Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont taf?

Kont taf?

X’għamlu l-baħħara tal-qedem biex il-bastimenti tagħhom ma jidħlilhomx ilma?

Lionel Casson, espert fil-​bastimenti tal-​qedem, jispjega x’kienu jagħmlu l-​bennejja tad-​dgħajjes fi żmien ir-​Rumani wara li jqalftu bejn it-​twavel tal-​bastimenti tagħhom. Kien komuni li “jdellku bejn it-​twavel jew saħansitra l-​bastiment kollu min-​naħa taʼ barra biż-​żift [qatran] jew żift u xamaʼ, u japplikaw kisja taʼ żift fuq ġewwa.” Ħafna żmien qabel ir-​Rumani, l-​Akkadin u l-​Babiloniżi tal-​qedem ukoll użaw il-​qatran biex il-​bastimenti tagħhom ma jidħlilhomx ilma.

Il-​qatran likwidu bħal dan kien abbundanti fl-​artijiet tal-​Bibbja

L-​Iskrittura Ebrajka tirreferi għal teknika simili f’​Ġenesi 6:14. Il-​kelma bl-​Ebrajk hawn tradotta “qatran” milli jidher tirreferi għal żejt mhux raffinat li jinstab fin-​natura.

Il-​qatran naturali jkun jew likwidu jew solidu. Baħħara tal-​qedem użaw dak likwidu; kienu japplikawh direttament fuq il-​bastimenti tagħhom. Malli kien jiġi applikat, il-​qatran likwidu kien jinxef u jibbies, u b’hekk jifforma kisja biex ma jidħolx ilma.

Il-​qatran kien abbundanti fl-​artijiet tal-​Bibbja. Il-​Wied taʼ Siddim, fl-​inħawi tal-​Baħar il-​Mejjet, ‘kien miżgħud bil-​ħofor mimlijin bil-​qatran.’—Ġenesi 14:10.

X’metodi kien hemm fl-antik biex jiġi ppreservat il-ħut?

Il-​ħut ilu sors importanti t’ikel. Ftit mid-​dixxipli taʼ Ġesù kienu sajjieda fuq il-​Baħar tal-​Galilija qabel ma bdew jivvjaġġaw miegħu. (Mattew 4:18-​22) Parti mill-​ħut li kien jinqabad minn hemm kien jiġi pproċessat f’“fabbriki” fil-​viċin.

Tinqix fl-​injam li juri sajjieda Eġizzjani

It-​teknika li aktarx kienet tintuża biex jiġi ppreservat il-​ħut fil-​Galilija fl-​antik għadha tintuża f’xi nħawi. L-​ewwel kienu jnaddfu l-​ħut mill-​imsaren u jaħsluh bl-​ilma. Il-​ktieb Studies in Ancient Technology jiddeskrivi l-​passi segwenti: “Imbagħad kienu jogħrku l-​melħ oħxon fil-​garġi, fil-​ħalq, u fil-​qxur. Kienu jagħmlu saff melħ fuq saff ħut, wieħed fuq l-​ieħor, u jgħattuhom b’tapit magħmul mill-​weraq tal-​palm minsuġ. Wara li jħallu dan il-​munzell joqgħod minn tlett sa ħamest ijiem, kienu jdawruh taʼ taħt fuq u jerġgħu jħalluh joqgħod għall-​istess perijodu taʼ żmien. Matul dan it-​tnixxif, il-​fluwidi kienu joħorġu u fl-​istess ħin il-​melħ jippenetra fil-​ħut. Wara dan it-​tnixxif kien jibbies.”

Mhux magħruf kemm kien iżomm il-​ħut meta kien jiġi ppreservat b’din il-​manjiera. Però, il-​fatt li l-​Eġizzjani tal-​qedem kienu jesportaw ħut imnixxef lejn is-​Sirja jindika li dawn il-​metodi ħadmu tajjeb mhux ħażin.