Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kun mimli kuraġġ—Ġeħova hu dak li jgħinek!

Kun mimli kuraġġ—Ġeħova hu dak li jgħinek!

‘Kun mimli kuraġġ u għid: “Ġeħova hu dak li jgħinni.”’EBR. 13:6.

1, 2. Ħafna emigranti liema sfidi jiffaċċjaw meta jmorru lura d-dar? (Ara l-ewwel stampa.)

EDUARDO kellu xogħol tajjeb u kien jaqlaʼ ħafna flus meta kien jaħdem f’pajjiż ’il bogħod minn familtu. * Eduardo jgħid: “Imma meta bdejt nistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova rrealizzajt li kelli responsabbiltà iktar importanti—li nieħu ħsieb il-familja tiegħi spiritwalment, mhux biss fiżikament. Għalhekk mort lura d-dar.”—Efes. 6:4.

2 Eduardo kien jaf li billi jerġaʼ jingħaqad maʼ familtu, hu kien qed jogħġob lil Ġeħova. Imma bħal Marilyn, li ssemmiet fl-artiklu taʼ qabel, Eduardo kellu jibda l-proċess twil li jirranġa r-relazzjoni maʼ familtu. Hu wkoll iffaċċja l-isfida li jmantni lil martu u lil uliedu f’ekonomija bil-wisq iktar dgħajfa. Kif kien se jaqlaʼ l-għajxien? Liema għajnuna setaʼ jistenna minn oħrajn fil-kongregazzjoni?

IRRANĠA L-ĦAJJA TAL-FAMILJA U L-ISPIRITWALITÀ

3. Meta ġenitur jgħix ’il bogħod, it-tfal kif jiġu effettwati?

3 “Jien indunajt li kont ittraskurajt lil uliedi meta l-iktar li kellhom bżonn il-gwida u l-affezzjoni tiegħi,” jammetti Eduardo. “Ma kontx hemm biex naqralhom stejjer mill-Bibbja, nitlob magħhom, inħaddanhom miegħi, u nilgħab magħhom.” (Dt.  6:7) Anna, bintu l-kbira, tgħid: “Kont inħossni konfuża emozzjonalment minħabba li missieri ma kienx id-dar magħna. Meta ġie lura, konna nafu biss kif jidher u leħnu. Meta għannaqni, ma kinitx xi ħaġa naturali.”

4. Missier għala jsibha bi tqila biex ikun kap tal-familja tajjeb meta jgħix ’il bogħod minn familtu?

4 Iktar ma missier idum jgħix ’il bogħod mid-dar, iktar se jsibha bi tqila biex ikun il-kap tal-familja. Il-mara taʼ Eduardo, Ruby, tispjega: “Jien kelli żewġ irwoli—taʼ omm u taʼ missier—u kont drajt nieħu l-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet tal-familja. Meta Eduardo ġie lura d-dar, kelli nitgħallem xi tfisser verament is-sottomissjoni Kristjana. Anki issa, xi kultant ikolli nfakkar lili nnifsi li żewġi qiegħed hawn.” (Efes. 5:22, 23) “It-tfal kienu draw imorru għand ommhom biex jieħdu permess jagħmlu xi ħaġa,” jgħid Eduardo. “Kelli nitgħallem nieħu t-tmexxija b’mod Kristjan.” Eduardo u Ruby rrealizzaw li wliedhom kellhom bżonn jaraw li l-ġenituri tagħhom jieħdu d-deċiżjonijiet flimkien.

