Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 2

Faħħar lil Ġeħova fil-kongregazzjoni

Faħħar lil Ġeħova fil-kongregazzjoni

“F’nofs il-​kongregazzjoni se nfaħħrek.”—SALM 22:22.

GĦANJA 59 Faħħru lil Jah

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. David kif ħassu dwar Ġeħova, u dan xi mmotivah jagħmel?

IS-​SULTAN DAVID kiteb: “Ġeħova hu kbir u jistħoqqlu kull tifħir.” (Salm 145:3) Hu kien iħobb lil Ġeħova, u din l-​imħabba qanqlitu jfaħħar lil Alla “f’nofs il-​kongregazzjoni.” (Salm 22:22; 40:5) Ċertament, int tħobb lil Ġeħova u taqbel mal-​kliem taʼ David: “Tkun imbierek, O Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel missierna, minn dejjem għal dejjem.”—1 Kron. 29:10-13.

2. (a) Kif nistgħu nfaħħru lil Ġeħova? (b) Xi sfidi jiffaċċjaw xi wħud, u x’se naraw flimkien?

2 Illum, mod wieħed kif infaħħru lil Ġeħova hu billi nikkummentaw fil-​laqgħat Kristjani. Madankollu, xi aħwa rġiel u nisa veru jiffaċċjaw sfida. Huma jridu jipparteċipaw fil-​laqgħat, imma l-​biżaʼ żżommhom lura. X’jistgħu jagħmlu dwar din il-​biżaʼ? U liema suġġerimenti prattiċi jistgħu jgħinu lilna lkoll biex nikkummentaw b’mod li jinkuraġġixxi? Qabel ma nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet, ejja l-​ewwel naraw erbaʼ raġunijiet bażiċi għala nikkummentaw fil-​laqgħat.

GĦALA NIKKUMMENTAW FIL-​LAQGĦAT

3-5. (a) Bħalma hu spjegat f’​Ebrej 13:15, għala nikkummentaw fil-​laqgħat? (b) Ilkoll għandna nagħtu l-​istess tip taʼ kumment? Spjega.

3 Ġeħova tana lkoll il-​privileġġ li nfaħħruh. (Salm 119:108) Il-​kummenti tagħna waqt il-​laqgħat huma parti mis-​“sagrifiċċju taʼ tifħir,” u ħadd ma jistaʼ joffri dan is-​sagrifiċċju għalina. (Aqra Ebrej 13:15.) Jitlob Ġeħova l-​istess tip taʼ sagrifiċċju, jew kumment, mingħand kull wieħed jew waħda minna? Le, ma jagħmilx dan!

4 Ġeħova jaf li għandna abbiltajiet u ċirkustanzi differenti, u japprezza bil-​kbir is-​sagrifiċċji li nistgħu noffrulu. Aħseb fit-​tip taʼ sagrifiċċji li aċċetta mingħand l-​Iżraelin. Xi Iżraelin setgħu joffru ħaruf jew mogħża. Imma Iżraeli fqir setaʼ joffri “żewġ gamimiet jew żewġ bċieċen.” U jekk Iżraeli ma kellux biex jixtri żewġ għasafar, Ġeħova kien jaċċetta kwantità żgħira taʼ dqiq. (Lev. 5:7, 11) Id-​dqiq kien jiswa inqas, imma Ġeħova xorta apprezza dak is-​sagrifiċċju, dment li kien “dqiq fin.”

5 Alla tagħna, li għandu qalbu tajba, iħossu bl-​istess mod illum. Meta nikkummentaw, hu ma jistenniex li lkoll ninqalgħu biex nitkellmu daqs Apollo jew kapaċi nipperswadu lil ħaddieħor daqs Pawlu. (Atti 18:24; 26:28) Dak kollu li jrid Ġeħova hu li nagħtu l-​aħjar kummenti li nistgħu, xejn iktar. Ftakar fl-​armla li offriet iż-​żewġ muniti żgħar. Din kienet prezzjuża għal Ġeħova għax tatu l-​aħjar li setgħet.—Lq. 21:1-4.

