Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 9

L-imħabba u l-ġustizzja f’Iżrael tal-qedem

L-imħabba u l-ġustizzja f’Iżrael tal-qedem

“Hu jħobb is-​sewwa u l-​ġustizzja. Bil-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova mimlija l-​art.”—SALM 33:5.

GĦANJA 3 Ġeħova jqawwina, ifarraġna, u jtina tama

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) X’jixtieq kull wieħed minna? (b) Minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

ILKOLL kemm aħna nixtiequ nkunu maħbubin. U kull wieħed minna jixtieq li jiġi trattat b’mod ġust. Meta għal darba wara l-​oħra niġu mċaħħdin mill-​imħabba u l-​ġustizzja, jistaʼ jkun li nħossuna ma niswew għal xejn u bla tama.

2 Ġeħova jaf li aħna nixtiequ ħafna li nintwerew imħabba u li nixxennqu għall-​ġustizzja. (Salm 33:5) Nistgħu nkunu ċerti li Alla tagħna jħobbna ħafna u jixtieqna niġu trattati b’mod ġust. Dan narawh ċar meta nistudjaw sew il-​Liġi li Ġeħova ta lill-​poplu t’Iżrael permezz taʼ Mosè. Jekk tħossok imdejjaq ħafna minħabba li oħrajn ma ttrattawkx bi mħabba jew ġustizzja, jekk jogħġbok ara kif il-​Liġi Mosajka * turi kemm Ġeħova jimpurtah min-​nies tiegħu.

3. (a) Kif inhu spjegat f’​Rumani 13:8-​10, x’nitgħallmu meta nistudjaw il-​Liġi Mosajka? (b) F’dan l-​artiklu liema mistoqsijiet se nwieġbu?

3 Meta nistudjaw il-​Liġi Mosajka, nitgħallmu dwar l-​affezzjoni tenera li għandu Alla tagħna kollu mħabba, Ġeħova. (Aqra Rumani 13:8-10.) F’dan l-​artiklu, se neżaminaw fid-​dettall ftit biss mil-​liġijiet li ngħataw lill-​Iżraelin u se nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet: Għala nistgħu ngħidu li l-​Liġi kienet mibnija fuq l-​imħabba u inkuraġġiet lin-​nies ikunu ġusti? Dawk fl-​awtorità kif kellhom ipoġġu l-​Liġi fil-​prattika? U l-​Liġi lil min ipproteġiet b’mod speċifiku? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet jistgħu jipprovdu faraġ, jagħtuna tama, u jressquna eqreb lejn Missierna kollu mħabba.—Atti 17:27; Rum. 15:4.

LIĠI MIBNIJA FUQ L-​IMĦABBA

4. (a) Għala nistgħu ngħidu li l-​Liġi Mosajka kienet mibnija fuq l-​imħabba? (b) Bħalma hu miktub f’​Mattew 22:36-​40, liema kmandamenti enfasizza Ġesù?

4 Nistgħu ngħidu li l-​Liġi Mosajka kienet mibnija fuq l-​imħabba għax kulma jagħmel Ġeħova hu motivat mill-​imħabba. (1 Ġw. 4:8) Ġeħova bbaża l-​liġijiet kollha li fformaw il-​Liġi Mosajka fuq żewġ kmandamenti bażiċi—imħabba għal Alla u mħabba għall-​proxxmu. (Lev. 19:18; Dt. 6:5; aqra Mattew 22:36-40.) Allura nistgħu nistennew li kull wieħed mis-​600 kmandament u iktar li jifformaw il-​Liġi jgħallimna xi ħaġa dwar l-​imħabba taʼ Ġeħova. Ejja nagħtu ħarsa lejn xi eżempji.

5-6. Ġeħova xi jridhom jagħmlu lill-​miżżewġin, u hu x’jaf eżatt? Agħti eżempju.

