Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont taf?

Kont taf?

X’kien hemm mhux tas-​soltu fil-​mod kif Ġesù ttratta maʼ dawk li kellhom il-​ġdiem?

Il-​Lhud tal-​qedem kellhom biżaʼ mit-​tip taʼ ġdiem komuni fi żminijiet Bibliċi. Din il-​marda li tbeżżaʼ setgħet tattakka t-​truf tan-​nervituri taʼ dak li jkun qed ibati biha u twassal għal ħsara permanenti u sfigurazzjoni. Ma kien hemm l-​ebda kura magħrufa għall-​ġdiem. Minflok, dawk milqutin b’din il-​marda kienu jinżammu kwarantina u kienu obbligati javżaw lil oħrajn bil-​kundizzjoni tagħhom.—Levitiku 13:45, 46.

Il-​mexxejja reliġjużi Lhud għamlu regoli dwar il-​ġdiem li kienu iktar stretti minn dawk miktubin fl-​Iskrittura, u dan għamel il-​ħajja tal-​vittmi iktar diffiċli bla bżonn. Pereżempju, regoli rabbiniċi ma ħallew lil ħadd jersaq iktar viċin minn erbaʼ kubiti, jew xi żewġ metri, minn wieħed bil-​ġdiem. Imma jekk kien hemm ir-​riħ jonfoħ, ħadd ma setaʼ jersaq viċin iktar minn 100 kubitu, jew xi 45 metru. Ċerti Talmudisti interpretaw il-​ħtieġa Skritturali li dawk bil-​ġdiem kellhom jgħixu “barra mill-​kamp” bħala li tfisser li kellhom jitħallew ’il barra minn bliet bis-​swar. B’hekk, wieħed rabbi, meta kien jara lil xi ħadd bil-​ġdiem ġo belt, kien iwaddablu l-​ġebel u jgħidlu: “Mur postok u tniġġisx nies oħra.”

Kemm kien differenti l-​mod taʼ kif ittratta magħhom Ġesù! Minflok ikeċċi lil dawk bil-​ġdiem, hu kien lest li jmisshom—u anki jfejjaqhom.—Mattew 8:3.

Il-​mexxejja reliġjużi Lhud għal liema raġuni taw id-​divorzju?

Ċertifikat tad-divorzju datat mis-sena 71/72 WK

Id-​divorzju kien suġġett taʼ kontroversja fost il-​mexxejja reliġjużi fl-​ewwel seklu WK. Għalhekk, darba xi Fariżej sfidaw lil Ġesù b’din il-​mistoqsija: “Skond il-​liġi, jistaʼ raġel jiddivorzja lil martu għal kwalunkwe raġuni?”—Mattew 19:3.

Il-​Liġi Mosajka ppermettiet li raġel jiddivorzja lil martu jekk hu “sab xi ħaġa indeċenti min-​naħa tagħha.” (Dewteronomju 24:1) Fi żmien Ġesù, fost ir-​rabbini kien hemm żewġ opinjonijiet li kien fihom kuntrast fl-​interpretazzjoni tat-​tifsir taʼ dik il-​liġi. L-​opinjoni taʼ Shammai, li kienet iktar retta, tat l-​interpretazzjoni li l-​unika raġuni valida għal divorzju kienet “nuqqas taʼ kastità,” li hu adulterju. L-​Iskola taʼ Hillel, mill-​banda l-​oħra, għallmet li raġel setaʼ b’mod leġittimu jiddivorzja minħabba kwalunkwe nuqqas taʼ qbil fiż-​żwieġ, żgħir kemm hu żgħir. Skont din l-​interpretazzjoni, raġel setaʼ jiddivorzja lil martu saħansitra anki jekk tirrovinalu l-​ikel jew jekk sab mara li kienet isbaħ f’għajnejh.

Mela, Ġesù kif wieġeb il-​mistoqsija tal-​Fariżej? Hu qal ċar u tond: “Kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-​żína, u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.”—Mattew 19:6, 9.