Int tistaʼ tgħix għal dejjem fuq l-art
X’TAMA TAL-GĦAĠEB! Il-Ħallieq tagħna wiegħed li nistgħu ngħixu għal dejjem, hawnhekk fuq l-art. Iżda ħafna jsibuha diffiċli biex jemmnuha din. In-nies jgħidu, ‘Kulħadd irid imut xi darba. Din hi xi ħaġa naturali, parti mill-ħajja.’ Oħrajn iħossu li hu possibbli li ngħixu għal dejjem, imma mhux hawn fuq l-art. Huma jgħidu li tistaʼ tgħix għal dejjem, imma biss wara li tmut u tmur fis-sema. Inti x’taħseb?
Qabel ma twieġeb, għala ma tikkunsidrax it-tweġiba tal-Bibbja għal dawn it-tliet mistoqsijiet: Il-mod kif inhu maħluq il-bniedem, x’juri dwar għal kemm żmien suppost kellu jgħix? X’kien l-iskop oriġinali t’Alla għall-bnedmin u għall-art? Il-mewt kif ġiet fuq il-familja umana?
IL-MOD UNIKU TAʼ KIF INHU MAĦLUQ IL-BNIEDEM
Mill-ħlejjaq kollha li Alla ħalaq fuq l-art, il-bnedmin huma uniċi. B’liema mod? Il-Bibbja turi li l-bnedmin biss kienu maħluqin “fix-xbieha” u s-sura t’Alla. (Ġenesi 1:26, 27) Dan xi jfisser? Ifisser li l-bnedmin ingħataw kwalitajiet li jirriflettu dawk t’Alla, bħall-imħabba u s-sens taʼ ġustizzja.
Barra minn hekk, in-nies ingħataw l-abbiltà li jaħsbu u jirraġunaw u jagħrfu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Għalhekk, nistgħu napprezzaw is-sbuħija tal-għaġeb tal-univers u l-meravilji tan-natura, kif ukoll l-arti, il-mużika, u l-poeżija. In-nies għandhom ukoll ix-xewqa li jsiru jafu lil Alla u li jkollhom relazzjoni miegħu. Fuq kollox, il-bnedmin għandhom il-kapaċità unika li jqimu lill-Ħallieq. Kwalitajiet bħal dawn jagħmlu lill-bnedmin differenti ħafna mill-ħlejjaq l-oħrajn kollha fuq l-art.
Għalhekk, ikkunsidra dan: Li kieku l-iskop t’Alla kien li ngħixu għal ftit snin biss, kien hu ħa jagħti lill-bnedmin kwalitajiet daqshekk tal-għaġeb, flimkien mal-abbiltà li jkomplu jiżviluppaw u jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom? Il-verità hi li Alla ta lill-bnedmin dawn il-kwalitajiet u l-abbiltajiet uniċi biex ikunu jistgħu jgawdu l-ħajja hawnhekk fuq l-art għal dejjem.
L-ISKOP ORIĠINALI T’ALLA
Imma xi wħud jgħidu li Alla qatt ma ried li n-nies jgħixu għal dejjem fuq l-art. Huma jgħidu wkoll li l-art kienet iddisinjata biex in-nies jgħixu fuqha għal ftit żmien biss, fejn fiha jagħtu prova jekk jistħoqqilhomx imorru fis-sema u jgħixu għal dejjem Dewteronomju 32:4.
m’Alla. Imma kieku kien veru hekk, ma kienx ikun Alla responsabbli għall-ħażen u l-problemi kollha li hawn madwar id-dinja? Dan imur għalkollox kontra l-personalità t’Alla. Il-Bibbja tgħid dwaru: “Għax triqatu kollha huma ġustizzja. Alla taʼ fedeltà, li miegħu m’hemm ebda inġustizzja; ġust u rett hu.”—Il-Bibbja turi b’mod ċar x’kien l-iskop oriġinali t’Alla għall-art b’dan il-kliem: “Is-smewwiet—taʼ Ġeħova huma s-smewwiet, imma l-art taha lil ulied il-bnedmin.” (Salm 115:16) Iva, Alla ħalaq l-art biex tkun post mill-isbaħ fejn il-bnedmin ikunu jistgħu jgħixu għal dejjem, u hu mlieha b’dak kollu li għandna bżonn biex ingawdu ħajja li fiha skop u li ma tispiċċa qatt.—Ġenesi 2:8, 9.