5 Kun leali lejn żewġek jew martek, u ħu ħsieb it-​tfal tiegħek. Ġeħova jrid li l-​miżżewġin jiżviluppaw imħabba b’saħħitha lejn xulxin, tant li tibqaʼ għal ħajjithom kollha. (Ġen. 2:24; Mt. 19:3-6) L-​adulterju huwa wieħed mill-​iktar affarijiet koroh li sieħeb fiż-​żwieġ jistaʼ jagħmel. Mhux taʼ b’xejn li s-​sebaʼ mill-​Għaxar Kmandamenti jgħid li m’għandekx tagħmel adulterju. (Dt. 5:18) Huwa dnub “kontra Alla” u xi ħaġa kattiva li wieħed miżżewweġ jistaʼ jagħmel. (Ġen. 39:7-9) Il-​parti innoċenti fiż-​żwieġ tistaʼ tħoss l-​uġigħ li jikkawża l-​adulterju għal ħafna u ħafna snin.

6 Ġeħova jaf eżatt kif il-​miżżewġin jittrattaw lil xulxin. Hu partikolarment ried li nisa Iżraelin jiġu trattati sew. Raġel li kien jirrispetta l-​Liġi kien iħobb lil martu u ma jiddivorzjahiex għal kull ħaġa taʼ xejn. (Dt. 24:1-4; Mt. 19:3, 8) Imma jekk kienet tqum problema serja u jiddivorzjaha, hu kellu jagħtiha ċ-​ċertifikat tad-​divorzju. Dan iċ-​ċertifikat kien jipproteġi lill-​mara minn akkużi foloz taʼ immoralità. Barra minn hekk, qabel ma r-​raġel setaʼ jagħmel dan, milli jidher kellu jitkellem max-​xjuħ tal-​belt, jew, mal-​irġiel fl-​awtorità. B’dal-​mod, dawn l-​irġiel kien ikollhom l-​opportunità jipprovaw jgħinu lill-​koppja jsalvaw iż-​żwieġ tagħhom. Meta raġel Iżraeli kien jiddivorzja lil martu għal raġunijiet egoistiċi, Ġeħova mhux dejjem kien jintervieni, pereżempju permezz taʼ rġiel fl-​awtorità jew profeti. Madankollu, hu kien jara kemm kienet tbati u tibki l-​mara, u kien iħoss l-​uġigħ tagħha.—Mal. 2:13-16.

Ġeħova ried li t-​tfal iħossuhom protetti u fis-​sigurtà waqt li bi mħabba jiġu mrobbijin u mgħallmin mill-​ġenituri tagħhom (Ara paragrafi 7-8) *

7-8. (a) Ġeħova xi kmandahom jagħmlu lill-​ġenituri? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.) (b) X’lezzjonijiet nitgħallmu?

7 Il-​Liġi wriet ukoll li Ġeħova jimpurtah ħafna mit-​tfal u jridhom ikunu ferħanin u protetti. Ġeħova kmanda lill-​ġenituri biex jagħtu lil uliedhom dak li jkollhom bżonn huma u jikbru u anki biex jgħinuhom jibnu ħbiberija tajba m’Alla. Il-​ġenituri kellhom jużaw kull opportunità biex jgħinuhom jifhmu u japprezzaw il-​Liġi taʼ Ġeħova u jitgħallmu jħobbuh. (Dt. 6:6-9; 7:13) Raġuni waħda għala l-​Iżraelin ġew ikkastigati kienet għax trattaw ħażin lil uħud mit-​tfal tagħhom b’modi tal-​biżaʼ. (Ġer. 7:31, 33) Il-​ġenituri kellhom iqisu lil uliedhom mhux bħala xi ħaġa li setgħu jittraskuraw jew jittrattaw ħażin, imma bħala wirt, rigal mingħand Ġeħova li għandhom jgħożżu.—Salm 127:3.

8 Lezzjonijiet: Ġeħova jinnota kif koppja miżżewġin jittrattaw lil xulxin. Hu jrid lill-​ġenituri jħobbu lil uliedhom, u se jiġġudika lill-​ġenituri jekk jittrattawhom ħażin.

9-11. Ġeħova għala ta l-​liġi biex wieħed ma jixxennaqx b’għira?

