Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet dwar il-Bibbja mweġbin

Mistoqsijiet dwar il-Bibbja mweġbin

Ir-​reliġjonijiet kollha jonoraw lil Alla?

Meta tismaʼ l-​aħbarijiet minn madwar id-​dinja, x’aktarx tinnota li kultant isiru affarijiet ħżiena f’isem ir-​reliġjon. Mhux ir-​reliġjonijiet kollha joriġinaw mill-​Alla l-​veru. (Mattew 7:15) Tabilħaqq, ħafna mill-​umanità ġiet imqarrqa.—Aqra l-​1 Ġwanni 5:19.

Minkejja dan, Alla jagħti kas nies sinċieri li jħobbu dak li hu tajjeb u veru. (Ġwanni 4:23) Alla qed jistieden nies bħal dawn biex jitgħallmu l-​verità mill-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja.—Aqra l-​1 Timotju 2:3-​5.

Kif tistaʼ tagħraf il-​vera reliġjon?

Alla Ġeħova qed jiġbor flimkien lil nies minn ħafna sfondi reliġjużi billi jgħallimhom il-​verità u billi jgħallimhom iħobbu lil xulxin. (Mikea 4:2, 3) Għalhekk, tistaʼ tagħraf lil dawk li jipprattikaw il-​vera reliġjon minn kif jieħdu ħsieb xulxin.—Aqra Ġwanni 13:35.

Alla Ġeħova qed jiġbor flimkien kull xorta taʼ nies permezz tal-​qima vera.—Salm 133:1

Aduraturi veri jibbażaw il-​fidi u l-​mod taʼ ħajja tagħhom fuq il-​Bibbja. (2 Timotju 3:16) Huma wkoll jonoraw isem Alla. (Salm 83:18) Iħabbru s-​Saltna t’Alla bħala l-​unika tama għall-​umanità. (Danjel 2:44) Huma jimitaw lil Ġesù billi jħallu ‘d-​dawl tagħhom jiddi,’ u jagħmlu l-​ġid lill-​ġirien tagħhom. (Danjel 2:44; Mattew 5:16) Il-​Kristjani veri, mela, jistgħu jintgħarfu miż-​żjajjar li jagħmlu lill-​ġirien tagħhom bl-​iskop li jaqsmu l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.—Aqra Mattew 24:14; Atti 5:42; 20:20.