Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ġeħova jafhom lil dawk li huma tiegħu”

“Ġeħova jafhom lil dawk li huma tiegħu”

“Jekk xi ħadd iħobb lil Alla, Alla jkun jafu lil dan.” —1 KOR. 8:3.

1. Irrakkonta eżempju li juri kif uħud mill-poplu t’Alla qarrqu bihom infushom. (Ara l-ewwel stampa.)

GĦODWA minnhom, il-Qassis il-Kbir Aron kien bilwieqfa fid-daħla tat-tabernaklu taʼ Ġeħova u f’idu kellu reċipjent għall-inċens. Fil-viċin, Koraħ flimkien maʼ 250 raġel kienu wkoll qed joffru l-inċens lil Ġeħova, kull wieħed bir-reċipjent għall-inċens tiegħu. (Num. 16:16-18) Mal-ewwel daqqa t’għajn, l-irġiel kollha donnhom kienu qaddejja leali taʼ Ġeħova. Iżda, kuntrarju għal Aron, l-oħrajn kienu kburin, ribellużi, u egoisti, u kienu qed jipprovaw jaħtfu s-saċerdozju minn Aron. (Num. 16:1-11) Huma kienu qarrqu bihom infushom billi ħasbu li Alla kien se jaċċetta l-qima tagħhom. Imma din l-istennija kienet offensiva għal Ġeħova, li jistaʼ jaqra l-qlub u li setaʼ jara l-ipokrisija tagħhom.—Ġer. 17:10.

2. Mosè x’bassar, u twettaq kliemu?

2 Ġurnata qabel, Mosè b’mod xieraq kien bassar: “Fil-għodu Ġeħova se jgħarraf min hu tiegħu.” (Num. 16:5) Tabilħaqq, Ġeħova għamel differenza bejn aduraturi ġenwini u dawk foloz meta “ħareġ nar mingħand Ġeħova u ħaraq [lil Koraħ u] l-mitejn u ħamsin raġel li kienu qed joffru l-inċens.” (Num. 16:35; 26:10) Fl-istess waqt, Ġeħova salva lil Aron, u  b’hekk wera biċ-ċar li Aron kien il-qassis il-veru u aduratur ġenwin t’Alla.—Aqra l-1 Korintin 8:3.

3. (a) Liema sitwazzjoni qamet fi żmien l-appostlu Pawlu? (b) X’nistgħu nitgħallmu minn dak li għamel Ġeħova lir-ribelli fi żmien Mosè?

3 Qamet sitwazzjoni simili xi 1,500 sena wara, fi żmien l-appostlu Pawlu. Ċerti wħud li stqarrew li kienu Kristjani aċċettaw tagħlim falz; però, dawn komplew jassoċjaw mal-kongregazzjoni. Dawn l-apostati għandhom mnejn dehru li ma kinux differenti minn oħrajn fil-kongregazzjoni. Imma l-apostasija tagħhom kienet taʼ periklu għall-Kristjani leali. Dawn l-ilpup lebsin taʼ nagħaġ bdew “jaqilbu l-fidi taʼ xi wħud.” (2 Tim. 2:16-18) Kien qed jarahom Ġeħova? Iva. Pawlu kien jaf x’kien għamel Alla lir-ribelli, jiġifieri lil Koraħ u dawk li appoġġawh, u allura kien fiduċjuż li Ġeħova kien jaf tajjeb bis-sitwazzjoni. Ejja nitgħallmu kif aħna wkoll jistaʼ jkollna l-istess fiduċja f’Ġeħova mill-kliem interessanti li Pawlu kiteb lil Timotju.