9 Tixxennaqx b’għira. L-​għaxar kmandament kien kontra li wieħed jixxennaq b’għira, jew, jiżviluppa xewqat ħżiena għal dak li hu taʼ ħaddieħor. (Dt. 5:21; Rum. 7:7) Ġeħova ta din il-​liġi biex jgħallem lezzjoni importanti—li n-​nies tiegħu kellhom jgħassu qalbhom, jiġifieri, il-​ħsibijiet, is-​sentimenti, u r-​raġunar tagħhom. Hu jaf li azzjonijiet ħżiena jibdew minn ħsibijiet u sentimenti ħżiena. (Prov. 4:23) Jekk Iżraeli kien iħalli xewqat ħżiena jiżviluppaw f’qalbu, probabbilment kien se jittratta lil oħrajn ħażin. Is-​Sultan David, pereżempju, waqaʼ f’dan l-​iżball. Normalment, hu kien raġel tajjeb. Imma darba xxennaq b’għira għal mara taʼ raġel ieħor. Ix-​xewqa tiegħu wasslet għal dnub. (Ġak. 1:14, 15) David għamel adulterju magħha, ipprova jqarraq b’żewġha, u mbagħad qatlu.—2 Sam. 11:2-4; 12:7-11.

10 Ġeħova kien ikun jaf meta Iżraeli ma kienx jobdi l-​liġi dwar ix-​xenqa b’għira—Hu jaf x’naħsbu u kif inħossuna. (1 Kron. 28:9) Il-​liġi dwar ix-​xenqa b’għira wriet lill-​poplu tiegħu li għandhom jevitaw ħsibijiet li jistgħu jwasslu għal imġiba ħażina. X’Missier taʼ għerf u mħabba hu Ġeħova!

11 Lezzjonijiet: Ġeħova jara ħafna iktar minn dak li persuna hi minn barra. Hu jara x’hemm f’qalbna. (1 Sam. 16:7) L-​ebda ħsieb, sentiment, jew azzjoni mhi sigriet għalih. Hu jfittex għat-​tajjeb fina, u jixtieq li dak it-​tajjeb jikber. Imma hu jixtieqna nagħrfu u nikkontrollaw il-​ħsibijiet ħżiena qabel isiru azzjonijiet ħżiena.—2 Kron. 16:9; Mt. 5:27-30.

LIĠI LI INKURAĠĠIET IL-​ĠUSTIZZJA

12. Il-​Liġi Mosajka x’tenfasizza?

12 Il-​Liġi Mosajka tenfasizza wkoll li Ġeħova jħobb il-​ġustizzja. (Salm 37:28; Is. 61:8) Hu jagħtina l-​aqwa eżempju taʼ kif nittrattaw lil oħrajn b’mod ġust. Meta l-​Iżraelin obdew il-​liġijiet li Ġeħova tahom, hu berikhom. Meta injoraw il-​livelli sewwa u ġusti tiegħu, huma batew. Ikkunsidra żewġ liġijiet oħra mill-​Għaxar Kmandamenti.

13-14. L-​ewwel żewġ kmandamenti x’kienu jirrikjedu, u l-​Iżraelin kif ibbenefikaw meta obdewhom?

13 Qim lil Ġeħova biss. L-​ewwel żewġ kmandamenti kienu jirrikjedu li l-​Iżraelin iqimu biss lil Ġeħova u wissewhom kontra l-​qima lil idoli. (Eżo. 20:3-6) Dawn il-​kmandamenti ma kinux għall-​benefiċċju taʼ Ġeħova iżda għall-​poplu tiegħu. Meta huma baqgħu leali lejh, irnexxew. Meta qiemu allat oħra, batew.