5. Eduardo x’għamel biex jirranġa r-relazzjoni tiegħu maʼ familtu meta mar lura d-dar, u b’liema riżultat?

5 Eduardo għamel dak kollu li setaʼ biex jirranġa r-relazzjoni tiegħu maʼ familtu u biex jgħinhom jibnu r-relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova. “Il-mira tiegħi kienet li nnaqqax il-verità f’qalb uliedi bil-kliem u l-eżempju—mhux biss billi ngħid li nħobb lil Ġeħova imma billi nuri dan bil-fatti.” (1 Ġw. 3:18) Bierek Ġeħova l-isforzi taʼ Eduardo? “Il-fatt li rajna l-isforzi kollha tiegħu biex ikun missier tajjeb u biex jerġaʼ jersaq qrib tagħna għamel differenza kbira,” twieġeb Anna. “Meta rajnieh jirsisti fil-kongregazzjoni, konna kburin. Id-dinja kienet qed tipprova tbegħedna minn Ġeħova. Imma rajna li l-ġenituri tagħna kienu ffokati fuq il-verità, u allura pprovajna nagħmlu l-istess. Missieri wegħedna li qatt ma kien se jerġaʼ jitlaqna, u żamm kelmtu. Li kieku m’għamilx hekk, x’aktarx li llum m’iniex fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.”

AĊĊETTA R-RESPONSABBILTÀ

6. Xi ġenituri liema lezzjoni tgħallmu matul il-gwerra fil-Balkani?

6 Xi esperjenzi juru li matul il-gwerra fil-Balkani, it-tfal tax-Xhieda taʼ Ġeħova li kienu jgħixu hemm kienu ferħanin minkejja li l-ħajja kienet diffiċli. Għala? Il-ġenituri, li ma setgħux imorru għax-xogħol, kienu jibqgħu d-dar u kienu jistudjaw, jilagħbu, u jitkellmu maʼ wliedhom. X’inhi l-lezzjoni? Iktar milli l-flus jew ir-rigali, it-tfal jeħtieġu li l-ġenituri tagħhom ikunu magħhom. Tabilħaqq, bħalma tgħid il-Kelma t’Alla, it-tfal se jibbenefikaw jekk jingħataw attenzjoni u taħriġ mingħand il-ġenituri.Prov. 22:6.

7, 8. (a) Xi ġenituri għala jistaʼ jħossuhom ixxokkjati meta jirritornaw id-dar? (b) Il-ġenituri kif jistgħu jirranġaw ir-relazzjoni tagħhom maʼ wliedhom?

7 Jistaʼ jkun li xi ġenituri jibqgħu xxokkjati meta jirritornaw għand familthom. Uliedhom għandhom mnejn jaġixxu bħallikieku lanqas biss jimpurtahom li huma ġew lura jew bħallikieku m’għadhomx jafdawhom. Il-ġenitur forsi jgħid, “Kif tistgħu tkunu daqstant ingrati wara dak kollu li għamilt għalikom?” Imma l-verità hi li t-tfal ikunu mweġġgħin minħabba li l-ġenitur tagħhom ikun telaqhom. Il-ġenitur kif jistaʼ jirranġa l-problema?

8 Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tifhem kif tħossha verament il-familja tiegħek, u urihom li jimpurtak. Imbagħad, meta titkellem mal-familja tiegħek, irrikonoxxi u aċċetta li int għandek parti mit-tort. Li tiskuża ruħek b’mod ġenwin jistaʼ jkun t’għajnuna. Hekk kif żewġek, jew martek, u wliedek jaraw li int il-ħin kollu qed tipprova tirranġa l-affarijiet, se jindunaw li int sinċier. B’determinazzjoni u paċenzja,  tistaʼ bil-mod il-mod terġaʼ tikseb l-imħabba u r-rispett tal-familja tiegħek.

IPPROVDI GĦAL FAMILTEK

9. Għala għandna nkunu kuntenti bil-livell t’għajxien tagħna?

9 L-appostlu Pawlu kiteb li meta Kristjani akbar fl-età ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom stess, uliedhom u t-tfal taʼ wliedhom għandhom jgħinuhom. Skont Pawlu, kulma verament għandna bżonn biex inkunu kuntenti bil-livell t’għajxien tagħna hu l-ikel, l-ilbies, u saqaf fuq rasna. (Aqra l-1 Timotju 5:4, 8; 6:6-10.) Biex jipprovdi għal familtu, Kristjan m’għandux għalfejn ifittex għana materjali f’din id-dinja, li dalwaqt se tgħaddi. (1 Ġw. 2:15-17) M’għandniex inħallu “l-qawwa qarrieqa tar-rikkezzi” jew l-“ansjetajiet tal-ħajja” jpoġġu fil-periklu l-“qabda soda mal-ħajja vera” tal-familja tagħna fid-dinja l-ġdida ġusta t’Alla.Mk. 4:19; Lq. 21:34-36; 1 Tim. 6:19.

