Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 6

Żomm l-integrità tiegħek!

Żomm l-integrità tiegħek!

“Sakemm nieħu l-​aħħar nifs ma nwarrabx minni l-​integrità tiegħi!”—ĠOB 27:5.

GĦANJA 34 Nimxu bl-integrità

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. It-​tliet Xhieda taʼ Ġeħova li ssemmew fil-​paragrafu kif baqgħu leali lejn Ġeħova?

IMMAĠINA dawn it-​tliet xeni li jinvolvu x-​Xhieda taʼ Ġeħova. (1) Tifla qiegħda l-​iskola u l-​għalliema tistaqsi lill-​istudenti kollha fil-​klassi biex jieħdu sehem f’ċelebrazzjoni reliġjuża jew nazzjonali. Hi taf li din iċ-​ċelebrazzjoni ma togħġbux lil Alla, allura b’rispett tirrifjuta li tieħu sehem. (2) Żagħżugħ mistħi qed jipprietka minn dar għal dar u jinduna li xi ħadd mill-​iskola tiegħu joqgħod fid-​dar li jmiss. Dan l-​istudent kien iwaqqaʼ għaċ-​ċajt lix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Imma ż-​żagħżugħ xorta jħabbat il-​bieb. (3) Raġel qed jaħdem iebes ħafna biex jipprovdi għal familtu, u darba minnhom l-​imgħallem tiegħu jgħidlu jagħmel xi ħaġa diżonesta jew illegali. Għalkemm jistaʼ jitlef xogħlu, ir-​raġel jispjega li għandu jkun onest u jobdi l-​liġi għax Alla hekk jistenna mill-​qaddejja tiegħu.—Rum. 13:1-4; Ebr. 13:18.

2. X’mistoqsijiet se nikkunsidraw, u għala?

2 Xi kwalità tara f’dawn it-​tliet aħwa? Forsi tinnota diversi kwalitajiet, bħall-​kuraġġ u l-​onestà. Imma hemm kwalità li hi speċjalment importanti—l-​integrità. It-​tlieta li huma juru lealtà lejn Ġeħova. Ilkoll jirrifjutaw li jiksru l-​livelli t’Alla. L-​integrità tqanqalhom biex jaġixxu b’dan il-​mod. Ġeħova żgur li jħossu kburi b’kull wieħed u waħda minnhom għax juru din il-​kwalità. Bl-​istess mod, aħna rridu nagħmlu lil Missierna tas-​sema kburi bina. Allura ejja niddiskutu dawn il-​mistoqsijiet: X’inhi l-​integrità? Għala għandna bżonnha? U kif nistgħu nsaħħu d-​determinazzjoni tagħna biex jibqaʼ jkollna l-​integrità f’dawn iż-​żminijiet diffiċli?

X’INHI L-​INTEGRITÀ?

3. (a) Xi tfisser l-​integrità għalina? (b) X’eżempji jistgħu jgħinuna nifhmu xi tfisser l-​integrità?

3 Għalina, il-​qaddejja t’Alla, l-​integrità tfisser imħabba b’qalb sħiħa u b’saħħitha għal Ġeħova, u b’hekk dejjem nagħmlu dak li jogħġob lilu. Ikkunsidra xi informazzjoni dwar kif il-​kelma integrità hi użata fil-​Bibbja. Il-​kelma bl-​Ebrajk tradotta “integrità” tfisser komplut, bla difett, jew sħiħ. Pereżempju, l-​Iżraelin offrew annimali bħala sagrifiċċju lil Ġeħova, u l-​Liġi kienet tgħid li l-​annimali kellhom ikunu bla difett. * (Lev. 22:21, 22) Il-​poplu t’Alla ma setax joffri annimal bla sieq, bla widna, jew bla għajn; u lanqas ma setaʼ joffri annimal marid. Għal Ġeħova kien importanti li l-​annimal ikun komplut, bla difett, jew sħiħ. (Mal. 1:6-9) Nistgħu nifhmu għala Ġeħova jimpurtah li xi ħaġa tkun bla difett u sħiħa. Meta nixtru xi frotta, ktieb, jew għodda, ma nkunux irriduhom b’xi toqob jew partijiet neqsin. Irridu oġġett komplut, bla difett, jew sħiħ. Ġeħova jħossu b’mod simili dwar l-​imħabba u l-​lealtà tagħna lejh. Dawn għandhom ikunu kompluti, bla difett, jew sħaħ.