“Is-smewwiet—taʼ Ġeħova huma s-smewwiet, imma l-art taha lil ulied il-bnedmin.”—Salm 115:16
Il-Bibbja turi wkoll b’mod ċar l-iskop t’Alla għan-nies. Hu qal lill-ewwel koppja umana biex ‘jimlew l-art u jrażżnuha, u li ħa tkun sottomessa lejhom kull ħliqa ħajja li titħarrek fuq l-art.’ (Ġenesi 1:28) Xi privileġġ kien li jieħdu ħsieb u jkabbru d-dar tagħhom, il-Ġenna, sa truf l-art! Fil-fatt, il-wegħda li kellhom quddiemhom Adam u Eva, u eventwalment it-tfal tagħhom, kienet ħajja taʼ dejjem fuq l-art, u mhux premju fis-sema.
AĦNA GĦALA MMUTU?
Mela, għala mmutu? Il-Bibbja turi li wieħed mill-ħlejjaq spirti t’Alla, li iktar tard sar magħruf bħala Satana x-Xitan, irribella u pprova jfixkel l-arranġament t’Alla fl-Għeden. Kif?
Satana kkonvinċa lill-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, biex jingħaqdu miegħu fir-ribelljoni kontra Alla. Meta Satana sostna li Alla kien qed iċaħħadhom minn xi ħaġa tajba—id-dritt li jagħżlu għalihom infushom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin—huma għażlu li jkunu fuq in-naħa taʼ Satana u taw daharhom lil Alla billi rribellaw kontrih. X’kien ir-riżultat? Maż-żmien mietu, bħalma kien wissiehom Alla. Huma tilfu l-opportunità li jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-art.—Ġenesi 2:17; 3:1-6; 5:5.
Ir-ribelljoni taʼ Adam u Eva effettwat lill-bnedmin kollha u għadha teffettwana sal-lum il-ġurnata. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha.” (Rumani 5:12) Aħna mmutu għax uritna d-dnub u l-mewt mill-ewwel ġenituri tagħna, u mhux għax Alla kien fassal minn qabel xi ‘pjan’ għalina li ma nistgħux nifhmuh.
INT TISTAʼ TGĦIX GĦAL DEJJEM FUQ L-ART
Ir-ribelljoni fl-Għeden ma waqqfitx l-iskop li Alla kellu għall-bnedmin u għall-art. L-imħabba perfetta t’Alla u s-sens taʼ ġustizzja tiegħu qanqluh biex jipprovdi mod kif jeħlisna mill-jasar tad-dnub u l-mewt li writna. L-appostlu Pawlu spjega: “Il-ħlas li jagħti d-dnub hu l-mewt, imma l-għotja li jagħti Alla hi l-ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù, il-Mulej tagħna.” (Rumani 6:23) Alla bi mħabba “ta l-Iben uniġenitu tiegħu [Ġesù Kristu], biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Billi Ġesù offra lilu nnifsu minn jeddu bħala sagrifiċċju taʼ fidwa, hu reġaʼ kiseb dak kollu li kien tilef Adam. a
Il-wegħda t’Alla taʼ ġenna tal-art se ssir realtà dalwaqt! Dan il-futur mill-isbaħ jistaʼ jkun tiegħek jekk int tieħu bis-serjetà l-parir li ta Ġesù: “Idħlu mill-bieb id-dejjaq; għax wiesgħa u spazjuża hi t-triq li tieħu għall-qerda, u ħafna jgħaddu minnha; filwaqt li dejjaq hu l-bieb u mħarbta hi t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma dawk li jsibuha.” (Mattew 7:13, 14) Iva, il-futur tiegħek hu f’idejk. X’ħa tagħmel int?
a Għal iktar informazzjoni dwar dak li tistaʼ tagħmel il-fidwa għalik, ara lezzjoni 27 tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova u li tistaʼ tniżżlu b’xejn minn www.pr418.com.