10. Għala jkun għaqli li tevita d-dejn?

10 Ġeħova jaf li għandna bżonn xi flus. Imma l-flus ma jistgħux jgħinuna u jipproteġuna daqskemm jistaʼ l-għerf minn Ġeħova. (Ekk. 7:12; Lq. 12:15) Ħafna drabi n-nies ma jirrealizzawx kemm se jiswielhom flus biex imorru jgħixu f’pajjiż ieħor. U m’hemm l-ebda garanzija li kif se jaslu hemm se jibdew jaqilgħu l-flus. Infatti, li xi ħadd imur jgħix f’pajjiż ieħor jistaʼ jkun perikoluż. Ħafna li jitilqu lill-familji tagħhom, jispiċċaw b’iktar dejn meta jirritornaw id-dar. Minflok ma jkunu iktar ħielsa biex jaqdu lil Alla, ikollhom jaqdu lin-nies li għandhom id-dejn magħhom. (Aqra Proverbji 22:7.) Kemm ikun għaqli li tevita d-dejn mill-bidu!

11. Il-familji kif jistgħu jsibuha t’għajnuna jekk iżommu maʼ baġit?

11 Issa li kien irritorna d-dar, Eduardo kien jaf li kellu joqgħod b’sebaʼ għajnejn kif jintefqu l-flus biex jirnexxilu jieħu ħsieb familtu. Hu u martu għamlu baġit ibbażat fuq dak li verament kellhom bżonn. M’għandniex xi ngħidu, il-baġit kien ħafna iktar limitat minn dak li l-familja tiegħu kienet imdorrija bih qabel. Imma lkoll kemm huma kkooperaw u ma nefqux flus fuq affarijiet mhux neċessarji. * “Pereżempju,” Eduardo jgħid, “ħriġt it-tfal minn skejjel privati u bdejt nibgħathom fi skejjel tal-gvern tajbin.” Hu u familtu talbu biex isib xogħol sekulari li ma jkunx taʼ tfixkil għar-rutina spiritwali tagħhom. Ġeħova kif wieġeb it-talb tagħhom?

12, 13. (a) Eduardo x’għamel biex imantni lil familtu? (b) Ġeħova kif bierek id-deċiżjoni taʼ Eduardo biex iżomm ħajja sempliċi?

12 Għall-ewwel sentejn, Eduardo bilkemm kien jaqlaʼ biżżejjed flus biex jgħajjex lil familtu, kellhom jużaw dak li kienu faddlu, u kien jispiċċa għajjien mejjet. Imma Eduardo jgħid: “Aħna stajna nattendu l-laqgħat kollha u mmorru fil-ministeru flimkien.” Hu ddeċieda li lanqas biss jikkunsidra li jaċċetta xogħol li jżommu ’l bogħod minn familtu. Hu jgħid: “Minflok, tgħallimt nagħmel diversi xogħlijiet sabiex meta ma kienx ikun hemm ċertu tip taʼ xogħol, stajt nagħmel ieħor.”

13 Minħabba li Eduardo kellu jħallas id-dejn tiegħu bil-mod il-mod, kellu jħallas iktar interessi fuq il-flus li kien issellef. Madankollu, Eduardo kien lest li jagħmel dan sabiex ikun jistaʼ jaqdi lil Ġeħova flimkien maʼ familtu. “Issa naqlaʼ inqas minn 10 fil-mija taʼ dak li kont naqlaʼ meta kont naħdem f’pajjiż ieħor,” jgħid Eduardo, “imma ma batejniex il-ġuħ. ‘Id Ġeħova mhix qasira.’ Infatti ddeċidejna li nibdew naqdu bħala pijunieri.” Ftit wara dan, l-ekonomija tjiebet u kien iktar faċli li jieħu ħsieb familtu.Is. 59:1.

