Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 7

Fittxu li tkunu ġwejdin u ogħġbu lil Ġeħova

Fittxu li tkunu ġwejdin u ogħġbu lil Ġeħova

“Fittxu lil Ġeħova, intom il-​ġwejdin kollha taʼ l-​art . . . Fittxu li tkunu ġwejdin.”—SOF. 2:3.

GĦANJA 80 “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb”

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) Mosè kif inhu deskritt, u x’għamel? (b) X’raġuni għandna biex niżviluppaw din il-​kwalità?

IL-​Bibbja tiddeskrivi lil Mosè bħala li kien “bil-​wisq l-​iktar ġwejjed mill-​bnedmin kollha li kienu fuq wiċċ l-​art.” (Num. 12:3) Ifisser dan li kien dgħajjef, indeċiż, u jibżaʼ jżomm sod meta oħrajn jopponuh? Xi wħud hekk jiddeskrivuh individwu ġwejjed. Imma dan mhux veru. Mosè kien qaddej sod, deċiżiv, u kuraġġuż t’Alla. Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, hu ffaċċja lill-​mexxej b’saħħtu tal-​Eġittu, mexxa lil xi tliet miljun ruħ minn ġo deżert, u għen lill-​poplu t’Iżrael jirbaħ lill-​għedewwa tagħhom.

2 Aħna ma niffaċċjawx l-​isfidi li Mosè għeleb, imma kull jum irridu nittrattaw maʼ nies jew sitwazzjonijiet li jagħmluha diffiċli nkunu ġwejdin. Madankollu, għandna raġuni tajba ħafna biex niżviluppaw din il-​kwalità. Ġeħova jwiegħed li “l-​ġwejdin se jirtu l-​art.” (Salm 37:11) Kieku int tiddeskrivi lilek innifsek bħala ġwejjed? Kieku oħrajn jiddeskrivuk b’dan il-​mod? Qabel ma nkunu nistgħu nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet importanti, għandna bżonn inkunu nafu xi jfisser li tkun ġwejjed.

XI JFISSER LI TKUN ĠWEJJED?

3-4. (a) Li tkun ġwejjed maʼ xiex jistaʼ jitqabbel? (b) Liema erbaʼ kwalitajiet neħtieġu jekk irridu nkunu ġwejdin, u għala?

3 Li tkun ġwejjed * jistaʼ jitqabbel maʼ pittura sabiħa. B’liema mod? L-​istess bħalma artist iħallat numru taʼ kuluri sbieħ biex jagħmel pittura, aħna għandna nħalltu numru taʼ kwalitajiet sbieħ biex inkunu ġwejdin. Fost dawn il-​kwalitajiet jispikkaw l-​umiltà, l-​ubbidjenza, il-​ħlewwa, u l-​kuraġġ. Għala għandna bżonn dawn il-​kwalitajiet partikolari jekk irridu nogħġbu lil Ġeħova?

4 Nies umli biss jobdu r-​rieda t’Alla. Parti mir-​rieda t’Alla hi li nuru ħlewwa. (Mt. 5:5; Gal. 5:23) Meta nagħmlu dak li Alla jrid, aħna nirrabjawh ferm lil Satana. Allura, għalkemm aħna umli u nuru ħlewwa, ħafna nies li huma parti mid-​dinja taʼ Satana jobogħduna. (Ġw. 15:18, 19) B’hekk, neħtieġu l-​kuraġġ biex nirreżistu lil Satana.

5-6. (a) Satana għala jobgħodhom lil nies ġwejdin? (b) X’mistoqsijiet se nwieġbu?

5 L-​oppost taʼ xi ħadd ġwejjed hu xi ħadd kburi, li ma jikkontrollax it-​tempra, u ma jobdix lil Ġeħova. Dan jiddeskrivi lil Satana perfettament. Mhux taʼ b’xejn li jobgħod lil nies ġwejdin! Huma jikxfu d-​difetti fil-​personalità tiegħu. U agħar minn hekk, joħorġuh taʼ giddieb. Għala? Għax minkejja dak li jgħid jew jagħmel, ma jistax iwaqqaf lil nies ġwejdin milli jaqdu lil Ġeħova!—Ġob 2:3-5.

6 Meta nistgħu nsibuha diffiċli biex inkunu ġwejdin? U għala għandna nkomplu nfittxu li nkunu ġwejdin? Biex inwieġbu dawn il-​mistoqsijiet se neżaminaw l-​eżempji li ħallewlna Mosè, tliet Ebrej li ttieħdu Babilonja, u Ġesù.

