SUĠĠETT PRINĊIPALI | ĠESÙ GĦALA BATA U MIET?
Veru ġara?
Fir-rebbiegħa tas-sena 33 WK (wara Kristu), Ġesù n-Nazzarenu nqatel. Kien ġie akkużat falz b’tixwix kontra l-gvern, imsawwat brutalment, u msammar maʼ zokk. Għadda minn uġigħ estrem qabel miet. Imma Alla rxoxtah għall-ħajja, u 40 jum wara, Ġesù telaʼ s-sema.
Dan ir-rakkont straordinarju jaslilna permezz tal-erbaʼ Evanġelji tal-Iskrittura Griega Kristjana, spiss imsejħa t-Testment il-Ġdid. Dawn l-affarijiet veru ġraw? Din hi mistoqsija adattata u serja. Jekk ma ġrawx, it-twemmin Kristjan hu bla valur u t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-art mhi xejn ħlief ħolma li qatt mhi se titwettaq. (1 Korintin 15:14) Mill-banda l-oħra, jekk dawn l-affarijiet veru ġraw, hemm futur sabiħ għall-umanità, wieħed li tistaʼ tkun parti minnu int. Allura, ir-rakkonti tal-Evanġelji huma fatti jew fantasiji?
X’JURU L-FATTI
Għall-kuntrarju taʼ leġġendi immaġinarji, il-kitbiet tal-Evanġelji jirriflettu eżattezza bir-reqqa u attenzjoni għall-irqaqat. Pereżempju, huma mimlijin b’ismijiet taʼ postijiet veri, li ħafna minnhom tistaʼ żżurhom illum. Jgħidulna dwar nies veri, li l-eżistenza tagħhom ġiet ikkonfermata minn storjografi sekulari.—Luqa 3:1, 2, 23.
* Il-mewt tiegħu, kif deskritta fl-Evanġelji, taqbel mal-metodi taʼ esekuzzjoni tar-Rumani taʼ dak iż-żmien. Iżjed minn hekk, il-ġrajjiet jissemmew realistikament u sinċerament—saħansitra jpinġu lid-dixxipli taʼ Ġesù f’dawl kemxejn ikrah. (Mattew 26:56; Luqa 22:24-26; Ġwanni 18:10, 11) Dawn il-fatturi kollha jindikaw b’ċertezza li l-kittieba tal-Evanġelji kienu onesti u eżatti f’dak li kitbu dwar Ġesù.
Ġesù nnifsu jissemma minn kittieba sekulari tal-ewwel u t-tieni seklu.XI NGĦIDU DWAR L-IRXOXT TAʼ ĠESÙ?
Filwaqt li ġeneralment hu aċċettat li Ġesù għex u miet, xi wħud jiddubitaw l-irxoxt tiegħu. Saħansitra l-appostli tiegħu m’emmnux l-ewwel rapport taʼ li reġaʼ lura għall-ħajja. (Luqa 24:11) Madankollu, neħħew kull dubju meta huma u dixxipli oħra raw lil Ġesù rxoxtat f’okkażjonijiet differenti. Infatti, f’każ wieħed, kien hemm ’il fuq minn 500 xhud preżenti.—1 Korintin 15:6.
B’sogru li jiġu arrestati u maqtulin, bil-kuraġġ id-dixxipli ħabbru l-irxoxt taʼ Ġesù lil kulħadd—anke lil dawk l-istess nies li kienu qatluh. (Atti 4:1-3, 10, 19, 20; 5:27-32) Kienu se jkunu daqshekk qalbiena tant dixxipli li kieku ma kinux ċerti li Ġesù verament kien ġie rxoxtat? Infatti, kienet ir-realtà tal-irxoxt taʼ Ġesù li tat spinta lill-Kristjanità madwar id-dinja kemm dak iż-żmien u kemm illum.
Ir-rakkonti dwar il-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù fl-Evanġelji fihom l-evidenza kollha li huma rekord storiku awtentiku. Billi taqrahom bir-reqqa se tkun konvint li dawn il-ġrajjiet veru seħħew. Il-konvinzjoni tiegħek se tkompli tissaħħaħ meta tifhem għala ġraw. L-artiklu li jmiss se jispjega.
^ par. 7 Taċitu, imwieled bejn wieħed u ieħor fis-sena 55 WK, kiteb: “Kristus, li minnu oriġina l-isem [Kristjani], sofra l-agħar kastig matul ir-renju taʼ Tiberju taħt idejn wieħed mill-prokuraturi tagħna, Ponzju Pilatu.” Irreferew għal Ġesù wkoll Suetonius (l-ewwel seklu); l-istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju (l-ewwel seklu); u Plinju ż-Żgħir, il-gvernatur tal-Bitinja (kmieni t-tieni seklu).