 PRESSJONI MILL-QRABA

14, 15. (a) Il-familji x’jistgħu jagħmlu jekk il-qraba tagħhom jagħmlulhom pressjoni biex ipoġġu l-affarijiet materjali qabel dawk spiritwali? (b) X’jistaʼ jiġri jekk inħallu eżempju tajjeb?

14 F’ħafna postijiet, in-nies iħossuhom obbligati jagħtu flus u rigali lil qraba u ħbieb. “Hija parti mill-kultura tagħna, u aħna nieħdu pjaċir nagħtu,” jispjega Eduardo, imma jżid jgħid: “Hemm limitu.” Hu b’tattika jispjega lil qrabatu li se jagħtihom kemm jistaʼ, imma mhuwiex se jittraskura l-bżonnijiet tal-mara u t-tfal jew il-qima li jagħtu lil Ġeħova.

15 Xi qraba forsi jiddiżappuntaw ruħhom meta individwu jagħżel li jibqaʼ maʼ familtu jew li jirritorna d-dar. Għandu mnejn jgħajruh li hu egoist u li ma jħobbhomx. Għala? Għax dawn il-qraba jistennew li jagħtihom il-flus. (Prov. 19:6, 7) “Minkejja dan,” it-tifla taʼ Eduardo, Anna, tgħid, “meta ma nissagrifikawx l-affarijiet spiritwali għall-vantaġġi materjali, xi wħud mill-qraba tagħna eventwalment jistgħu jirrealizzaw kemm hi importanti l-ħajja Kristjana tagħna. Inkella kif qatt jistgħu jifhmu dan jekk aħna nagħtuhom dak kollu li jitolbu mingħandna?”—Qabbel l-1 Pietru 3:1, 2.

EŻERĊITA L-FIDI F’ALLA

16. (a) Persuna kif tistaʼ ‘tqarraq biha nfisha bi rraġunar falz’? (Ġak. 1:22) (b) Ġeħova liema deċiżjonijiet ibierek?

16 Malli waslet f’pajjiż iktar sinjur mingħajr żewġha u wliedha, waħda oħt qalet lill-anzjani: “Kellna nagħmlu sagrifiċċji kbar biex jien ġejt hawnhekk. Żewġi saħansitra ma baqax jaqdi bħala anzjan. Għalhekk, nittama li Ġeħova jbierek din id-deċiżjoni.” Ġeħova dejjem ibierek deċiżjonijiet li huma bbażati fuq il-fidi li għandna fih, imma kif jistaʼ jbierek deċiżjoni li tmur kontra r-rieda tiegħu, speċjalment meta din tinvolvi li xi ħadd iċedi bla bżonn privileġġi taʼ servizz?Aqra Ebrej 11:6; 1 Ġwanni 5:13-15.

17. Għala għandna nfittxu d-direzzjoni taʼ Ġeħova qabel ma nieħdu deċiżjonijiet, u kif nistgħu nagħmlu dan?

17 Fittex id-direzzjoni taʼ Ġeħova qabel ma tieħu deċiżjoni sabiex wara ma jkollokx dispjaċiri. Itlob għall-ispirtu qaddis, l-għerf, u l-gwida tiegħu. (2 Tim. 1:7) Staqsi lilek innifsek: ‘Kemm jien lest  li nagħmel sagrifiċċji biex nobdi lil Ġeħova? Se nobdi d-direzzjoni tiegħu biex nibqaʼ maʼ familti, anki jekk dan ifisser li ngħixu ħajja inqas komda?’ (Lq. 14:33) Itlob l-għajnuna mingħand l-anzjani u segwi l-pariri Skritturali li jagħtuk. Jekk tagħmel dan, tkun qed turi l-fidi u l-fiduċja tiegħek fil-wegħda taʼ Ġeħova li jgħinek. L-anzjani ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet għalik, imma jistgħu jgħinuk tagħmel għażliet li maż-żmien iwasslu biex ikollok ħajja ferħana.2 Kor. 1:24.

18. (a) Min għandu r-responsabbiltà li jmantni lil familtu? (b) X’nistgħu nagħmlu aħna biex ngħinu?