“JIEN ĠEĦOVA; JIEN MA NBDILTX”

4. Pawlu minn xiex kien konvint, u kif esprima l-konvinzjoni tiegħu lil Timotju?

4 Pawlu kien ċert li Ġeħova setaʼ jagħraf qima ipokrita, u wkoll kien konvint li Ġeħova setaʼ jidentifika lil dawk li kienu jobdu Lilu. Pawlu wera l-konvinzjoni soda tiegħu bil-kliem li għażel meta kiteb lil Timotju taħt ispirazzjoni. Wara li rrefera għall-ħsara spiritwali li l-apostati kienu diġà qed jagħmlu lil xi wħud fil-kongregazzjoni, Pawlu kiteb: “Madankollu, il-pedament sod t’Alla jibqaʼ wieqaf, għax għandu dan il-kliem bħala siġill: ‘Ġeħova jafhom lil dawk li huma tiegħu,’ u: ‘Kulmin isejjaħ isem Ġeħova, ħa jwarrab l-inġustizzja.’”—2 Tim. 2:18, 19.

5, 6. (a) X’hemm sinifikanti dwar l-espressjoni “l-pedament sod t’Alla”? (b) Din l-espressjoni li uża Pawlu kif kienet se teffettwa lil Timotju?

5 X’hemm sinifikanti dwar il-kliem li għażel Pawlu f’din l-iskrittura? Dan hu l-uniku post fil-Bibbja fejn jissemma “l-pedament sod t’Alla.” Il-Bibbja tuża l-kelma “pedament” bħala metafora għal diversi affarijiet, fosthom Ġerusalemm letterali bħala l-belt kapitali taʼ Iżrael tal-qedem. (Salm 87:1, 2) Anki l-irwol li għandu Ġesù fl-iskop taʼ Ġeħova huwa mqabbel maʼ pedament. (1 Kor. 3:11; 1 Pt. 2:6) Pawlu x’kellu f’moħħu meta kiteb dwar “il-pedament sod t’Alla”?

6 Pawlu semma “l-pedament sod t’Alla” fl-istess kuntest li fih jikkwota l-kliem taʼ Mosè dwar Koraħ u dawk li appoġġawh, imniżżel bil-miktub f’Numri 16:5. B’dan il-mod, Pawlu kien qed ifakkar lil Timotju li Ġeħova kien jaf x’kien qed jiġri fil-kongregazzjoni. Alla kien se jwaqqaf lill-apostati milli jagħmlu l-ħsara. Koraħ ma biddilx l-iskop taʼ Ġeħova, u lanqas l-apostati fil-kongregazzjoni mhuma se jbiddlu l-iskop t’Alla. Pawlu ma spjegax għalkollox x’kien ifisser “il-pedament sod t’Alla.” Xorta waħda, dak li qal Pawlu għen lil Timotju jkollu fidi qawwija u fiduċja f’Ġeħova.

7. Għala nistgħu nserrħu moħħna li Ġeħova se jaġixxi bil-ġustizzja u l-fedeltà?

7 Il-prinċipji taʼ Ġeħova qatt ma jinbidlu. “L-iskop taʼ Ġeħova se jibqaʼ għal dejjem; il-ħsibijiet taʼ qalbu ma jinbidlux minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni,” jgħid Salm 33:11. Skritturi oħrajn jgħidu li l-ħakma, il-qalb tajba bl-imħabba, il-ġustizzja, u l-fedeltà taʼ Ġeħova huma għal dejjem. (Eżo. 15:18; Salm 100:5; 112:9) Malakija 3:6 jgħid: “Jien Ġeħova; jien ma nbdiltx.” B’mod simili, Ġakbu 1:17 jgħid li Ġeħova “ma jinbidilx  u m’huwiex bħal dell li jiċċaqlaq.”

ISKRIZZJONI LI TIBNI L-FIDI F’ĠEĦOVA

8, 9. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li kien imnaqqax fuq “il-pedament sod t’Alla”?

8 Fi żmien il-qedem kienet ħaġa komuni li jinkiteb jew jitnaqqax messaġġ fuq il-pedament taʼ xi bini. Dan spiss kien isir biex juri min kien bena l-bini jew taʼ min kien. Pawlu hu l-ewwel kittieb Bibliku li jirreferi għal din id-drawwa f’tixbiha. * “Il-pedament sod t’Alla” li ddeskriva Pawlu fit-2 Timotju 2:19 għandu żewġ stqarrijiet imnaqqxin fuqu: (1) “Ġeħova jafhom lil dawk li huma tiegħu” u, (2) “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova, ħa jwarrab l-inġustizzja.” Dan ifakkarna f’dak li hemm miktub f’Numri 16:5.—Aqra.