14 Aħseb fil-​Kangħanin. Huma qiemu lil allat bla ħajja minflok lill-​Alla l-​veru u ħaj. B’hekk baxxew lilhom infushom. (Salm 115:4-​8) Bħala parti mill-​qima tagħhom, ħadu sehem f’affarijiet moqżieża sesswalment u ssagrifikaw lit-​tfal b’mod li jwaħħax. L-​istess nistgħu ngħidu għall-​Iżraelin meta dawn injoraw lil Ġeħova u għażlu li jqimu allat oħra, huma baxxew lilhom infushom u weġġgħu lill-​familji tagħhom. (2 Kron. 28:1-4) L-​irġiel fl-​awtorità rrifjutaw il-​livelli ġusti taʼ Ġeħova. Abbużaw mill-​qawwa li kellhom u ħaqru lid-​dgħajfin u wħud bla protezzjoni. (Eżek. 34:1-4) Ġeħova wissa lill-​Iżraelin li kien se jġib ġudizzju fuq min jittratta ħażin lin-​nisa u tfal. (Dt. 10:17, 18; 27:19) Mill-​banda l-​oħra, berikhom meta kienu leali lejh u ttrattaw lil xulxin b’mod ġust.—1 Slat. 10:4-9.

Ġeħova jħobbna u jaf meta niġu trattati b’mod inġust (Ara paragrafu 15)

15. X’lezzjonijiet nitgħallmu dwar Ġeħova?

15 Lezzjonijiet: Mhuwiex it-​tort taʼ Ġeħova meta dawk li jgħidu li jaqduh jinjoraw il-​livelli tiegħu u jweġġgħu lill-​poplu tiegħu. Madankollu, Ġeħova jħobbna u jaf meta nbatu inġustizzja. Hu jħoss l-​uġigħ tagħna ħafna iktar minn kemm tħoss omm meta t-​tarbija tagħha tbati. (Is. 49:15) Għalkemm jistaʼ jkun li ma jintervenix mill-​ewwel, meta jasal il-​waqt hu se jiġġudika lil dawk li għamlu l-​ħażen u ma nidmux minn kif ittrattaw lil oħrajn.

IL-​LIĠI KIF KELLHA TITPOĠĠA FIL-​PRATTIKA?

16-18. Għal liema aspetti tal-​ħajja kienet tapplika l-​Liġi Mosajka, u x’lezzjonijiet nitgħallmu?

16 Il-​Liġi Mosajka kienet tidħol f’ħafna aspetti tal-​ħajja tal-​Iżraelin, u għalhekk kien importanti li l-​irġiel fl-​awtorità jiġġudikaw lin-​nies t’Alla b’ġudizzju ġust. Huma kellhom ir-​responsabbiltà li mhux biss jiġġudikaw kwistjonijiet dwar il-​qima taʼ Ġeħova imma anki dawk dwar ġlied u atti kriminali. Innota l-​eżempji li ġejjin.

17 Kieku Iżraeli qatel lil xi ħadd, hu ma kienx jiġi maqtul awtomatikament. L-​irġiel fl-​awtorità tal-​belt tiegħu kienu l-​ewwel jinvestigaw iċ-​ċirkustanzi, imbagħad jiddeċiedu jekk ħaqqux il-​piena tal-​mewt. (Dt. 19:2-7, 11-13) Huma kienu jiġġudikaw ukoll diversi kwistjonijiet oħra tal-​ħajja, bħal li jiddeċiedu dwar nuqqas taʼ qbil fuq propjetà u li jirranġaw differenzi bejn il-​miżżewġin. (Eżo. 21:35; Dt. 22:13-19) Meta l-​irġiel fl-​awtorità kienu ġusti u l-​Iżraelin obdew il-​Liġi, kulħadd ibbenefika, u l-​poplu kien iġib unur lil Ġeħova.—Lev. 20:7, 8; Is. 48:17, 18.

18 Lezzjonijiet: Kull ħaġa li nagħmlu f’ħajjitna hija importanti għal Ġeħova. Hu jridna nkunu ġusti u nuru mħabba meta nittrattaw m’oħrajn. U hu jinnota dak li aħna ngħidu u nagħmlu anki meta nkunu waħedna d-​dar.—Ebr. 4:13.

19-21. (a) Kif kellhom jittrattaw lill-​poplu t’Alla l-​irġiel fl-​awtorità u l-​imħallfin? (b) X’liġijiet għamel Ġeħova biex jipproteġi lin-​nies, u x’lezzjonijiet nitgħallmu?