4. (a) Xi ħadd imperfett għala jistaʼ jkollu l-​integrità? (b) Skont Salm 103:12-14, Ġeħova x’jistenna minna?

4 Għandna naħsbu li jeħtieġ inkunu perfetti biex ikollna l-​integrità? Wara kollox, aħna nistgħu nħossu li niżbaljaw ħafna u mhux li aħna bla difett. Ikkunsidra żewġ raġunijiet għala m’għandniex naħsbu hekk. L-​ewwel, Ġeħova ma jiffokax fuq l-​iżbalji tagħna. Kelmtu tgħidilna: “Kieku int toqgħod għassa għall-​iżbalji, O Jah, O Ġeħova, min jistaʼ jżomm wieqaf?” (Salm 130:3) Hu jaf li aħna imperfetti, bnedmin midinbin, u hu jaħfrilna b’mod ġeneruż. (Salm 86:5) It-​tieni, Ġeħova jaf il-​limitazzjonijiet tagħna, u ma jistenniex minna iktar milli nifilħu nagħmlu. (Aqra Salm 103:12-14.) Allura b’liema mod nistgħu nkunu kompluti, bla difett, jew sħaħ f’għajnejh?

5. Għall-​qaddejja taʼ Ġeħova, l-​imħabba kif inhi s-​sigriet għall-​integrità?

5 Għall-​qaddejja taʼ Ġeħova, is-​sigriet biex ikollhom l-​integrità hu l-​imħabba. Imħabbitna għal Alla u l-​lealtà tagħna lejh bħala Missierna tas-​sema għandhom ikunu kompluti, bla difett, jew sħaħ. Jekk imħabbitna tibqaʼ b’dan il-​mod anke meta niġu ttestjati, mela għandna l-​integrità. (1 Kron. 28:9; Mt. 22:37) Erġaʼ kkunsidra t-​tliet Xhieda li semmejna fil-​bidu. Għala jaġixxu b’dan il-​mod? Taħseb li għax it-​tifla tobgħod tieħu gost l-​iskola, jew għax iż-​żagħżugħ jixtieq iħossu mistħi fuq il-​bieb, jew għax ir-​raġel jixtieq jitlef xogħlu? Dażgur li le. Pjuttost, huma jafu li Ġeħova għandu livelli ġusti, u moħħhom iffokat fuq dak li jogħġob lil Missierhom tas-​sema. Peress li jħobbuh, huma dejjem jaħsbu fih qabel ma jieħdu deċiżjoni. B’dan il-​mod juru li għandhom l-​integrità.

GĦALA NEĦTIEĠU L-​INTEGRITÀ

6. (a) Int għala teħtieġ l-​integrità? (b) Adam u Eva kif naqsu li juru l-​integrità?

6 Għala lkoll kemm aħna neħtieġu l-​integrità? Int teħtieġ l-​integrità għax Satana sfida lil Ġeħova u lilek. Lura fil-​ġnien tal-​Għeden, dan l-​anġlu ribelluż għamel lilu nnifsu Satana, jew “Wieħed li Jopponi.” Hu pprova jħammeġ ir-​reputazzjoni taʼ Ġeħova billi qal li Alla hu Mexxej ħażin, egoist, u diżonest. B’dispjaċir, Adam u Eva ngħaqdu maʼ Satana f’li jirribellaw kontra Ġeħova. (Ġen. 3:1-6) Il-​ħajja fl-​Għeden kienet tathom opportunitajiet kemm iridu biex isaħħu mħabbithom għal Ġeħova. Imma fiż-​żmien meta għamel l-​isfida Satana, imħabbithom ma kinitx kompluta, bla difett, jew sħiħa. Iktar tard qamet din il-​mistoqsija: Kien se jkun hemm xi bnedmin li jibqgħu leali lejn Alla Ġeħova sforz l-​imħabba li kellhom għalih? Fi kliem ieħor, il-​bnedmin kapaċi juru l-​integrità? Din il-​mistoqsija tqajmet fil-​każ taʼ Ġob.

7. Bħalma juri Ġob 1:8-11, Ġeħova u Satana kif ħassewhom dwar l-​integrità taʼ Ġob?

7 Ġob għex fiż-​żmien meta l-​Iżraelin kienu l-​Eġittu. Sakemm kien għadu ħaj, ebda bniedem ieħor ma kellu integrità bħal tiegħu. Bħalna, hu kien imperfett u kien jiżbalja. Madankollu, Ġeħova ħabb lil Ġob għall-​integrità tiegħu. Milli jidher, Satana kien diġà sfida lil Ġeħova dwar l-​integrità tal-​bnedmin. Allura, Ġeħova semmielu lil Ġob. Il-​ħajja taʼ dan ir-​raġel kixfet li Satana hu giddieb! Satana talab lil Ġeħova biex iħallih jittestja l-​integrità taʼ Ġob. Ġeħova kien jafdah lill-​ħabib tiegħu Ġob, allura ppermetta lil Satana jittestjah.—Aqra Ġob 1:8-11.