Il-​kummenti huma taʼ ġid għalina u għal dawk li jisimgħuhom (Ara paragrafi 6-7) *

6. (a) Skont Ebrej 10:24, 25, il-​kummenti li nisimgħu kif jistgħu jaffettwawna? (b) Kif tistaʼ turi apprezzament għat-​tweġibiet li jinkuraġġuk?

6 Aħna ninkuraġġixxu lil xulxin bil-​kummenti tagħna. (Aqra Ebrej 10:24, 25.) Ilkoll kemm aħna napprezzaw meta nisimgħu varjetà taʼ kummenti fil-​laqgħat tagħna. Aħna nieħdu gost bil-​kliem sempliċi u sinċier taʼ tifel jew tifla żgħira. Niġu inkuraġġiti bl-​eċitament fil-​vuċi taʼ xi ħadd li jikkummenta dwar verità li jkun għadu kif sab. U aħna nammiraw lil dawk li ‘għamlu l-​qalbʼ biex jagħtu kumment, avolja jistħu jew għadhom kif bdew jitgħallmu l-​lingwa tagħna. (1 Tess. 2:2) Kif nistgħu nuru apprezzament għall-​isforz tagħhom? Aħna nistgħu nirringrazzjawhom għall-​kumment inkuraġġanti tagħhom wara l-​laqgħa. Mod ieħor hu billi nikkummentaw aħna stess. Imbagħad mhux biss se nirċievu inkuraġġiment fil-​laqgħat tagħna imma nagħtuh ukoll.—Rum. 1:11, 12.

7. Kif inhu għall-​ġid tagħna meta nikkummentaw?

7 Meta nikkummentaw ikun għall-​ġid tagħna stess. (Is. 48:17) Kif? L-​ewwel, jekk nippjanaw biex nikkummentaw, aħna se jkollna raġuni tajba biex nippreparaw sew għal-​laqgħa. Meta nippreparaw sew, se nifhmu iktar il-​Kelma t’Alla. U iktar ma nifhmu, iktar se nkunu nistgħu npoġġu fil-​prattika l-​affarijiet li nitgħallmu. It-​tieni, x’aktarx se nieħdu iktar gost fil-​laqgħa għax inkunu involuti fid-​diskussjoni. It-​tielet, peress li jeħtieġ sforz biex nikkummentaw, spiss nibqgħu niftakru l-​punti li kkummentajna fuqhom ħafna wara li l-​laqgħa tispiċċa.

8-9. (a) Bħalma juri Malakija 3:16, kif taħseb li jħossu Ġeħova dwar il-​kummenti tagħna? (b) Xi wħud liema sfida forsi għadhom jiffaċċjaw?

8 Aħna nogħġbu lil Ġeħova meta nesprimu l-​fidi tagħna. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jismagħna u japprezza ħafna l-​isforz li nagħmlu biex nikkummentaw fil-​laqgħat. (Aqra Malakija 3:16.) Hu juri l-​apprezzament tiegħu billi jberikna meta nagħmlu l-​almu tagħna biex nogħġbuh.—Mal. 3:10.

9 Biċ-​ċar, għandna raġunijiet tajbin biex nikkummentaw fil-​laqgħat. Xorta waħda, xi wħud għandhom mnejn jibżgħu jgħollu idhom. Jekk tħossok hekk, taqtax qalbek. Ejja nikkunsidraw xi prinċipji Bibliċi, xi ftit eżempji, u xi suġġerimenti prattiċi li jistgħu jgħinuna lkoll biex nipprovaw nikkummentaw iżjed fil-​laqgħat.

X’NISTGĦU NAGĦMLU DWAR IL-​BIŻAʼ

10. (a) X’biżaʼ għandhom ħafna minna? (b) Il-​fatt li tibżaʼ twieġeb għala jistaʼ jkun sinjal tajjeb?