18 Ġeħova jistenna li l-kapijiet tal-familja jmantnu lill-familji tagħhom il-ħin kollu. Lil uħud li jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom bla ma jitilqu lill-persuna l-oħra fiż-żwieġ jew lit-tfal, minkejja l-pressjoni u t-tentazzjoni biex jagħmlu dan, għandna nfaħħruhom u nitolbu għalihom. Ċirkustanzi mhux mistennijin, bħal xi diżastru jew emerġenza medika, jagħtuna opportunità biex nuru l-imħabba Kristjana vera. (Gal. 6:2, 5; 1 Pt. 3:8) Tistaʼ tgħinhom isibu xogħol fil-viċin jew tagħtihom xi ħaġa li għandhom bżonn b’mod urġenti, bħal flus jew ikel? Jekk iva, għandu mnejn ma jkollhomx għalfejn jitilqu l-familja tagħhom biex isibu xogħol f’post ieħor.Prov. 3:27, 28; 1 Ġw. 3:17.

FTAKAR LI ĠEĦOVA HU DAK LI JGĦINEK!

19, 20. Għala l-Kristjani jistgħu jkunu ċerti li Ġeħova se jgħinhom?

19 L-Iskrittura tħeġġiġna: “Ħa jkun il-mod kif tgħixu ħieles mill-imħabba għall-flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-preżent. Għax [Alla] qal: ‘Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.’ B’hekk, inkunu mimlijin kuraġġ u ngħidu: ‘Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-bniedem?’” (Ebr. 13:5, 6) Dan kif nistgħu napplikawh f’ħajjitna?

20 “In-nies spiss jikkummentaw dwar kemm huma ferħanin ix-Xhieda taʼ Ġeħova,” jgħid ħu li ilu jaqdi bħala anzjan f’pajjiż fqir. “Huma jinnotaw ukoll li anki Xhieda fqar ikunu dejjem lebsin pulit u jidhru li għandhom kulma jeħtieġu.” Dan jaqbel mal-wegħda li għamel Ġesù maʼ min ipoġġi s-Saltna l-ewwel. (Mt. 6:28-30, 33) Iva, Missierek tas-sema, Ġeħova, iħobbok u jixtieq dak li hu l-aħjar għalik u għal uliedek. “Għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-art kollha biex juri s-saħħa tiegħu għan-nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.” (2 Kron. 16:9) Hu tana l-kmandamenti tiegħu—inkluż dawk li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja tal-familja u l-bżonnijiet materjali—għall-ġid tagħna. Meta nobduhom, nuru li nħobbuh u nafdawh. “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”1 Ġw. 5:3.

21, 22. Għala int determinat li jkollok fiduċja f’Ġeħova?

21 “Naf li ż-żmien li qattajt ’il bogħod minn marti u wliedi qatt ma nistaʼ nerġaʼ nġibu,” jgħid Eduardo, “imma ma noqgħodx nhewden fuq id-dispjaċiri tiegħi. Ħafna minn dawk li kont naħdem magħhom huma sinjuri imma mhux ferħanin. Il-familji tagħhom għandhom problemi serji. Però, il-familja tagħna hi ferħana ħafna. U jien nibqaʼ impressjonat meta nara kif aħwa oħrajn f’dan il-pajjiż, minkejja li huma foqra, iżommu l-affarijiet spiritwali l-ewwel f’ħajjithom. Ilkoll qed nesperjenzaw kemm hi minnha l-wegħda li għamel Ġesù.”Aqra Mattew 6:33.

22 Kun mimli kuraġġ! Agħżel li tobdi lil Ġeħova u afda fih. Ħalli l-imħabba tiegħek għal Alla, għall-persuna l-oħra fiż-żwieġ, u għal uliedek tqanqlek biex twettaq ir-responsabbiltà spiritwali tiegħek lejn familtek. Imbagħad se tesperjenza li ‘Ġeħova hu dak li jgħinek.’

^ par. 1 L-ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 11 Ara s-serje “How to Manage Money” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-Ingliż taʼ Settembru 2011.