8. Satana kif attakka lil Ġob?

8 Satana hu mill-​agħar, u hu qattiel. Hu attakka l-​affarijiet li kellu Ġob billi seraqlu l-​ġid kollu, qatillu l-​qaddejja tiegħu, u ħassarlu r-​reputazzjoni. Hu attakka l-​familja taʼ Ġob u qatillu l-​għaxart itfal maħbubin tiegħu. Imbagħad attakka lil Ġob, billi mlielu ġismu kollu bi msiemer li ma jfiqux. Mart Ġob kienet mifxula u mnikkta ħafna. Hi bdiet taqtagħlu qalbu, u ħeġġitu jisħet lil Alla u jmut. Anke Ġob xtaq imut, imma minkejja dan kollu hu żamm l-​integrità. Imbagħad, Satana pprova jattakkah b’mod differenti. Hu uża tlett irġiel li kienu ħbieb taʼ Ġob. Dawn żaru lil Ġob għal xi żmien, imma ma tantx kienu taʼ faraġ għalih. Minflok, ikkritikawh bla ħniena. Huma qalu li Alla kien qed jikkaġunalu dan kollu u li ma kien jimpurtah xejn mill-​integrità tiegħu. Huma saħansitra riedu jgħidu li Ġob kien raġel mill-​agħar u li kien ħaqqu l-​affarijiet terribbli li kien għaddej minnhom!—Ġob 1:13-22; 2:7-11; 15:4, 5; 22:3-6; 25:4-6.

9. Minkejja l-​provi, Ġob xi rrifjuta li jagħmel?

9 Ġob kif irreaġixxa għal dan il-​gwaj kollu? Hu ma kienx perfett. Hu tkellem b’rabja mal-​farraġa foloz tiegħu, u qal affarijiet li wara ammetta li kienu b’nuqqas taʼ ħsieb. Ġob iddikjara lilu nnifsu ġust minflok lil Alla. (Ġob 6:3; 13:4, 5; 32:2; 34:5) Madankollu, anke meta s-​sitwazzjoni tiegħu kienet verament gravi, Ġob irrifjuta li jdur kontra Alla Ġeħova. Hu rrifjuta li jemmen il-​gideb tal-​ħbieb foloz tiegħu. Hu qal: “Lanqas biss jgħaddili minn moħħi li niddikjara li intom nies sewwa! Sakemm nieħu l-​aħħar nifs ma nwarrabx minni l-​integrità tiegħi!” (Ġob 27:5) Dan il-​kliem juri li Ġob kien determinat li jżomm l-​integrità, jiġri x’jiġri. Aħna nistgħu nagħmlu l-​istess.

10. Kif int involut fil-​kwistjoni li Satana qajjem dwar Ġob?

10 Kif int involut fil-​kwistjoni li Satana qajjem dwar Ġob? Fil-​fatt, hu jgħid li int mhux veru tħobbu lil Alla Ġeħova, li se tieqaf taqdih biex issalva lilek innifsek, u li m’intix se żżomm l-​integrità! (Ġob 2:4, 5; Riv. 12:10) Dan kif iġiegħlek tħossok? Iweġġgħek ħafna, hux veru? Madankollu, aħseb dwar dan: Ġeħova qed jippermetti lil Satana jittestja l-​integrità tiegħek. Hu tant jafdak li joffrilek opportunità meraviljuża li żżomm l-​integrità u tgħin biex toħroġ lil Satana taʼ giddieb. Ġeħova fiduċjuż li int tistaʼ żżomm l-​integrità, u jwiegħed li se jgħinek tagħmel dan. (Ebr. 13:6) Xi privileġġ li tkun fdat mis-​Sovran tal-​univers! Tistaʼ tara għala l-​integrità hi tant importanti? Din tgħinna nġibu fix-​xejn il-​gideb taʼ Satana u nappoġġjaw l-​isem tajjeb taʼ Missierna u l-​mod tiegħu kif imexxi. X’nistgħu nagħmlu biex inżommu l-​integrità?