19 Ġeħova ried jeħles lill-​poplu tiegħu mill-​influwenza korrotta tal-​popli ġirien. Għalhekk, ried li l-​irġiel fl-​awtorità u l-​imħallfin ikunu newtrali meta japplikaw il-​Liġi. Però, dawk li jiġġudikaw ma kellhomx jittrattaw lill-​poplu tiegħu b’mod aħrax jew strett. Minflok, kellhom iħobbu l-​ġustizzja.—Dt. 1:13-​17; 16:18-​20.

20 Ġeħova għandu l-​mogħdrija, u għalhekk għamel liġijiet biex ma jħallix lin-​nies jiġu trattati b’mod inġust. Pereżempju, il-​Liġi naqqset il-​possibbiltà li persuna tiġi akkużata b’mod falz li kisret il-​Liġi. L-​akkużat kellu d-​dritt ikun jaf min kien qed jakkużah. (Dt. 19:16-19; 25:1) U qabel ma jinstab ħati, kien hemm bżonn minn tal-​inqas żewġ xhieda. (Dt. 17:6; 19:15) Imma x’kien jiġri jekk Iżraeli jagħmel att kriminali fejn xhud wieħed biss rah? Hu ma kellux jassumi li ma kienx se jiġi kkastigat. Ġeħova ra x’għamel. Fil-​familja, il-​missirijiet kienu ngħataw l-​awtorità, imma din l-​awtorità kellha l-​limiti. F’ċerti argumenti tal-​familja, l-​irġiel tal-​belt fl-​awtorità kellhom ir-​responsabbiltà li jkunu involuti u jieħdu l-​aħħar deċiżjoni.—Dt. 21:18-21.

21 Lezzjonijiet: Ġeħova jagħtina eżempju perfett. Kulma jagħmel hu ġust. (Salm 89:14) Hu jippremja lil dawk li jobdu b’lealtà l-​livelli tiegħu, imma jikkastiga lil dawk li jużaw ħażin l-​awtorità tagħhom. (2 Sam. 22:21-23; Eżek. 9:9, 10) Xi wħud jaf jaġixxu ħażin u jidhru li qed jaħarbu l-​kastig, imma meta jkun il-​waqt Ġeħova se jagħmel ċert li jiġu ġġudikati. (Prov. 28:13) U jekk ma jindmux, dalwaqt se jkunu jafu li “hi ħaġa tal-​biżaʼ li taqaʼ f’idejn l-​Alla l-​ħaj.”—Ebr. 10:30, 31.

IL-​LIĠI LIL MIN IPPROTEĠIET B’MOD SPEĊIFIKU?

Meta kien jinqalaʼ argument, l-irġiel fl-awtorità kellhom bżonn jimitaw l-imħabba u l-ġustizzja taʼ Ġeħova (Ara paragrafu 22) *

22-24. (a) Lil min ipproteġiet b’mod speċifiku l-​Liġi, u x’nitgħallmu dwar Ġeħova? (b) Liema twissija nsibu f’​Eżodu 22:22-​24?

22 Il-​Liġi pproteġiet b’mod speċifiku lil dawk li ma setgħux jipproteġu lilhom infushom, bħal tfal mingħajr ġenituri, romol, u residenti barranin. Lill-​imħallfin f’Iżrael intqalilhom: “Tgħawwiġx il-​ġudizzju tar-​resident barrani jew tat-​tifel bla missier, u taħtafx il-​libsa taʼ xi armla bħala rahan [jew, garanzija].” (Dt. 24:17) Ġeħova kien juri interess personali teneru lejn l-​uħud l-​iktar dgħajfin fil-​komunità. U kkastiga lil dawk li ttrattawhom ħażin.—Aqra Eżodu 22:22-24.