10 Tħoss għoqla fi ġriżmejk kull darba li taħseb biex tgħolli idek ħalli tikkummenta fil-​laqgħat? Jekk iva, m’intix waħdek. Il-​verità hi li l-​biċċa l-​kbira minna jkollna xi ftit biżaʼ meta nikkummentaw. Qabel ma tkun tistaʼ tagħmel xi ħaġa minħabba din il-​biżaʼ li żżommok lura, int għandek bżonn issib għala qed ikollok din il-​biżaʼ. Qiegħed tibżaʼ li se tinsa xi trid tgħid jew li tgħid xi ħaġa żbaljata? Tinkwieta li l-​kumment tiegħek ma jkunx tajjeb daqs taʼ ħaddieħor? Fil-​fatt, dawn il-​beżgħat jistgħu jkunu sinjal tajjeb. Huma jindikaw li int umli u tqis lil oħrajn superjuri għalik. Ġeħova togħġbu din il-​kwalità. (Salm 138:6; Flp. 2:3) Imma wkoll Ġeħova jridek tfaħħru u tinkuraġġixxi lil ħutek fil-​laqgħat. (1 Tess. 5:11) Hu jħobbok u se jagħtik il-​kuraġġ li jkollok bżonn.

11. Liema tfakkiriet Skritturali jistgħu jgħinuna?

11 Ikkunsidra xi tfakkiriet Skritturali. Il-​Bibbja tgħid li lkoll niżbaljaw f’dak li ngħidu u kif ngħiduh. (Ġak. 3:2) Ġeħova ma jistenniex il-​perfezzjoni mingħandna, u lanqas ħutna. (Salm 103:12-​14) Huma l-​familja spiritwali tagħna u jħobbuna. (Mk. 10:29, 30; Ġw. 13:35) Huma jifhmu li l-​kummenti tagħna kultant ma joħorġux eżattament kif xtaqniehom.

12-13. X’nitgħallmu mill-​eżempji taʼ Neħemija u Ġona?

12 Aħseb dwar xi eżempji Bibliċi li jistgħu jgħinuk meta tkun beżgħan. Tiftakru lil Neħemija? Hu qeda fil-​palazz taʼ sultan setgħan. Neħemija kien imdejjaq għax sar jaf li s-​swar u l-​bibien taʼ Ġerusalemm kienu meqrudin. (Neħ. 1:1-4) Immaġina x’għoqla setgħet telgħet fi griżmejh meta s-​sultan talbu jispjegalu għala kien daqshekk qalbu sewda! Neħemija malajr qal talba u mbagħad wieġeb lis-​sultan. Is-​sultan aġixxa u għen bil-​kbir lill-​poplu t’Alla. (Neħ. 2:1-8) Aħseb ukoll f’​Ġona. Meta Ġeħova qallu biex ikellem lin-​nies taʼ Ninwe, Ġona tant beżaʼ li ħarab fid-​direzzjoni opposta. (Ġona 1:1-3) Imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, Ġona wettaq l-​inkarigu tiegħu. U l-​kliem li qal għamel ħafna ġid lil dawk f’Ninwe. (Ġona 3:5-10) Minn Neħemija nitgħallmu l-​importanza tat-​talb qabel inwieġbu. U minn Ġona nitgħallmu li Ġeħova jistaʼ jgħinna naqduh minkejja kemm ikunu kbar il-​beżgħat tagħna. Ngħiduha kif inhi, hemm xi kongregazzjoni daqshekk tal-​biżaʼ daqs kemm kienu n-​nies taʼ Ninwe?

13 Liema suġġerimenti prattiċi jistgħu jgħinuk tagħti kummenti inkuraġġanti fil-​laqgħat? Ejja naraw xi ftit suġġerimenti.

14. Għala għandna nippreparaw sew għal-​laqgħat tagħna, u meta nistgħu nagħmlu dan?

14 Ipprepara għal kull laqgħa. Meta tippjana bil-​quddiem u tipprepara sew, se tħossok iktar kunfidenti biex tikkummenta. (Prov. 21:5) Bla dubju, mhux ilkoll għandna l-​istess rutina. Eloise, armla li għandha fuq it-​80 sena, tibda tipprepara għall-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa fil-​bidu tal-​ġimgħa. Hi tgħid, “Nieħu iktar pjaċir fil-​laqgħat jekk nistudja minn qabel.” Joy, li għandha xogħol sekulari full-​time, tistudja t-​Torri tal-​Għassa ġurnata qabel il-​laqgħa. “Inħobb ikolli l-​materjal frisk f’moħħi,” hi tgħid. Ike, anzjan bieżel li hu pijunier ukoll, jgħid, “Insibni aħjar jekk nistudja għal ħinijiet qosra matul il-​ġimgħa minflok nagħmel kollox f’darba.”