META JKUN DIFFIĊLI BIEX TIBQAʼ ĠWEJJED?

7-8. Mosè kif irreaġixxa meta ma kienx trattat b’rispett?

7 Meta tingħata awtorità: Jistaʼ jkun diffiċli għal dawk li għandhom awtorità biex jibqgħu ġwejdin, speċjalment meta xi ħadd li jieħdu ħsieb jittrattahom b’diżrispett jew jgħid li ma jiħdux deċiżjonijiet tajbin. Ġieli ġralek hekk? Xi ngħidu jekk membru tal-​familja aġixxa b’dan il-​mod? Kif tirreaġixxi kieku? Ikkunsidra x’għamel Mosè.

8 Ġeħova ħatar lil Mosè bħala mexxej t’Iżrael u tah l-​unur li jniżżel bil-​miktub il-​liġijiet għall-​poplu. Ma kienx hemm dubju li Ġeħova kien qed jappoġġja lil Mosè. Minkejja dan, Mirjam u Aron, ħut Mosè stess, tkellmu kontrih u qalu li ma kellux jiżżewweġ lill-​mara li żżewweġ. Xi rġiel f’pożizzjoni bħal taʼ Mosè forsi kienu jirrabjaw u jipprovaw ipattu—imma mhux Mosè. Hu ma ħax għalih malajr. Hu saħansitra talab bil-​ħrara lil Ġeħova biex ifejjaq lil Mirjam mill-​ġdiem. (Num. 12:1-13) Mosè għala rreaġixxa b’dan il-​mod?

Mosè talab bil-ħrara lil Ġeħova biex ifejjaq lil Mirjam mill-ġdiem (Ara paragrafu 8)

9-10. (a) Ġeħova x’għenu jifhem lil Mosè? (b) Il-​kapijiet tal-​familja u l-​anzjani x’jistgħu jitgħallmu minn Mosè?

9 Mosè ħalla lilu nnifsu jiġi trenjat minn Ġeħova. Xi 40 sena qabel, meta kien membru tal-​familja rjali Eġizzjana, Mosè ma kienx ġwejjed. Fil-​fatt, darba tant qabżitlu malajr li qatel raġel għax skont hu kien qed jaġixxi inġustament. Mosè assuma li Ġeħova kien se jaqbel maʼ dan. Ġeħova qattaʼ 40 sena jgħin lil Mosè jifhem li kellu bżonn iktar minn kuraġġ biex imexxi lill-​Iżraelin; kellu bżonn ikun ġwejjed. U biex ikun ġwejjed, kellu bżonn ukoll ikun umli, ubbidjenti, u juri ħlewwa. Mosè tgħallimha sew din il-​lezzjoni u sar mexxej eċċellenti.—Eżo. 2:11, 12; Atti 7:21-30, 36.

10 Illum, il-​kapijiet tal-​familja u l-​anzjani għandhom jimitaw lil Mosè. Meta tkun trattat b’diżrispett, tiħux għalik malajr. Kun umli u ammetti l-​iżbalji tiegħek. (Ekk. 7:9, 20) B’ubbidjenza imxi fuq id-​direzzjoni taʼ Ġeħova dwar kif tittratta mal-​problemi. U dejjem wieġeb bil-​ħlewwa. (Prov. 15:1) Il-​kapijiet tal-​familja u l-​anzjani li jwieġbu b’dan il-​mod jogħġbu lil Ġeħova, jgħinu biex iżommu l-​paċi, u jħallu eżempju taʼ kif tkun ġwejjed.

11-13. X’eżempju ħallewlna t-​tliet Ebrej?

11 Meta tkun persegwitat: Matul l-​istorja, il-​mexxejja umani ppersegwitaw lill-​poplu taʼ Ġeħova. Huma għandu mnejn jakkużawna li nagħmlu affarijiet ħżiena, imma r-​raġuni vera għala huma rrabjati hi li aħna nagħżlu li “nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.” (Atti 5:29) Jistaʼ jkun li niġu mwaqqgħin għaċ-​ċajt, mitfugħin il-​ħabs, jew saħansitra msawtin. Madankollu, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova mhux se npattu lura imma se nibqgħu kalmi matul il-​prova.

