għolla jdejh. Meta Mosè għejja b’idejh ’il fuq, Aron u Ħur għenuh billi żammewlu jdejh ’il fuq. Għalhekk, bl-għajnuna u l-protezzjoni taʼ Ġeħova, “Ġożwè għeleb għalkollox lil Għamalek u lill-poplu tiegħu.” (Eżo. 17:8-13) Mosè bena artal hemm u semmih “Ġeħova-nissi,” li jfisser “Ġeħova Hu s-Sinjal [l-Arblu] Tiegħi.”—Aqra Eżodu 17:14, 15; ntt.

JIPPROTEĠINA MILL-ATTAKKI TAʼ SATANA

18, 19. Liema protezzjoni pprovda Alla għall-qaddejja tiegħu fi żmienna?

18 Ġeħova jipproteġi lil dawk li jħobbuh u jobduh. Bħall-Iżraelin f’Refidim, aħna nfittxu ’l Alla għas-sigurtà meta nħabbtu wiċċna mal-għedewwa. Ġeħova spiss ipproteġiena bħala grupp, u jipproteġina mill-attakki tax-Xitan. Ftakar fil-ħafna okkażjonijiet meta Alla pproteġa ’l ħutna li kienu qed iżommu n-newtralità Kristjana. Pereżempju, dan kien minnu matul iż-żmien tan-Nazi fil-Ġermanja u f’pajjiżi oħra fis-snin 30 u fil-bidu tas-snin 40. Fil-bijografiji u fil-Yearbooks insibu rakkonti taʼ kif Alla pproteġina fi żminijiet taʼ persekuzzjoni. Meta naqraw dawn u nirriflettu fuqhom, il-fiduċja tagħna f’Ġeħova bħala r-refuġju tagħna se tissaħħaħ.—Salm 91:2.

19 Permezz tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u l-pubblikazzjonijiet tagħha, aħna nirċievu tfakkiriet bi mħabba għall-protezzjoni tagħna. Ikkunsidra kif dan kien taʼ benefiċċju fiż-żminijiet reċenti. Id-dinja qed tkompli ssir iktar u iktar ossessjonata bis-sess, l-alkoħol, u l-pornografija. Imma Ġeħova tana tfakkiriet urġenti u għajnuna speċifika biex jipproteġina milli nagħmlu affarijiet li jistgħu jeffettwaw ħażin ir-relazzjoni li għandna miegħu. Pereżempju, dan l-aħħar irċivejna pariri minn Missierna tas-sema biex nevitaw sħubija ħażina permezz tal-użu ħażin tan-netwerks soċjali. *1 Kor. 15:33.

20. Liema protezzjoni u gwida huma pprovduti permezz tal-kongregazzjoni Kristjana?

20 Kif nistgħu nuru li aħna verament qed niġu “mgħallmin minn Ġeħova”? Billi b’attenzjoni nagħtu kas il-kmandi tiegħu. (Is. 54:13) Fir-refuġju tal-kongregazzjonijiet tagħna, aħna nsibu gwida u protezzjoni, għax hu hemm li rġiel leali li jaqdu bħala anzjani jipprovdu għajnuna u pariri Skritturali. (Gal. 6:1) Ġeħova qed juża lil dawn l-“irġiel bħala għotjiet” biex jieħdu ħsiebna bi mħabba. (Efes. 4:7, 8) Kif għandna nirreaġixxu? Sottomissjoni u ubbidjenza minn rajna jirriżultaw f’li jkollna l-barka t’Alla.—Ebr. 13:17.

21. (a) Għandna nkunu determinati li nagħmlu xiex? (b) X’se jiġi kkunsidrat fl-artiklu li jmiss?

21 Ejja nkunu determinati li nitmexxew mill-ispirtu qaddis, u b’hekk naċċettaw il-gwida taʼ Missierna tas-sema. Aħna għandna bżonn ukoll nimmeditaw fuq il-ħajja taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. Imbagħad nagħmlu ħilitna sabiex insegwu l-eżempju li jispikka tiegħu. Hu rċieva premju kbir talli kien “ubbidjenti sal-mewt.” (Flp. 2:5-11) Bħalu, aħna nkunu mberkin talli nafdaw f’Ġeħova b’qalbna kollha. (Prov. 3:5, 6) Allura, jalla dejjem nistrieħu fuq Ġeħova, l-aqwa wieħed li jipprovdilna u jipproteġina. X’ferħ u xi privileġġ kbir hu li naqduh! L-imħabba tagħna għalih tikber hekk kif nirriflettu fuq it-tielet aspett taʼ kif Missierna jieħu ħsiebna—il-ħbiberija tiegħu. L-artiklu li jmiss jiffoka fuq kif Ġeħova hu l-aqwa Ħabib tagħna.

^ par. 19 Eżempji taʼ tfakkiriet bħal dawn jistgħu jinstabu fl-artikli “L-Internet—Nużaw b’Għaqal Din l-Għodda Globali” fit-Torri tal-Għassa tal-15 t’Awwissu, 2011, paġni 3-5 u “Oqgħod Attent min-Nases tax-Xitan!” u “Żomm Sod u Evita n-Nases taʼ Satana!” fit-Torri tal-Għassa tal-15 t’Awwissu, 2012, paġni 20-29.