15. Kif tistaʼ tipprepara tajjeb għal-​laqgħa?

15 X’jinvolvi biex tipprepara tajjeb għal-​laqgħa? Ibda kull sessjoni taʼ studju billi titlob lil Ġeħova jagħtik l-​ispirtu qaddis. (Lq. 11:13; 1 Ġw. 5:14) Imbagħad ħu ftit minuti biex tgħaddi fuq fuq l-​artiklu billi tanalizza t-​titlu, is-​sottitli, l-​istampi, u l-​kaxxi tat-​tagħlim, li jinkludu l-​mistoqsijiet taʼ reviżjoni. Issa, hekk kif tistudja kull paragrafu, aqra kemm tistaʼ mill-​iskritturi msemmijin. Immedita fuq l-​informazzjoni, waqt li tagħti iktar attenzjoni lill-​punti li tixtieq tikkummenta fuqhom. Iktar ma tipprepara tajjeb, iktar se tibbenefika u iktar jistaʼ jkun faċli għalik biex tikkummenta.—2 Kor. 9:6.

16. X’għodod hemm disponibbli għalik, u kif tużahom?

16 Jekk hu possibbli għalik, uża l-​għodod elettroniċi li hemm b’lingwa li taf. Ġeħova, permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu, tana għodod elettroniċi biex jgħinna nippreparaw għal-​laqgħat. L-​app tal-​JW Library® tgħinna nniżżlu pubblikazzjonijiet tal-​istudju fuq mowbajl jew tablet. Imbagħad nistgħu nistudjaw—jew għall-​inqas naqraw jew nisimgħu l-​materjal—xħin u fejn irridu. Xi wħud jużaw din l-​għodda biex jistudjaw waqt il-​brejk fuq ix-​xogħol jew l-​iskola jew waqt li jivvjaġġaw. Il-​Watchtower Library u l-​LIBRERIJA ONLAJN tat-​Torri tal-​Għassa jagħmluha faċli ħafna biex infittxu dwar punti fl-​artiklu li nixtiequ nistudjaw iktar fuqhom.

Int meta tħalli l-ħin biex tipprepara għal-laqgħat? (Ara paragrafi 14-16) *

17. (a) Għala hu tajjeb li tipprepara diversi kummenti? (b) X’tgħallimt mill-​vidjow Sir ħabib taʼ ĠeħovaKif tipprepara kumment?

17 Jekk hu possibbli, ipprepara diversi kummenti għal kull studju. Għala? Għax il-​ħu li jikkonduċi jistaʼ ma jgħidlekx tikkummenta meta tgħolli idek. Oħrajn x’aktarx se jgħollu idhom fl-​istess ħin, u l-​ħu għandu mnejn jagħżel lil xi ħadd minnhom. Sabiex ikun ċert li l-​laqgħa tispiċċa fil-​ħin, il-​ħu li jikkonduċi jistaʼ jkollu jillimita kemm jieħu kummenti fuq xi punt tal-​istudju. Allura tiħux għalik jew tkun skuraġġit jekk ma jgħidlekx twieġeb kmieni fl-​istudju. Jekk tipprepara diversi kummenti, se jkollok iktar opportunitajiet biex tipparteċipa fid-​diskussjoni. Wieħed mill-​kummenti li tipprepara jistaʼ jkun li taqra skrittura. Imma jekk tistaʼ, ipprepara wkoll kumment fi kliemek stess. *