12 Ikkunsidra l-​eżempju li ħallewlna t-​tliet Ebrej li ttieħdu Babilonja—Ħananija, Misael, u Għażarija. * Is-​sultan taʼ Babilonja kkmandahom biex imilu quddiem statwa kbira tad-​deheb. Bil-​ħlewwa, huma spjegawlu għala ma kinux se jqimu din l-​istatwa. Huma baqgħu ubbidjenti lejn Alla minkejja li s-​sultan beda jheddidhom li jaħraqhom f’forn tan-​nar iħeġġeġ. Ġeħova għażel li jsalvahom immedjatament, imma huma m’assumewx li kien se jagħmel dan. Minflok, kienu lesti li jaċċettaw kull ħaġa li Ġeħova jippermetti li tiġri. (Dan. 3:1, 8-28) Huma taw prova li nies ġwejdin huma verament kuraġġużi. L-​ebda sultan, theddida, jew kastig ma jistaʼ jwaqqafna milli nqimu biss lil Ġeħova.—Eżo. 20:4, 5.

13 Kif nistgħu nimitaw lit-​tliet Ebrej meta l-​lealtà tagħna lejn Alla tiġi ttestjata? B’umiltà nafdaw li Ġeħova se jieħu ħsiebna. (Salm 118:6, 7) Bil-​ħlewwa u b’rispett aħna nwieġbu lil dawk li jakkużawna li qed nagħmlu xi ħaġa ħażina. (1 Pt. 3:15) U b’mod assolut nirrifjutaw li nagħmlu xi ħaġa li tistaʼ tagħmel ħsara lill-​ħbiberija li għandna maʼ Missierna kollu mħabba.

Meta oħrajn jopponuna, aħna nwieġbu b’rispett (Ara paragrafu 13)

14-15. (a) X’jistaʼ jiġri meta nkunu stressati? (b) Skont Isaija 53:7, 10, għala nistgħu ngħidu li Ġesù hu l-​iktar eżempju li jispikka taʼ xi ħadd li kien ġwejjed meta kien għaddej minn stress?

14 Meta tkun stressat: Ilkoll kemm aħna nħossuna stressati għal raġunijiet differenti. Jistaʼ jkun li konna stressati qabel m’għamilna xi eżami l-​iskola jew xi biċċa xogħol fejn naħdmu. Jew forsi nħossuna hekk meta sempliċement naħsbu dwar proċedura medika li jkollna bżonn. Meta nkunu stressati, ikun diffiċli li nkunu ġwejdin. Dak li s-​soltu ma jinkwetaniex jistaʼ jibda jirritana. Kliemna u kif nittrattaw lil oħrajn jistaʼ jweġġagħhom. Jekk qatt ħassejtek stressat, ikkunsidra l-​eżempju taʼ Ġesù.

15 Matul l-​aħħar xhur taʼ ħajtu fuq l-​art, Ġesù kellu stress qawwi. Hu kien jaf li kien se jinqatel u li kellu jsofri bil-​kbir. (Ġw. 3:14, 15; Gal. 3:13) Xi ftit xhur qabel mewtu, hu qal li kien imnikket. (Lq. 12:50) U ftit ġranet biss qabel mewtu, Ġesù qal: “Ruħi mnikkta.” Meta talab, il-​kliem li uża biex jesprimi dak li kien qed iħoss juri li kien umli u ubbidjenti lejn Alla. Hu qal: “Missier, salvani minn din is-​siegħa. Madankollu, għalhekk wasalt għal din is-​siegħa. Missier, igglorifika lil ismek.” (Ġw. 12:27, 28) Meta wasal il-​waqt, Ġesù b’kuraġġ ta ruħu b’idejh lill-​għedewwa t’Alla, li qatluh bl-​iktar mod taʼ wġigħ u umiljanti possibbli. Minkejja l-​istress, minkejja s-​sofferenza, Ġesù kien ġwejjed u għamel ir-​rieda t’Alla. Bla dubju, nistgħu ngħidu li Ġesù hu l-​iktar eżempju li jispikka taʼ xi ħadd li kien ġwejjed meta kien stressat!—Aqra Isaija 53:7, 10.

Ġesù hu l-aqwa eżempju taʼ li wieħed ikun ġwejjed (Ara paragrafi 16-17) *

16-17. (a) X’għamlu l-​ħbieb taʼ Ġesù li setaʼ għamilhielu diffiċli biex ikun ġwejjed? (b) Aħna kif nistgħu nimitaw lil Ġesù?