23 Il-​Liġi pproteġiet ukoll lill-​membri tal-​familja minn kull forma taʼ inċest, jiġifieri, immoralità sesswali bejn membri tal-​familja u qraba. (Lev. 18:6-30) Għall-​kuntrarju tan-​nies taʼ madwarhom, li ttolleraw jew skużaw din il-​prattika, l-​Iżraelin kellhom iqisu din il-​prattika kif iqisha Ġeħova—xi ħaġa moqżieża.

24 Lezzjonijiet: Ġeħova jrid lill-​uħud li hu jpoġġi fir-​responsabbiltà biex jieħdu interess bi mħabba f’dawk kollha li jieħdu ħsieb. Hu jobgħod l-​istupru, l-​inċest, u l-​abbuż tat-​tfal, u jrid jagħmel ċert li kulħadd, speċjalment in-​nies l-​iktar dgħajfin, jingħataw protezzjoni. Il-​persuna responsabbli għall-​azzjonijiet ħżiena trid tagħti kont lil Ġeħova.

IL-​LIĠI, “DELL TAʼ L-​AFFARIJIET TAJBIN LI GĦANDHOM JIĠU”

25-26. (a) Għala nistgħu ngħidu li l-​imħabba u l-​ġustizzja huma bħan-​nifs u l-​ħajja? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss f’din is-​serje?

25 L-​imħabba u l-​ġustizzja huma bħan-​nifs u l-​ħajja. Dawn ma tistax tisseparahom. Meta nkunu konvinti li Ġeħova qed jittrattana b’mod ġust, l-​imħabba tagħna għalih tikber. U meta nħobbu lil Alla u l-​livelli ġusti tiegħu, niġu mmotivati nħobbu lil oħrajn u nittrattawhom b’mod ġust.

26 Il-​patt tal-​Liġi Mosajka għen lill-​Iżraelin ikollhom relazzjoni eqreb maʼ Ġeħova. Minkejja dan, il-​poplu t’Alla ma kellux għalfejn jibqaʼ jobdi l-​Liġi, u din ġiet mibdula maʼ xi ħaġa saħansitra aħjar. (Rum. 10:4) L-​appostlu Pawlu ddeskriva l-​Liġi bħala “dell taʼ l-​affarijiet tajbin li għandhom jiġu.” (Ebr. 10:1) L-​artiklu li jmiss f’din is-​serje se jiddiskuti ftit minn dawn l-​affarijiet tajbin u l-​importanza li l-​imħabba u l-​ġustizzja għandhom fil-​kongregazzjoni Kristjana.

GĦANJA 109 Ħobb mill-​qalb bil-​ħeġġa kollha

^ par. 5 Dan l-​artiklu huwa l-​ewwel wieħed minn serje t’erbgħa li se jiddiskutu għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jimpurtah minna. It-​tliet artikli l-​oħra se joħorġu fit-​Torri tal-​Għassa taʼ Mejju 2019. Dawn se jiddiskutu kif Ġeħova juri l-​imħabba u l-​ġustizzja fil-​kongregazzjoni, kif Ġeħova juri l-​imħabba u l-​ġustizzja meta niffaċċjaw il-​ħażen, u kif il-​vittmi t’abbuż jistgħu jsibu faraġ.

^ par. 2 ESPRESSJONI SPJEGATA: Is-​600 liġi u iktar li Ġeħova ta lill-​Iżraelin permezz taʼ Mosè jissejħu “l-​Liġi,” “il-​Liġi taʼ Mosè,” “il-​Liġi Mosajka,” u “l-​kmandamenti.” Ukoll, l-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja spiss jissejħu l-​Liġi. Kultant, dan it-​terminu jintuża biex jirreferi għall-​Iskrittura Ebrajka mnebbħa kollha.

^ par. 60 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Waqt li tipprepara l-​ikel, omm Iżraelija tieħu pjaċir titkellem mal-​bniet tagħha. Fuq in-​naħa taʼ wara, missier jittrennja lil ibnu kif jieħu ħsieb in-​nagħaġ.

^ par. 64 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: L-​irġiel tal-​belt fl-​awtorità bi mħabba jgħinu lil armla u binha li ġew trattati ħażin minn bejjiegħ tal-​lokal.