SUĠĠETT PRINĊIPALI | IL-BIBBJA—L-ISTORJA TAʼ KIF BAQGĦET TEŻISTI
Storja li tagħmel differenza
Il-Bibbja hija unika fost il-kitba reliġjuża. L-ebda ktieb ieħor ma fforma t-twemmin taʼ daqstant nies fuq medda daqshekk kbira taʼ żmien. Min-naħa l-oħra, l-ebda ktieb ieħor ma ġie eżaminat u kkritikat daqshekk.
Pereżempju, xi studjużi jiddubitaw jekk il-Bibbji moderni humiex kopji taʼ min joqgħod fuqhom tal-kitbiet oriġinali. “Ma nistgħux inkunu kompletament ċerti jekk erġajniex bnejna t-test oriġinali b’eżattezza,” jgħid professur tal-istudji reliġjużi. “Għandna biss kopji mimlijin żbalji, u l-biċċa l-kbira minnhom ġew magħmulin sekli wara l-oriġinali u huma differenti minnhom, evidentement b’eluf taʼ modi.”
Oħrajn jiddubitaw l-awtentiċità tal-Bibbja minħabba l-isfond reliġjuż tagħhom. Pereżempju, Faizal ġie mgħallem mill-familja mhux Kristjana tiegħu li l-Bibbja hi ktieb sagru imma li kienet ġiet mibdula. “B’hekk, kont inkun xi ftit suspettuż meta n-nies riedu jkellmuni dwar il-Bibbja,” hu jgħid. “Wara kollox, ma kellhomx il-Bibbja oriġinali. Kienet tbiddlet!”
Jagħmel differenza jekk il-Bibbja ġietx mibdula? Ħeqq, ikkunsidra dawn il-mistoqsijiet: Tistaʼ tafda fil-wegħdi taʼ faraġ għall-futur li qegħdin fil-Bibbja jekk ma tafx jekk dawn il-wegħdi kinux fit-test oriġinali? (Rumani 15:4) Kont tuża prinċipji Bibliċi biex tieħu deċiżjonijiet importanti dwar l-impjieg, il-familja, jew il-qima tiegħek kieku l-Bibbji moderni kienu biss kopji mimlijin żbalji dokumentati mill-bniedem?
Għalkemm il-kotba oriġinali tal-Bibbja sparixxew, aħna nistgħu nirreferu għal kopji antiki—inkluż eluf taʼ manuskritti Bibliċi. Dawn il-manuskritti kif irnexxielhom jibqgħu jeżistu minkejja tmermir, oppożizzjoni, u attentati biex jitbiddel it-test? L-eżistenza tagħhom kif tistaʼ tibnilek il-fiduċja fl-awtentiċità tal-Bibbja moderna disponibbli għalik? Ikkunsidra t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet fl-istorja li ġejja ta’ kif il-Bibbja baqgħet teżisti.