18. Għala nikkummentaw fil-​qosor?

18 Ikkummenta fil-​qosor. Spiss, l-​iktar kummenti inkuraġġanti jkunu dawk qosra u sempliċi. Allura mmira li twieġeb fil-​qosor. Ipprova llimita kull kumment għal xi 30 sekonda. (Prov. 10:19; 15:23) Jekk ilek is-​snin twieġeb fil-​laqgħat, għandek irwol importanti f’idejk—li tagħti eżempju tajjeb f’li żżomm il-​kummenti tiegħek qosra. Jekk iddum tikkummenta għal diversi minuti, oħrajn għandhom mnejn jibżgħu u jaħsbu li qatt mhuma se jkunu tajbin daqsek biex jikkummentaw. Ukoll, kummenti qosra jagħtu ċans lil iżjed nies biex jipparteċipaw fil-​laqgħa. Speċjalment jekk twieġeb int l-​ewwel, żomm il-​kumment sempliċi u dirett. Tipprovax tinkludi l-​punti kollha fil-​paragrafu. Wara li l-​idea prinċipali tal-​paragrafu tkun ġiet diskussa, tistaʼ twieġeb fuq punti oħrajn.—Ara l-​kaxxa “ Fuq xiex nistaʼ nikkummenta?

19. Il-​ħu li jikkonduċi kif jistaʼ jgħinek, imma x’se jkollok tagħmel?

19 Ħalli lill-​ħu li jikkonduċi jkun jaf li tixtieq tikkummenta fuq paragrafu speċifiku. Jekk tagħżel li tagħmel dan, għandek tavviċina lill-​ħu ħafna qabel tibda l-​laqgħa. Meta jasal il-​ħin biex tikkummenta fuq dak il-​paragrafu, għolli idek malajr u fil-​għoli biżżejjed biex il-​ħu jkun jistaʼ jaraha.

20. Laqgħa tal-​kongregazzjoni kif inhi bħal ikla li tinqasam mal-​ħbieb?

20 Qis il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni bħallikieku kienu xi ikla li se taqsamha maʼ ħbieb tajbin. Immaġina li xi aħwa fil-​kongregazzjoni jippjanaw barbikju u jgħidulek tipprepara xi ħaġa żgħira tal-​ikel. Kif kont twieġeb? Forsi kont tħossok xi ftit ansjuż, imma x’aktarx li se tagħmel l-​aħjar li tistaʼ biex iġġib xi ħaġa li togħġob lil kulħadd. Ġeħova, Dak li Jistidinna, ipprovda mejda mimlija affarijiet tajbin għalina fil-​laqgħat tagħna. (Salm 23:5; Mt. 24:45) U hu jieħu gost meta nġibu rigal sempliċi, l-​aħjar li nistgħu nagħtu. Allura, ipprepara tajjeb u pparteċipa kemm tistaʼ. Imbagħad, mhux biss se tiekol mill-​mejda taʼ Ġeħova, imma wkoll iġġib rigal biex taqsmu mal-​kongregazzjoni.

GĦANJA 2 Ġeħova ismek hu

^ par. 5 Bħas-​salmista David, ilkoll kemm aħna nħobbu lil Ġeħova u nieħdu gost infaħħruh. Aħna għandna opportunità speċjali biex nesprimu mħabbitna għal Alla meta niltaqgħu mal-​kongregazzjoni tagħna għall-​qima. Madankollu, uħud minna jsibuha diffiċli biex jikkummentaw fil-​laqgħat tagħna. Jekk tiffaċċja din l-​isfida, dan l-​artiklu jistaʼ jgħinek issib x’inhuma l-​beżgħat tiegħek u taħdem biex tegħlibhom.

^ par. 17 Fuq jw.org/mt, ara l-​vidjow Sir ħabib taʼ ĠeħovaKif tipprepara kumment. Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > TFAL.

^ par. 63 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Membri tal-kongregazzjoni qed jieħdu pjaċir jipparteċipaw f’diskussjoni tat-Torri tal-Għassa.

^ par. 65 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Uħud mill-membri tal-kongregazzjoni li pparteċipaw fl-Istudju tat-Torri tal-Għassa jħallu l-ħin biex jistudjaw għal-laqgħa, għalkemm kollha għandhom ċirkustanzi differenti.