Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Fejn kien Alla?”

“Fejn kien Alla?”

“IL-​ĦIN KOLLU NISTAQSI LILI NNIFSI: FEJN KIEN ALLA?”—Il-​Papa Benedettu XVI, waqt li kien qed iżur dak li qabel kien il-​kamp tal-​konċentrament f’Auschwitz, il-​Polonja.

META SSEĦĦ XI TRAĠEDJA, ĠIELI TISTAQSI LILEK INNIFSEK, ‘FEJN KIEN ALLA?’ JEW QATT GĦADDEJT MINN ŻMIEN DIFFIĊLI FERM LI ĠIEGĦLEK TISTAQSI JEKK ALLA JIMPURTAHX MINNEK PERSONALMENT?

Forsi int tħossok bħalma ħassitha Sheila, li tgħix fl-​Istati Uniti. Hi trabbiet ġo familja reliġjuża ħafna. Hi tgħid: “Minn ċkuniti, jien kont miġbuda lejn Alla għax hu l-​Ħallieq tagħna. Madankollu qatt ma ħassejtni qrib tiegħu. Kont naħseb li qed jarani, imma biss mill-​bogħod. Ma kontx inħoss li kien jobgħodni, imma lanqas kont nemmen li kien iħobbni.” Sheila għala kellha dawn id-​dubji? Hi tispjega: “Il-​familja tiegħi għaddiet minn traġedja wara oħra u kien bħallikieku Alla xejn ma kien qed jgħinna.”

Bħal Sheila, int tistaʼ tħossok ċert li Alla li Jistaʼ Kollox jeżisti. Iżda int għandek mnejn titħasseb jekk lilek iħobbokx verament. Ir-​raġel ġust Ġob, li kellu fidi fil-​qawwa u fl-​għerf tal-​Ħallieq, kellu dubji simili. (Ġob 2:3; 9:4) Wara li Ġob għadda minn traġedja wara oħra, fejn ħassu mingħajr ebda raġġ taʼ tama, hu staqsa lil Alla: “Għala taħbi wiċċek u tqisni bħala għadu tiegħek?”—Ġob 13:24.

Il-​Bibbja x’tgħid? Għandu jeħel Alla għat-​traġedji li jseħħu? Hemm xi evidenza li turi li Alla jimpurtah min-​nies inġenerali u minna b’mod individwali? Jistaʼ xi ħadd minna jkun jaf fiċ-​ċert jekk hu jinnotaniex, jifhimniex, iħossx għalina, jew jgħinniex meta nkunu għaddejjin minn problemi?

Fl-​artikli li ġejjin se nikkunsidraw kif il-​ħolqien jgħallimna li Alla jimpurtah minna. (Rumani 1:20) Imbagħad se neżaminaw x’tgħid il-​Bibbja dwar il-​mod kif jieħu ħsiebna. Iktar ma ‘ssir taf’ lil Alla permezz tal-​ħolqien u l-​Kelma tiegħu, iktar se tkun ċert li ‘hu jimpurtah minnek.’—1 Ġwanni 2:3; 1 Pietru 5:7.