9 Dawk li huma taʼ Ġeħova x’jistgħu jitgħallmu minn dak li kien hemm imnaqqax fuq “il-pedament sod t’Alla”? Li l-valuri u l-prinċipji taʼ Ġeħova huma bbażati fuq żewġ veritajiet vitali: (1) Ġeħova jħobb lil dawk li huma leali lejh, u (2) Ġeħova jobgħod l-inġustizzja. Din it-tagħlima x’għandha x’taqsam mal-kwistjoni tal-apostasija fil-kongregazzjoni?

10. L-azzjonijiet tal-apostati kif effettwaw lill-uħud leali fi żmien Pawlu?

10 Timotju u oħrajn li kienu leali abbli inkwetaw ħafna minħabba l-azzjonijiet tal-apostati li kienu fosthom. Xi Kristjani għandhom mnejn staqsew għala dawn l-individwi tħallew jibqgħu fil-kongregazzjoni. L-uħud leali forsi saħansitra ħasbu jekk Ġeħova setax jara d-differenza bejn il-lealtà soda tagħhom u l-qima ipokrita tal-apostati.—Atti 20:29, 30.

11, 12. L-ittra taʼ Pawlu kif bla dubju saħħet il-fidi taʼ Timotju?

11 L-ittra taʼ Pawlu bla dubju saħħet il-fidi taʼ Timotju. Hu fakkar lil Timotju li Ġeħova fil-passat kien wera b’mod ċar li Koraħ u dawk li appoġġawh kienu ipokriti. Ġeħova kien ċaħadhom u qeridhom, imma kien wera li Aron kellu l-approvazzjoni tiegħu. Fi kliem ieħor, Pawlu kien qed jgħid li avolja kien hemm Kristjani foloz fosthom, Ġeħova kien se jagħraf lil dawk li verament kienu tiegħu, sewwasew kif għamel fi żmien Mosè.

12 Ġeħova qatt ma jinbidel, allura dejjem nistgħu nistrieħu fuqu. Hu jobgħod  l-inġustizzja u se jikkastiga lil dawk li jagħmlu l-ħażen u ma jindmux. Timotju ġie mfakkar li kellu jiċħad l-influwenza mill-agħar taʼ dawk li taparsi kienu Kristjani, għax “kulmin isejjaħ isem Ġeħova” jrid iwarrab l-inġustizzja. *

IL-QIMA ĠENWINA DEJJEM TIĠI PREMJATA

13. Liema fiduċja jistaʼ jkollna?

13 Aħna bl-istess mod nistgħu niksbu saħħa spiritwali mill-kliem imnebbaħ taʼ Pawlu. L-ewwel nett, iqawwilna qalbna l-fatt li nafu li Ġeħova jinnota l-lealtà tagħna lejh. Ġeħova hu interessat ferm f’dawk li huma tiegħu. Il-Bibbja tgħid: “Għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-art kollha biex juri s-saħħa tiegħu għan-nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.” (2 Kron. 16:9) Għalhekk, jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li dak li nagħmlu għal Ġeħova “minn qalb nadifa” qatt mhu għalxejn.—1 Tim. 1:5; 1 Kor. 15:58.

14. Ġeħova liema tip taʼ qima ma jittollerax?

14 Ukoll, il-fatt li nafu li Ġeħova ma jittollerax qima ipokrita jġegħelna naħsbu bis-serjetà. Hekk kif għajnejh “jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-art kollha,” hu jistaʼ jsib lil dawk li qalbhom mhijiex “sħiħa lejh.” “Il-qarrieq huwa mistkerrah minn Ġeħova,” jgħid Proverbji 3:32, bħalma hu wieħed li apposta juri wiċċ b’ieħor, billi taparsi hu ubbidjenti waqt li bil-moħbi jipprattika d-dnub. Il-bnedmin jistgħu jitqarrqu minn individwu bħal dan, imma Ġeħova ma jistax. Il-Bibbja tgħid: “Min jgħatti n-nuqqasijiet tiegħu m’huwiex se jirnexxi.” Dan għaliex Ġeħova għandu qawwa kbira u għax hu Alla taʼ ġustizzja.—Prov. 28:13; aqra l-1 Timotju 5:24; Ebrej 4:13.

