Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Il-Lhud fl-ewwel seklu x’bażi kellhom biex kienu qed “jistennew” lill-Messija?

Fi żmien Ġwanni l-Għammied, “in-nies kienu qed jistennew u kulħadd kien qed jirraġuna f’qalbu dwar Ġwanni: ‘Forsi dan hu l-Kristu?’” (Lq. 3:15) Il-Lhud għala setgħu kienu qed jistennew lill-Messija biex jidher f’dak iż-żmien? Hemm diversi raġunijiet.

Wara li twieled Ġesù, l-anġlu taʼ Ġeħova deher lil xi ragħajja li kienu qed jieħdu ħsieb l-imrieħel tagħhom fl-għelieqi viċin Betlehem. L-anġlu ħabbar: “Illum, fil-belt taʼ David, twildilkom Salvatur li hu Kristu l-Mulej.” (Lq. 2:8-11) Wara dan, mal-anġlu ngħaqdet “kotra mill-armata tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu: * ‘Glorja lil Alla fl-ogħla postijiet tas-smewwiet, u paċi fuq l-art fost il-bnedmin taʼ rieda tajba.’”—Lq. 2:13, 14.

Din il-proklamazzjoni żgur li kellha effett profond fuq dawk ir-ragħajja umli. Dawn mill-ewwel irħewlha lejn Betlehem, u meta sabu lil Ġużeppi u Marija u ċ-ċkejken Ġesù, “bdew jgħidu dak li ntqalilhom dwar dan it-tifel.” Minħabba f’hekk, “dawk kollha li semgħu stagħġbu bl-affarijiet li qalulhom ir-rgħajja.” (Lq. 2:17, 18) L-espressjoni “dawk kollha li semgħu” tagħtina x’nifhmu li r-ragħajja tkellmu maʼ nies oħra minbarra Ġużeppi u Marija. Imbagħad, hekk kif ir-ragħajja marru lura lejn darhom, baqgħu “jigglorifikaw u jfaħħru lil Alla għal dak kollu li semgħu u raw bħalma kien intqalilhom.” (Lq. 2:20) Dawn ir-ragħajja ċertament li ma kinux qed iżommu lura milli jaqsmu l-affarijiet tajbin li kienu semgħu dwar il-Kristu!

Meta Marija ġabet lill-ewwel tifel imwieled tagħha Ġerusalemm sabiex tippreżentah quddiem Ġeħova fi qbil mal-Liġi Mosajka, il-profetessa Anna “bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem dwar it-tifel maʼ dawk kollha li kienu qed jistennew il-ħelsien taʼ Ġerusalemm.” (Lq. 2:36-38; Eżo. 13:12) B’hekk, l-aħbar li deher il-Messija baqgħet tinxtered.

Iktar tard, “astroloġi mil-lvant ġew Ġerusalemm, u qalu: ‘Fejn hu s-sultan tal-Lhud li twieled? Għax rajna l-kewkba tiegħu meta konna fil-lvant, u ġejna nuruh rispett.’” (Mt. 2:1, 2) Malli semaʼ dan, “is-Sultan Erodi tħawwad, u Ġerusalemm  kollha miegħu. Laqqaʼ flimkien lill-qassisin ewlenin u lill-iskribi kollha tal-poplu biex jitkixxef mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Kristu.” (Mt. 2:3, 4) Għalhekk, ħafna nies kienu qed jisimgħu l-aħbar: Il-Messija futur kien wasal! *

Luqa 3:15, li ġie kkwotat qabel, jagħti x’jifhem li xi Lhud ħasbu li Ġwanni l-Għammied setaʼ kien il-Kristu. Imma Ġwanni ġab fix-xejn din l-idea bil-kliem: “Dak li ġej warajja hu b’saħħtu iktar minni, u jien ma jistħoqqlix inneżżagħlu s-sandli minn saqajh. Dan jgħammidkom bl-ispirtu qaddis u bin-nar.” (Mt. 3:11) Il-kumment modest taʼ Ġwanni żgur li qanqal iktar antiċipazzjoni għall-wasla tal-Messija.

Setgħu l-Lhud tal-ewwel seklu użaw il-profezija tas-70 ġimgħa mniżżla f’Danjel 9:24-27 biex jikkalkulaw meta kellu jasal il-Messija? Ma nafux. Il-verità hi li fi żmien Ġesù kien hemm ħafna interpretazzjonijiet differenti dwar il-profezija tas-70 ġimgħa, u l-ebda waħda minnhom mhi simili għal kif nifhmuha llum il-ġurnata. *

L-Esseni, li ħafna jaħsbu li kienu setta Lhudija li għexet fid-deżert, għallmu li żewġ Messiji kienu se jidhru lejn tmiem l-490 sena. Imma ma nistgħux inkunu ċerti li użaw il-profezija taʼ Danjel biex jagħmlu l-kalkoli tagħhom. Anke jekk użawha, ma tantx hu probabbli li l-ideat taʼ grupp tant iżolat kienu se jinfluwenzaw lil ħafna Lhud oħra.

Fit-tieni seklu EK, ċerti Lhud emmnu li s-70 ġimgħa koprew perijodu mill-qerda tal-ewwel tempju fis-sena 607 QEK sal-qerda tat-tieni tempju fis-sena 70 EK. Oħrajn ħasbu li l-profezija twettqet matul iż-żmien tal-Makkabin fit-tieni seklu QEK. Għalhekk, il-Lhud ma kinux jaqblu bejniethom dwar kif kellhom jikkalkulaw is-70 ġimgħa.

Li kieku l-appostli u Kristjani oħra tal-bidu kienu fehmu sew il-profezija dwar is-70 ġimgħa, konna nistennew li jsemmu din il-profezija bħala prova li Ġesù Kristu kien il-Messija u li kien wasal eżatt fil-ħin. Però, m’hemm l-ebda evidenza li l-Kristjani tal-bidu għamlu hekk.

Hemm xi ħaġ’oħra li hi taʼ min jinnotaha. Il-kittieba tal-Evanġelji spiss ġibdu l-attenzjoni lejn il-fatt li ċerti profeziji mill-Iskrittura Ebrajka twettqu permezz taʼ Ġesù Kristu. (Mt. 1:22, 23; 2:13-15; 4:13-16) Imma ħadd minnhom ma jagħmel rabta bejn id-dehra taʼ Ġesù fuq l-art u l-profezija tas-70 ġimgħa.

Fi ftit kliem: Ma nistgħux nikkonfermaw jekk in-nies fi żmien Ġesù fehmux b’mod korrett il-profezija tas-70 ġimgħa. Madanakollu, bħalma rajna, l-Evanġelji jagħtu raġunijiet sodi għala n-nies kienu qed “jistennew” lill-Messija.

^ par. 4 Il-Bibbja ma tgħidx li l-anġli kantaw meta twieled Ġesù.

^ par. 7 Għandna mnejn nistaqsu, L-astrologi kif għamlu konnessjoni bejn il-“kewkba” li dehret fil-Lvant u t-twelid tas-“sultan tal-Lhud”? Jistaʼ jkun li semgħu dwar it-twelid taʼ Ġesù meta kienu qed jivvjaġġaw minn ġo Iżrael?

^ par. 9 Għall-fehma kurrenti tagħna dwar il-profezija tas-70 ġimgħa, ara l-ktieb Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel! kapitlu 11.