16 Fl-​aħħar lejl taʼ Ġesù fuq l-​art, il-​ħbieb tal-​qalb tiegħu aġixxew b’mod li setaʼ għamilhielu diffiċli biex ikun ġwejjed. Immaġina l-​istress li ħass Ġesù f’dak il-​lejl. Kien se jibqaʼ perfettament leali sal-​mewt? Il-​ħajja taʼ biljuni taʼ nies kienet tiddependi minnu. (Rum. 5:18, 19) Iktar importanti minn dan, kien hemm ir-​reputazzjoni taʼ Missieru involuta. (Ġob 2:4) Imbagħad, waqt l-​aħħar ikla mal-​appostli, li kienu l-​ħbieb tal-​qalb tiegħu, dawn spiċċaw f’“argument sħun” dwar “min minnhom kien jidher li hu l-​akbar.” Ġesù kien ikkoreġiehom ħafna drabi fuq dan, inkluż kmieni dik il-​lejla stess! Ħaġa tal-​iskantament, Ġesù ma kienx irritat. Minflok, hu baqaʼ kalm. B’qalb tajba, imma b’mod sod, Ġesù għal darb’oħra spjegalhom l-​attitudni li għandu jkollhom. U mbagħad faħħarhom talli appoġġjawh b’lealtà.—Lq. 22:24-28; Ġw. 13:1-5, 12-15.

17 X’kont tagħmel kieku ġralek xi ħaġa simili? Aħna nistgħu nimitaw lil Ġesù u nibqgħu kalmi anke meta nkunu stressati. Irridu nkunu lesti nobdu l-​kmand taʼ Ġeħova biex ‘inkomplu nissaportu lil xulxin.’ (Kol. 3:13) Aħna se nobdu dal-​kmand jekk niftakru li lkoll ngħidu u nagħmlu affarijiet li jirritaw lil oħrajn. (Prov. 12:18; Ġak. 3:2, 5) U dejjem faħħar lil oħrajn għall-​kwalitajiet tajbin tagħhom.—Efes. 4:29.

GĦALA TKOMPLI TFITTEX LI TKUN ĠWEJJED?

18. Ġeħova kif jgħin uħud ġwejdin jieħdu deċiżjonijiet tajbin, imma huma x’għandhom jagħmlu?

18 Se nieħdu deċiżjonijiet aħjar. Meta niffaċċjaw għażliet diffiċli fil-​ħajja, Ġeħova se jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Imma se jagħmel dan jekk inkunu ġwejdin biss. Hu jwiegħed li se jismaʼ t-​talba tal-​ġwejdin. (Salm 10:17) U hu se jagħmel iktar milli jismaʼ t-​talb tagħna. Il-​Bibbja twiegħed: “Hu . . . se jgħallem lill-​ġwejdin dwar triqtu.” (Salm 25:9) Ġeħova jipprovdi din il-​gwida fil-​Bibbja u fil-​pubblikazzjonijiet * u permezz tal-​programmi li jipproduċi “l-​ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45-47) Aħna għandna nagħmlu l-​parti tagħna billi b’umiltà nirrikonoxxu li neħtieġu l-​għajnuna, billi nistudjaw il-​materjal li jipprovdi Ġeħova, u billi nkunu lesti napplikaw dak li nitgħallmu.

19-21. Mosè xi żball għamel f’Kades, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

19 Se nevitaw li niżbaljaw. Erġaʼ aħseb dwar Mosè. Għal għaxriet taʼ snin hu baqaʼ ġwejjed u għoġob lil Ġeħova. Imbagħad, lejn l-​aħħar tal-​vjaġġ diffiċli t’40 sena fid-​deżert, Mosè naqas li jkun ġwejjed. Oħtu, x’aktarx dik li għenet biex issalvalu ħajtu fl-​Eġittu, kienet għadha kemm mietet u ġiet midfuna f’Kades. U issa għal darb’oħra, l-​Iżraelin kienu qed jinsistu li ma kinux qed jiġu trattati kif suppost. Din id-​darba kienu qed “jitlewmu maʼ Mosè” fuq nuqqas t’ilma. Għalkemm Ġeħova kien ta lil Mosè l-​qawwa biex jagħmel ħafna mirakli u għalkemm Mosè kien mexxa lill-​poplu għal żmien twil mingħajr egoiżmu, huma xorta gergru. Huma ma gergrux biss għax kien hemm nuqqas t’ilma imma gergru wkoll dwar Mosè, bħallikieku kien tort tiegħu li kienu bil-​għatx.—Num. 20:1-5, 9-11.