15. X’għandna nevitaw, u għala?

15 Il-biċċa l-kbira mill-poplu taʼ Ġeħova jħobbuh b’qalbhom kollha. Huwa rari ħafna li xi ħadd jipprova jqarraq b’Ġeħova b’qima ipokrita. Xorta waħda, jekk dan ġara fi żmien Mosè u fi żmien il-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu, jistaʼ jiġri llum ukoll. (2 Tim. 3:1, 5) Madankollu, għandna aħna noqogħdu nissuspettaw ħażin fi sħabna l-Kristjani, billi niddubitaw kemm hi ġenwina l-lealtà tagħhom lejn Ġeħova? Dażgur li le! Ma jkunx sewwa li nissuspettaw f’ħutna mingħajr provi. (Aqra Rumani 14:10-12; 1 Korintin 13:7.) U jekk niddubitaw f’ħutna se nagħmlu ħsara lir-relazzjoni tagħna stess maʼ Ġeħova.

16. (a) Kif nistgħu nagħmlu ċert li ma jkollna ebda ipokrisija f’qalbna? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-kaxxa “ Ibqgħu għarblu . . . Ibqgħu agħtu prova . . . ”

16 Kull Kristjan għandu “jagħti prova taʼ x’inhu għemilu,” jew jeżamina l-azzjonijiet tiegħu. (Gal. 6:4) Minħabba li aħna imperfetti, forsi nibdew naqdu lil Ġeħova għal raġunijiet ħżiena mingħajr ma lanqas nindunaw. (Ebr. 3:12, 13) Għalhekk, minn żmien għal żmien, nistgħu neżaminaw il-motivi tagħna għala naqdu lil Ġeħova. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Naqdi lil Ġeħova għax inħobbu u għax nirrikonoxxi s-sovranità tiegħu? Jew niffoka l-iktar fuq il-barkiet fiżiċi li nittama li ngawdi fil-Ġenna tal-art?’ (Riv. 4:11) Ċertament li lkoll kemm aħna nistgħu nibbenefikaw jekk neżaminaw l-azzjonijiet tagħna u nneħħu kwalunkwe traċċa taʼ ipokrisija li nsibu f’qalbna.

IL-LEALTÀ TWASSAL GĦALL-HENA

17, 18. Għala għandna nkunu ġenwini u sinċieri fil-qima tagħna lil Ġeħova?

17 Hekk kif inħabirku biex inkunu ġenwini u sinċieri fil-qima tagħna, se naħsdu ħafna benefiċċji. Is-salmista  jgħid: “Hieni l-bniedem li Ġeħova ma jżommx kont taʼ l-iżball tiegħu, u li m’għandux spirtu taʼ qerq.” (Salm 32:2) Iva, dawk li jneħħu l-ipokrisija minn qalbhom se jkunu ferħanin issa u se jgawdu hena perfett fil-futur.

18 Ġeħova dalwaqt se jikxef lin-nies mill-agħar li ma jridux jindmu jew li jgħixu ħajja doppja. Hu se juri d-differenza “bejn bniedem sewwa u wieħed mill-agħar, bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.” (Mal. 3:18) Sadanittant, huwa taʼ faraġ li nkunu nafu li “għajnejn Ġeħova huma fuq in-nies sewwa, u widnejh miftuħin għat-talb bil-ħerqa tagħhom.”—1 Pt. 3:12.

^ par. 8 Rivelazzjoni 21:14, li nkiteb għaxriet taʼ snin wara l-ittri taʼ Pawlu lil Timotju, isemmi 12-il “ġebla tal-pedament” minquxin bl-isem tat-12-il appostlu.

^ par. 12 L-artiklu li jmiss se jiddiskuti kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nwarrbu l-inġustizzja.