KIF NISTGĦU NŻOMMU L-​INTEGRITÀ TAGĦNA F’DAWN IŻ-​ŻMINIJIET

11. X’nistgħu nitgħallmu minn Ġob?

11 F’dawn “l-​aħħar jiem” mimlijin problemi, Satana żied l-​attakki tiegħu fuq il-​qaddejja t’Alla. (2 Tim. 3:1) Kif nistgħu nsaħħu lilna nfusna biex jibqaʼ jkollna l-​integrità fi żminijiet xejn sbieħ bħal dawn? Għal darb’oħra, nistgħu nitgħallmu ħafna minn Ġob. Minn ħafna qabel ma bdew ġejjin il-​provi, Ġob kien diġà żamm l-​integrità lejn Ġeħova għal ħafna drabi. Ikkunsidra tliet lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu minnu dwar li nsaħħu lilna nfusna biex inżommu l-​integrità tagħna.

X’inhuma xi modi li bihom insaħħu lilna nfusna biex inżommu l-integrità tagħna? (Ara paragrafu 12) *

12. (a) Bħalma jissemma f’​Ġob 26:7, 8, 14, Ġob kif żviluppa apprezzament u rispett għal Ġeħova? (b) Aħna kif nistgħu nimlew qalbna b’apprezzament għal Alla?

12 Ġob saħħaħ imħabbtu għal Alla billi żviluppa apprezzament Għalih. Ġob kien iqattaʼ ħin jikkunsidra l-​meravilji tal-​ħolqien taʼ Ġeħova. (Aqra Ġob 26:7, 8, 14.) Hu kien jibqaʼ impressjonat u mistagħġeb meta kien jaħseb dwar l-​art, is-​sema, is-​sħab, u r-​ragħad. Madankollu, hu fehem li kien jaf ftit li xejn dwar l-​affarijiet kollha li ħalaq Ġeħova. Ukoll, Ġob apprezza kliem Ġeħova billi qal: “Għożżejt dak li qal fommu.” (Ġob 23:12) Ġob kien japprezzah lil Ġeħova u rrispettah ferm. Hu kien iħobbu lil Missieru u ried jogħġbu. B’hekk, Ġob sar iktar determinat li jżomm l-​integrità tiegħu. Aħna hemm bżonn li nagħmlu bħal Ġob. Aħna nafu ħafna iktar dwar il-​meravilji tal-​ħolqien min-​nies fi żmien Ġob. U aħna għandna l-​Bibbja mnebbħa kollha biex tgħinna nsiru nafu lil Ġeħova kif inhu verament. Dak kollu li nitgħallmu jistaʼ jgħinna nimlew qalbna b’apprezzament. Imbagħad, dan l-​apprezzament u r-​rispett għal Ġeħova jimmotivawna biex inħobbuh, nobduh, u nibnu x-​xewqa qawwija tagħna biex inżommu l-​integrità.—Ġob 28:28.

Aħna nsaħħu lilna nfusna biex inżommu l-integrità tagħna billi nirrifjutaw il-pornografija (Ara paragrafu 13) *

13-14. (a) Bħalma rajna f’​Ġob 31:1, Ġob kif wera li kien ubbidjenti? (b) Aħna kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ġob?

13 Li jkun ubbidjenti f’kollox għen lil Ġob iżomm l-​integrità tiegħu. Ġob kien jaf li biex ikollu l-​integrità, kellu jobdi lil Ġeħova. Fil-​fatt, kull darba li nobdu jsaħħilna d-​determinazzjoni biex inżommu l-​integrità tagħna. Ġob ħadem iebes biex jobdi lil Alla fil-​ħajja taʼ kuljum. Pereżempju, hu kien attent dwar kif iġib ruħu man-​nisa. (Aqra Ġob 31:1.) Bħala raġel miżżewweġ, kien jaf li ma kienx sew li jagħti attenzjoni romantika lil xi mara oħra ħlief lil martu. Illum, ngħixu f’dinja li tibbombardjana b’tentazzjonijiet sesswali. Bħal Ġob, se nirrifjutaw aħna li nagħtu attenzjoni mhix xierqa lil xi ħadd barra ż-​żwieġ? Se nirrifjutaw ukoll li nħarsu lejn stampi indiċenti jew pornografiċi fi kwalunkwe forma? (Mt. 5:28) Jekk kuljum nagħmlu sforz biex nitrażżnu b’dan il-​mod, se nsaħħu lilna nfusna biex inżommu l-​integrità tagħna.