20 Fis-​saħna tal-​mument, Mosè ma baqax juri ħlewwa. Minflok ma kellem lill-​blata b’fidi, kif kien ikkmandah Ġeħova, Mosè tkellem b’rabja man-​nies u ta l-​krettu lilu nnifsu. Imbagħad, hu ħabbat mal-​blata darbtejn u beda ħiereġ ħafna ilma. Il-​kburija u r-​rabja ġegħluh jagħmel żball serju. (Salm 106:32, 33) Peress li din id-​darba ma baqax ġwejjed, Mosè ma tħalliex jidħol fl-​Art Imwiegħda.—Num. 20:12.

21 Minn dan l-​eżempju nitgħallmu lezzjonijiet taʼ valur. L-​ewwel, għandna naħdmu bla waqfien biex jibqaʼ jkollna attitudni ġwejda. Jekk nittraskurawha għal ftit, malajr nistgħu nsiru kburin u nitkellmu u naġixxu bi bluha. It-​tieni, l-​istress jistaʼ jdgħajjifna, allura hemm bżonn nistinkaw biex inkunu ġwejdin, anke meta nkunu taħt pressjoni.

22-23. (a) Għala għandna nkomplu nfittxu li nkunu ġwejdin? (b) L-​istqarrija f’​Sofonija 2:3 x’turina?

22 Se nkunu protetti. Dalwaqt, Ġeħova se jneħħi lin-​nies ħżiena kollha mid-​dinja, u se jibqgħu biss dawk ġwejdin. Imbagħad l-​art se tkun verament fil-​paċi. (Salm 37:10, 11) Se tkun int fost dawn il-​ġwejdin? Iva, tistaʼ tkun jekk tagħmel dak li Ġeħova jinkuraġġik f’​Sofonija 2:3 (Aqra).

23 Sofonija 2:3 għala jgħid: “Probabbilment tkunu tistgħu tinħbew”? Din l-​istqarrija ma tfissirx li Ġeħova mhux kapaċi jipproteġi lil dawk li jridu jogħġbuh u li hu jħobb. Minflok, din turi li hemm bżonn nagħmlu xi ħaġa sabiex inkunu protetti. Jekk nagħmlu l-​isforz issa biex infittxu li nkunu ġwejdin u nogħġbu lil Ġeħova, aħna għandna l-​possibiltà li nibqgħu ħajjin “f’jum ir-​rabja taʼ Ġeħova” u li ngħixu għal dejjem.

GĦANJA 120 Imitaw il-​ħlewwa taʼ Kristu

^ par. 5 Ħadd minna ma jitwieled ġwejjed. Jeħtieġ li niżviluppaw din il-​kwalità. Aħna forsi nindunaw li nistgħu nkunu ġwejdin meta nittrattaw maʼ nies paċifiċi, imma jistaʼ jkun insibuha diffiċli biex nibqgħu ġwejdin meta nħabbtu wiċċna maʼ nies kburin. Dan l-​artiklu se jiddiskuti xi sfidi li jistaʼ jkollna negħlbu biex niżviluppaw din il-​kwalità sabiħa li nkunu ġwejdin.

^ par. 3 ESPRESSJONIJIET SPJEGATI: Li tkun ġwejjed. Nies ġwejdin huma qalbhom tajba meta jittrattaw m’oħrajn u jibqgħu juru ħlewwa anke meta oħrajn jipprovaw jirritawhom. Umiltà. Nies umli mhumiex kburin jew arroganti; huma jqisu lil oħrajn bħala superjuri għalihom. Meta tirreferi għal Ġeħova, l-​umiltà tfisser li hu jittratta maʼ dawk li huma inqas minnu bi mħabba u ħniena.

^ par. 12 Lil dawn it-​tliet Ebrej, il-​Babiloniżi tawhom l-​ismijiet Sidrak, Mesak, u Għabednego.—Dan. 1:7.

^ par. 18 Pereżempju, ara l-​artiklu “Ħu Deċiżjonijiet li Jonoraw lil Alla,” ippubblikat fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’April 2011.

^ par. 59 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Ġesù ma jirrabjax u b’kalma jikkoreġi lid-​dixxipli tiegħu wara li argumentaw dwar min minnhom hu l-​akbar.