Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | IS-SMEWWIET—MIN JGĦIX FIHOM?

Mistoqsijiet dwar dawk li jgħixu fis-​smewwiet

Mistoqsijiet dwar dawk li jgħixu fis-​smewwiet

Qatt ħsibt dwar is-​smewwiet u dawk li jgħixu hemm? Jekk iva, m’intix waħdek. Għal eluf taʼ snin, in-​nies spekulaw dwar dan is-​suġġett. Xi wħud jemmnu li fid-​dinja tal-​ispirti jgħixu antenati li jeħtieġ li jiġu onorati. Oħrajn jimmaġinaw li hu post fejn hemm trankwillità u ferħ u li fih jgħixu anġli u nies tajbin li mietu. Terġaʼ oħrajn iqisu d-​dinja tal-​ispirti bħala dar għal mijiet taʼ miljuni taʼ allat.

Ħafna nies jargumentaw li ma nistgħux inkunu nafu x’hemm fis-​smewwiet għax ħadd ma ġie minn hemm biex jgħidilna x’ra. Però, dan ir-​raġunar mhux korrett. Ġesù Kristu għex fis-​sema, jiġifieri fil-​qasam tal-​ispirti, qabel ma ġie fuq l-​art. Hu qal dan bil-​miftuħ lill-​mexxejja reliġjużi fl-​ewwel seklu: “Jien ma nżiltx mis-​sema biex nagħmel ir-​rieda tiegħi imma r-​rieda taʼ dak li bagħatni.” U Ġesù kien qed jgħid x’ra hu stess meta lill-​appostli qalilhom: “F’dar Missieri hemm ħafna postijiet fejn toqogħdu.”—Ġwanni 6:38; 14:2.

Ovvjament, Missier Ġesù hu Alla, li ismu hu Ġeħova, u d-​“dar” taʼ Ġeħova hi fis-​smewwiet. (Salm 83:18) B’hekk, ħadd ma jistaʼ jiddeskrivi d-​dinja inviżibbli aħjar minn Alla Ġeħova u Ġesù Kristu. Huma rrivelaw ħafna informazzjoni dwar il-​qasam tal-​ispirti permezz taʼ viżjonijiet spettakolari li taw lil uħud leali.

L-​artiklu li jmiss jiddiskuti siltiet mill-​Bibbja li jiddeskrivu x’raw xi rġiel f’diversi viżjonijiet. Hekk kif tikkunsidra dawn il-​viżjonijiet, ftakar li l-​qasam tal-​ispirti mhuwiex post li nistgħu mmissu u naraw. B’hekk, Alla minflok ma spjegalna l-​affarijiet fi kliem li jifhmuh biss il-​ħlejjaq spirti, hu uża viżjonijiet biex jurina kif inhu l-​qasam tal-​ispirti fi kliem li nistgħu nifhmu. Il-​viżjonijiet se jgħinuk tifhem lil dawk li jgħixu fil-​“ħafna postijiet” fis-​smewwiet.