Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala l-ħajja hi taʼ min jgħixha

Għala l-ħajja hi taʼ min jgħixha

Faizal kellu bżonn operazzjoni serja tal-​qalb madwar sena wara li mietet martu. Hu jgħid: “Meta naqra l-​ktieb taʼ Ġob nara li Ġeħova poġġieh hemm għal raġuni. Meta nsibu eżempju fil-​Bibbja li nistgħu nqabblu lilna nfusna miegħu, hu mod kif innaqqsu l-​uġigħ taʼ qalb.” Hu jżid jgħid: “Il-​ħajja xorta għadha taʼ min jgħixha.”

Tarsha kienet għadha żgħira meta mietet ommha. Hi tgħid: “Il-​fatt li naf il-​Ħallieq tagħna hu li jagħtini skop, tama, u ferħ f’ħajti minkejja l-​affarijiet kollha li jkolli niffaċċja. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jistaʼ jsostnina u jgħinna ngħaddu kull ġurnata.”

L-​ARTIKLI taʼ qabel juru kif diversi ġrajjiet trawmatiċi jistgħu jagħmlu l-​ħajja tidher li ma tistax tkampa magħha. Waqt li tiffaċċja l-​problemi persunali tiegħek, tistaʼ titħasseb jekk il-​ħajja hix taʼ min jgħixha jew jekk hemmx min jimpurtah minnek. Kun ċert li Alla jimpurtah mid-​dwejjaq tiegħek. Int prezzjuż għalih.

Il-​kittieb taʼ Salm 86 qal li hu fada f’Alla: “F’jum in-​niket tiegħi nsejjaħlek, għax int twiġibni.” (Salm 86:7) Imma int forsi taħseb, ‘Alla kif se jwiġibni “f’jum in-​niket tiegħi”?’

Għalkemm Alla jistaʼ ma jsolvix il-​problemi tiegħek mill-​ewwel, il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, tassigurak li hu jistaʼ jagħtik il-​paċi tal-​moħħ biex jgħinek tkampa: ‘Tkun ansjuż fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħalli lil Alla jkun jaf x’teħtieġ; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbek u l-​qawwa mentali [jew, il-​ħsibijiet] tiegħek.’ (Filippin 4:6, 7) Jekk jogħġbok, ikkunsidra kif il-​versi tal-​Bibbja li ġejjin jassigurawna li Alla verament jimpurtah minna.

Alla veru jimpurtah minnek

‘Lanqas [għasfur tal-​bejt] wieħed m’hu minsi quddiem Alla. Int tiswa iktar minn ħafna għasafar tal-​bejt.’Luqa 12:6, 7.

IKKUNSIDRA DAN: Għasafar żgħar bħall-​għasafar tal-​bejt jistgħu ma jidhrux importanti għal maġġoranza tan-​nies, imma Alla jimpurtah minnhom. Alla jinnota kull għasfur tal-​bejt żgħir; kull wieħed hu ħliqa ħajja prezzjuża. Il-​bnedmin huma ħafna iktar taʼ valur għal Alla mill-​għasafar tal-​bejt. Il-​bnedmin huma l-​iktar ħolqien straordinarju t’Alla fuq l-​art. Huma magħmulin fuq ix-​“xbieha” tiegħu u huma kapaċi jikkultivaw u juru l-​kwalitajiet tal-​għaġeb tiegħu.—Ġenesi 1:26, 27.

“O Ġeħova, int fittixt fija, u tafni. . . . Int għaraft il-​ħsieb tiegħi . . . Eżaminani, u sir af il-​ħsibijiet li jinkwetawni.”Salm 139:1, 2, 23.

IKKUNSIDRA DAN: Alla jafek b’mod persunali. Hu jaf l-​iktar emozzjonijiet u anzjetajiet sigrieti tiegħek. Filwaqt li oħrajn forsi ma jifhmux il-​problemi u l-​anzjetajiet tiegħek, Alla jimpurtah minnek u jrid jgħinek. Dan jagħmel il-​ħajja taʼ min jgħixha.

Ħajtek għandha skop

“O Ġeħova, ismaʼ talbi; u ħa tasal għandek l-​għajta tiegħi għall-​għajnuna. . . . Mejjel widintek lejja; meta nsejjaħlek, fittex wiġibni. . . . Hu se jdur lejn it-​talba taʼ dawk imneżżgħin minn kollox.”Salm 102:1, 2, 17.

IKKUNSIDRA DAN: Hu bħallikieku minn meta l-​bnedmin bdew ibatu, Ġeħova beda jżomm kont taʼ kull demgħa tal-​bnedmin. (Salm 56:8) Dan jinkludi d-​dmugħ tiegħek. Alla jiftakar il-​provi kollha u d-​dmugħ tiegħek għax int prezzjuż għalih.

“Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament. . . . Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed . . . ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’”Isaija 41:10, 13.

IKKUNSIDRA DAN: Allu hu lest li jgħinek. Jekk taqaʼ, hu se jqajmek.

Hemm tama għal futur aħjar

“Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.”Ġwanni 3:16.

IKKUNSIDRA DAN: Tant int għażiż għal Alla li hu minn qalbu ta lil Ibnu, Ġesù, bħala sagrifiċċju għall-​benefiċċju tiegħek. Dan is-​sagrifiċċju jagħtik it-​tama li tgħix ħajja ferħana u bi skop għal dejjem. *

Għalkemm għandek mnejn tkun inkwetat u ħajtek tidher bħallikieku ma tistax tkampa magħha, studja bir-​reqqa l-​Kelma t’Alla u kkultiva fidi fit-​tama li Alla jwiegħed. Dan se jagħmlek ferħan u ċert li l-​ħajja hi taʼ min jgħixha.

^ Biex tkun taf iktar dwar kif tistaʼ tibbenefika mis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, ara l-​vidjow Ftakar fil-​mewt taʼ Ġesù fuq www.pr418.com. Fittex taħt DWARNA > IT-TIFKIRA.