Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-tbassir dwar il-futur

It-tbassir dwar il-futur

Qatt ħsibt kif se jkun il-​futur għalik u għall-​familja tiegħek? Se tkun sinjur jew fqir, se tkun maħbub jew se tħossok waħdek? Se tgħix ħajja twila jew ħajtek se tintemm ħesrem? In-​nies ilhom eluf taʼ snin jispekulaw fuq mistoqsijiet bħal dawn.

Illum l-​esperti jistudjaw xi jkun qed jingħoġob u xi jkun popolari fid-​dinja u mbagħad jgħidu x’se jiġri fil-​futur. Filwaqt li ħafna minn dak li jbassru jseħħ, xi affarijiet li jgħidu mhux talli ma jseħħux imma talli jmorru żmerċ. Pereżempju, fl-​1912, Guglielmo Marconi, l-​inventur taʼ telegrafu bla wajer, ġie kwotat li bassar: “Il-​gwerer kollha se jispiċċaw meta jkun hawn l-​era li ma tużax wajers.” U rappreżentant tad-​Decca Record Company, li m’aċċettax li jaħdem mal-​Beatles fl-​1962, kien jemmen li l-​gruppi li jdoqqu l-​kitarri kien għadda żmienhom.

Ħafna jduru lejn is-​sopranaturali biex jiksbu xi ħjiel dwar il-​futur. Xi wħud jieħdu pariri minn astrologi, u f’ħafna rivisti u gazzetti jkun hemm l-​oroskopju b’mod regolari. Oħrajn imorru għand dawk li jbassru l-​futur għax jemmnu li dawn “jaqraw” il-​futur billi jinterpretaw il-​karti tal-​qari tax-​xorti, in-​numri, jew il-​linji li jkun hemm fuq il-​pala tal-​id taʼ dak li jkun.

Bi sforz biex isiru jafu l-​futur, xi nies li għexu żmien twil ilu kienu jmorru għand orakli—qassisin irġiel jew nisa li kienu jgħaddu informazzjoni mingħand l-​alla li kienu jgħidu li jirrappreżentaw. Pereżempju, jingħad li s-​Sultan Croesus taʼ Lidja bagħat rigali li kienu jiswew ħafna flus lill-​oraklu taʼ Delfi, il-​Greċja, biex isir jaf x’kien se jkun ir-​riżultat jekk jiġġieled kontra Ċiru tal-​Persja. L-​oraklu qal li Croesus kien se jeqred “imperu kbir” jekk imur kontra Ċiru. Fiduċjuż li se jirbaħ, Croesus mar jiggwerra kontrih, imma l-​imperu kbir li nqered kien tiegħu stess!

It-​tbassir xejn ċar tal-​oraklu ma kienx t’għajnuna. Dan setaʼ jidher li kien minnu, jirbaħ min jirbaħ il-​gwerra. Croesus tilef kollox minħabba din l-​informazzjoni ħażina. Dawk li llum qed iduru lejn metodi popolari li jbassru l-​futur, qegħdin imorru aħjar?