Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | L-ANĠLI—X’TGĦID IL-BIBBJA DWARHOM?

Il-​verità dwar l-​anġli

Il-​verità dwar l-​anġli

Tixtieq tkun taf il-​verità dwar l-​anġli—min huma, kif bdew jeżistu, u x’jagħmlu? Biex inkunu nafu dawn it-​tweġibiet, l-​aħjar hu li nfittxu fil-​Kelma mnebbħa t’Alla, il-​Bibbja. (2 Timotju 3:16) X’tgħidilna l-​Bibbja dwarhom?

  • Sewwasew bħalma Alla hu Spirtu, l-​anġli wkoll huma spirti inviżibbli li m’għandhomx “laħam u għadam.” L-​anġli leali jgħixu fis-​smewwiet u għandhom aċċess dirett għall-​preżenza t’Alla.—Luqa 24:39; Mattew 18:10; Ġwanni 4:24.

  • L-​anġli xi kultant dehru bħala bnedmin biex iwettqu l-​inkarigi li Alla jkun qabbadhom biex jagħmlu fuq l-​art. Imbagħad, meta lestew l-​inkarigu tagħhom, reġgħu saru spirti.—Imħallfin 6:11-​23; 13:15-​20.

  • Għalkemm fil-​Bibbja l-​anġli jiġu deskritti bħala rġiel u fuq l-​art dejjem dehru bħala rġiel, fir-​realtà l-​anġli la huma rġiel u lanqas nisa. Huma la jiżżewġu u lanqas inisslu. Iktar minn hekk, l-​anġli ma bdewx jeżistu bħala bnedmin fuq l-​art. Trabi, tfal, jew adulti li jmutu ma jsirux anġli. Ġeħova ħalaq l-​anġli; b’hekk il-​Bibbja ssejħilhom “ulied l-​Alla l-​veru.”—Ġob 1:6; Salm 148:2, 5.

  • Il-​Bibbja ssemmi “l-​ilsna tal-​bnedmin u taʼ l-​anġli,” u b’hekk tindika li l-​anġli għandhom il-​lingwa tagħhom. Għalkemm Alla uża l-​anġli biex jikkomunika mal-​bnedmin, hu la jippermettilna nqimuhom u lanqas nitolbu lilhom.—1 Korintin 13:1; Rivelazzjoni 22:8, 9.

  • Hemm għaxriet t’eluf għal għaxriet t’eluf t’anġli, forsi l-​għadd tagħhom hu bil-​biljuni.—Danjel 7:10; Rivelazzjoni 5:11.

  • L-​anġli huma “setgħanin fil-​qawwa”—bil-​wisq iktar b’saħħithom mill-​bnedmin—u għandhom intelliġenza li tisboq dik tal-​bniedem. Milli jidher huma jistgħu jivvjaġġaw b’veloċità enormi, iktar minn dak li nistgħu nimmaġinaw.—Salm 103:20; Danjel 9:20-​23.

  • Minkejja li huma bil-​wisq iktar setgħanin u intelliġenti, l-​anġli għandhom il-​limitazzjonijiet u hemm affarijiet li ma jafux.—Mattew 24:36; 1 Pietru 1:12.

  • L-​anġli ġew maħluqin b’karattri differenti, bi kwalitajiet divini, u bil-​libertà tal-​għażla. Għaldaqstant, bħall-​bnedmin, huma jistgħu jagħżlu li jagħmlu t-​tajjeb jew il-​ħażin. B’sogħba, xi anġli għażlu li jirribellaw kontra Alla.—Ġuda 6.