Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Alla dalwaqt se jtemm it-tbatija kollha

Alla dalwaqt se jtemm it-tbatija kollha

“O Ġeħova, kemm se jkolli ndum ngħajjat għall-​għajnuna, u int ma tismax? Kemm se ndum insejjaħlek għall-​għajnuna mill-​vjolenza, u int ma ssalvax?” (Ħabakkuk 1:2, 3) Dan hu l-​kliem taʼ Ħabakkuk, raġel tajjeb li kellu l-​approvazzjoni t’Alla. Uriet it-​talba tiegħu li kellu nuqqas taʼ fidi? Żgur li le! Alla assigura lil Ħabakkuk li kellu żmien stabbilit biex itemm it-​tbatija.—Ħabakkuk 2:2, 3.

Meta int jew xi ħadd għażiż għalik ikun qed ibati, faċli tikkonkludi li Alla qed idum biex jaġixxi, u li s’issa messu għamel xi ħaġa. Imma l-​Bibbja tassigurana: “Ġeħova mhux qed idum biex iwettaq il-​wegħda tiegħu, bħalma xi nies iqisu d-​dewmien, imma hu paċenzjuż magħkom għax ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-​indiema.”—2 Pietru 3:9.

ALLA META SE JAĠIXXI?

Dalwaqt! Ġesù rrivela li ġenerazzjoni partikulari kienet se tara diversi affarijiet jiġru li kienu se juru li qegħdin fl-​aħħar jiem “tas-​sistema.” (Mattew 24:3-​42) It-​twettiq tal-​profezija taʼ Ġesù fi żmienna tindika li Alla dalwaqt se jintervieni fl-​affarijiet tal-​bniedem. *

Imma Alla kif se jtemm it-​tbatija kollha? Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu wera kif il-​qawwa t’Alla ħa tneħħi t-​tbatija tal-​bniedem. Ikkunsidra xi eżempji taʼ dan.

Diżastri naturali: Waqt li Ġesù u l-​appostli tiegħu kienu qegħdin fuq dgħajsa fil-​Baħar tal-​Galilija, qam riefnu qawwi ħafna li kważi għerrqilhom id-​dgħajsa. Imma Ġesù wera li hu u Missieru jistgħu jikkontrollaw l-​elementi tan-​natura. (Kolossin 1:15, 16) Ġesù sempliċiment qal: “Iskot! Oqgħod kwiet!” X’ġara mbagħad? “Ir-​riħ batta, u waqgħet kalma kbira.”—Marku 4:35-39.

Il-​mard: Ġesù kien magħruf sew għall-​abbiltà tiegħu biex ifejjaq lill-​għomja u liz-​zopop, u anke lil dawk li kienu jsofru mill-​epilessija, il-​ġdiem, jew kwalunkwe tip taʼ mard ieħor. Hu “fejjaq lil kulmin kien magħdur.”—Mattew 4:23, 24; 8:16; 11:2-5.

Nuqqas taʼ ikel: Ġesù uża l-​qawwa li ngħatatlu minn Missieru biex iżid il-​ftit ikel li kien hemm disponibbli. Il-​Bibbja tgħid li waqt il-​ministeru tiegħu, hu darbtejn temaʼ eluf taʼ nies.—Mattew 14:14-21; 15:32-38.

Il-​mewt: Fil-​Bibbja hemm miktub li Ġesù rxoxta tliet individwi. Wieħed minn dawk li Ġesù rxoxta kien ilu erbat ijiem mejjet. B’dawn il-​mirakli naraw biċ-​ċar li Ġeħova għandu l-​qawwa biex iġib lura lil dawk li mietu.—Marku 5:35-42; Luqa 7:11-16; Ġwanni 11:3-44.

^ par. 5 Biex issir taf iżjed dwar l-aħħar jiem, ara lezzjoni 32 tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! li ġie ppubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Tistaʼ tiddawnlowdjah b’xejn minn www.pr418.com.