Aħna nsaħħu lilna nfusna biex inżommu l-integrità tagħna billi jkollna ħarsa xierqa lejn l-affarijiet materjali (Ara paragrafu 14) *

14 Ġob obda wkoll lil Ġeħova bil-​mod kif qies l-​affarijiet materjali. Ġob fehem li jekk jafda fl-​affarijiet li kellu, kien se jagħmel dnub serju u jkollu jiġi dixxiplinat. (Ġob 31:24, 25, 28) Illum, ngħixu f’dinja materjalistika ħafna. Jekk niżviluppaw ħarsa xierqa lejn il-​flus u l-​affarijiet li għandna, kif il-​Bibbja twissina nagħmlu, aħna se nsaħħu d-​determinazzjoni tagħna biex inżommu l-​integrità.—Prov. 30:8, 9; Mt. 6:19-21.

Aħna nsaħħu lilna nfusna biex inżommu l-integrità tagħna billi nżommu t-tama tagħna ħajja (Ara paragrafu 15) *

15. (a) X’għen lil Ġob iżomm l-​integrità tiegħu? (b) Għala jistaʼ jkun t’għajnuna għalina li nżommu f’moħħna t-​tama li Ġeħova joffri?

15 Ġob żamm l-​integrità tiegħu billi ffoka fuq it-​tama li Alla kien se jippremjah. Hu kien jemmen li Alla kien jimpurtah mill-​integrità tiegħu. (Ġob 31:6) Minkejja l-​provi li kellu, Ġob kien fiduċjuż li Ġeħova kien se jippremjah fl-​aħħar mill-​aħħar. Din il-​fiduċja żgur li għenitu jżomm l-​integrità. Ġeħova tant tgħaxxaq bl-​integrità taʼ Ġob li ppremjah bil-​kbir waqt li kien għadu raġel imperfett! (Ġob 42:12-17; Ġak. 5:11) U Ġob se jkun ippremjat saħansitra iktar fil-​futur. Għandek int fiduċja b’saħħitha li Ġeħova se jippremja l-​integrità tiegħek? Alla tagħna ma nbidilx. (Mal. 3:6) Jekk niftakru li hu japprezza l-​integrità tagħna, aħna nistgħu nżommu t-​tama tagħna għall-​futur mill-​isbaħ ħajja f’qalbna.—1 Tess. 5:8, 9.

16. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

16 Allura, kun determinat li dejjem iżżomm l-​integrità tiegħek! Kultant, forsi tħoss li int biss qed iżżomm l-​integrità, imma qatt mhu se tkun waħdek. Int se tkun fost miljuni taʼ wħud madwar id-​dinja li lealment żammew l-​integrità. Ukoll, se tiżdied mal-​lista taʼ rġiel u nisa taʼ fidi li żammew l-​integrità fil-​passat, anke meta ffaċċjaw il-​mewt. (Ebr. 11:36-38; 12:1) Jalla lkoll kemm aħna nkunu determinati li nżommu l-​integrità bħal Ġob, li qal: “Ma nwarrabx minni l-​integrità tiegħi!” U jalla l-​integrità tagħna tigglorifika lil Ġeħova għal dejjem!

GĦANJA 124 Dejjem leali

^ par. 5 X’inhi l-​integrità? Ġeħova għala japprezza din il-​kwalità fil-​qaddejja tiegħu? L-​integrità għala hi importanti għal kull wieħed u waħda minna? Dan l-​artiklu se jgħinna nsibu t-​tweġibiet tal-​Bibbja għal dawn il-​mistoqsijiet. Se jgħinna wkoll naraw ċar kif nistgħu nsaħħu lilna nfusna biex jibqaʼ jkollna l-​integrità minn jum għall-​ieħor. Meta nagħmlu dan iġibilna barkiet kbar.

^ par. 3 Il-​kelma Ebrajka tradotta “bla difett” li tirreferi għal annimal għandha x’taqsam mal-​kelma “integrità” li tintuża għall-​bnedmin.

^ par. 50 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Naraw lil Ġob bħala missier żagħżugħ jgħallem lil ftit minn uliedu dwar il-meravilji tal-ħolqien taʼ Ġeħova.

^ par. 52 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu jirrifjuta li jingħaqad maʼ sħabu tax-xogħol li qed jaraw il-pornografija

^ par. 54 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu jirreżisti x-xewqa li jixtri televixin kbir u jiswa l-flus li m’għandux bżonn u li ma jaffordjax

^ par. 56 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu jieħu l-ħin biex jimmedita bit-talb fuq it-tama tal-Ġenna tal-art.